5.8.18

Politika u riformi soċjali.




1.    Kif kien mistenni, tul dawn l-aħħar jiem l-aġenda nazzjonali ċċaqilqet minn dik marbuta mal-ħajja ta’ kuljum.  Il-politika fiha d-diskussjonijiet tagħha.  Numru ta’ drabi tintilef taħseb billi tħares biss lejn żokritha.  Fl-istess ħin, dak li huwa verament importanti għall-bniedem fil-ħajja tiegħu ta’ kull ġurnata jintilef.  Anzi, jisparixxi fl-argumenti li ma jispiċċawx ħlief huma stess fix-xejn.  Biss, ir-realtà hemm tibqa’, ‘il bogħod mir-retorika u d-dikjarazzjonijiet.  Tibqa’ tistenna li jkun hemm soluzzjoni għaliha li, daqqa għal raġuni, u daqqa għal oħra, tibqa’ titħalla tistenna.

Luigi Sturzo u Alcide de Gasperi

2.    F’dan ix-xahar ta’ Awissu, fejn infakkru mill-ġdid il-memorja ta’ żewġ politiċi Nsara, Luigi Sturzo (fit-8 ta’ Awissu) u Alcide de Gasperi (fid-19 ta’ Awissu), li wieħed ma jistax ma jiftakarx f’ħidmiethom.  Kif dawn iż-żewġ politiċi demokratiċi-kristjani kellhom fil-prijorità tagħhom ir-riformi soċjali li s-soċjetà, kull waħda, ikollha bżonn.  Kellhom viżjoni ċara li tassigura li tgħolli lil min huwa minn taħt ‘il fuq.  B’mod partikolari de Gasperi, li kien il-Prim Ministru li kellu jibni mill-ġdid pajjiż imkisser kompletament.  Fir-riformiżmu Nisrani assigra bidliet soċjali u ekonomiċi varji proprju għax kellu pjan ċar ta’ ħidma.  Pjan li mhux biss kellu l-ħin li jibni, imma wkoll li jwettaq.

Fir-riskju tal-faqar

3.    Tul din il-ġimgħa ħarġu mill-ġdid figuri li għandhom jinkwetaw, u fl-istess ħin jindikaw li pjan nazzjonali, f’dan il-pajjiż, preżentement m’għandniex.  Il-fatt li rriżulta, għall-kuntrarju ta’ dak li qed ningħataw x’nifhmu mill-propaganda tal-Gvern, li hemm tnejn u sebgħin elf (72,000) persuna li huma f’riskju ta’ faqar għandu jinkwetana.  Din il-figura ġiet stabbilita fuq il-fatt indiskuss li hawn dan l-ammont ta’ persuni li għandhom salarju li ma jaqbiżx it-tmient’elef u seba’ mitt ewro (€8,700) fis-sena.  Dan ifisser li dawn il-Maltin u Għawdxin qed idaħħlu paga ta’ seba’ mija u ħamsa u għoxrin ewro (€725) fix-xahar.  Dan ifisser salarji li ma jippermettux lill-familja biex tlaħħaq mal-għoli tal-ħajja li għaddejja bir-ritmu tagħha.

L-għoli tal-ħajja

4.    Għax ma hemmx dubju li l-ħajja qegħda togħla u jekk ‘l hekk imsejħa ‘gwerra’ fit-tariffi li għaddejja mill-Istati Uniti tal-Amerika mal-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina tkompli tikkarga iktar ser ikun hemm żidiet oħra li ser jeffettwawna.  Għax skont dak li qiegħed jiġi mbassar, dan ser iġib żieda ikbar fuq il-prezz tal-prodotti li mdorrija nixtru kuljum għall-ħajja tagħna.  Kemm ser ikun dan għad irridu naraw, però ser iseħħ b’detriment għall-poplu.  Diġà, però, rajna żieda ta’ 4% fil-prezz tal-petrol u d-diesel, li hija t-tieni waħda li ser inġorru fix-xhur li ġejjin.  Nafu sew ukoll, kif qal sewwa l-Kap tal-Partit, li hemm 80% tal-poplu li qed isibu ruħhom iħallsu ferm iktar milli għandhom fuq il-kontijiet tad-dawl.

Ruħ soċjali

5.    Il-Gvern, f’dawn iċ-ċirkostanzi għandu jkollu l-għan li jibni l-prijorità sabiex jikkonfronta dak li għandna u dak li ġej.  Għandu ċertament jara li jqajjem il-kuxjenza soċjali tiegħu sabiex nikkonfrontaw iktar dak li qed niffaċċjaw.  Ngħid dan iktar u iktar fl-isfond tan-numru qawwi ta’ persuni ta’ nazzjonalitajiet oħra li qed jinġiebu jaħdmu f’pajjiżna, fejn il-kundizzjonijiet m’humiex dejjem tajbin ħafna.  Kif qed naraw, l-istatistika qegħda turi li min għandu r-responsabbiltà politika qiegħed japprova permessi bla rażan, u dan mingħajr ma hemm pjan jew trasparenza.

Sfidi kbar

6.    F’dan hemm bżonn ta’ ħsieb ċar u li jaħrab diversi problemi.  Ma hemmx dubju li l-ħajja soċjali u ekonomika tagħna qegħda f’dan tgħaddi minn pressjonijiet u sfidi li ma hemmx pjan veru għalihom.  Fil-politika ekonomika jidher hawn, mill-iktar ċar, li l-linja hija waħda fdata assolutament f’ħidmet is-suq.  Il-Gvern, minn dak li qed naraw, abdika sew u qiegħed iħalli ħafna għaddej, bit-tama li s-suq stess isib it-triq it-tajba.  Biss, kif nafu, dan ma jseħħx, sakemm ma jkunx hemm l-attenzjoni kostanti tas-soċjetà.  Ċertament, b’dak li qed naraw, hemm kumplikazzjonijiet xejn faċli għas-servizzi tas-saħħa, tal-edukazzjoni, tad-dinja tal-kirjiet tad-djar, li qed jitħallew għaddejjin mingħajr pjan.

Inġustizzji soċjali

7.    Hemm ukoll il-bżonn ta’ attenzjoni lill-kultura tagħna.  Ftit ilu, il-kittieb marxista Terry Eagelton, f’kuntest viċin, jgħid hekk: “The price the West now demands of weaker, poorer cultrues which wish simply to survive is that they erase their differences.  To flourish, you need by and large to stop being who you are.”  Jekk nibqgħu għaddejjin fuq din ir-rotta, li minnha wieħed jifhem li l-Gvern m’għandux pjan ta’ riforma soċjali vera, hemm se mmorru.  L-inġustizzji soċjali kbar li żviluppajna f’pajjiżna jridu jiġu regolati.  Ma jistax ikun li jibqa’ jkollna, f’ekonomija b’saħħitha, persuni li l-kundizzjonijiet soċjali tagħhom huma daqshekk baxxi.  Din, ċertament, hija pożizzjoni xejn tajba, però li għandu jkollha l-konfort li tista’ tiġi konfrontata politikament.  Proprju għalhekk li l-Partit Nazzjonalista ser jibqa’ jkun ir-ruħ soċjali tal-poplu kollu.




No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...