14.8.18

L-għeruq ta’ dan il-poplu.




1.     Issa li t-Tazza tad-Dinja għaddiet, inħossni aktar fil-libertà li niddiskuti u nfaħħar il-partijiet għall-influwenzi pożittivi tal-Ingliżi fuqna, għalkemm nagħraf li hemm dawk li huma negattivi.  Ċertament ma stajtx niktbu qabel, għax kien ikun hemm min jaħseb li biddilt fehemti fuq min jilgħab l-aħjar il-ballun.  Proprju għalhekk, u aktar tul din il-ġimgħa, li wieħed jista’ jaffronta l-aspetti tajba tal-preżenza ta’ dak il-poplu magħna.  Din il-ġimgħa, ġustament infakkru u nqisu mill-ġdid dak li għaddew minnu missirijietna fl-aħħar Gwerra Dinjija.  Il-fatt li konna taħthom, u l-fatt li ddeċidew li qatt ma jċeduna kienu determinanti f’dak li aħna llum.  Ma waqajniex taħt il-Faxxiżmu jew in-Nażiżmu.  Ma kellniex Maltin li ttieħdu f’kampijiet tal-konċentrament, anqas li ġew iffuċillati jew umiljati.  Bqajna liberi nvoluti direttament fil-gwerra, però mhux mirbuħa.

Sistema akkużatorja

2.     Niftakar li snin ilu kelli dibattitu ma’ numru ta’ senaturi Taljani dwar kif naħsbuha bħala poplu.  X’differenzi jeżistu bejn il-poplu fl-Ewropa u fil-Mediterran.  X’nagħtu importanza għalih aħna bħala Maltin.  X’naraw u x’inqisu fil-moħħ tagħna.  Qbilna li ċertament aħna differenti mill-ġirien, huma min huma.  Ngħid li hemm numru ta’ elementi li writna mill-influwenza u l-ideat li nibtu bil-preżenza tal-Ingliżi hawn, li biddlu u kattru linja ġdida.  Ngħid li l-liġijiet li kellna raw bidliet importanti, speċjalment fil-kamp tal-Kodiċi Kriminali u l-proċedura fil-proċessi penali.  Il-fatt li aħna, għal mitejn sena nħaddnu l-prinċipju li huwa l-Istat li jrid jipprova l-ħtija f’min huwa akkużat, u mhux il-kontra.  Nemmen li dan, fih innifsu welled sens ta’ libertà, indipendenza u drittijiet li kull bniedem ħaqqu.

Drittijiet politiċi

3.     Anki fl-aspett politiku ġejna influwenzati ħafna.  Forsi ż-żminijiet kienu maturi, fis-sens li diversi Maltin kienu litterati u kienu qed isegwu dak li għaddej barra, però l-fatt jibqa’ li kien taħt l-Ingliżi li twieldu l-partiti.  Movimenti li kibru u espandew fl-ispazju li ngħataw.  Dawk li bdew jifhmu kif taħdem is-sistema demokratika u kemm kienet differenti mis-sistemi kostituzzjonali ta’ stati oħrajn fl-Ewropa u fil-Mediterran.  Il-fatt li kienu esposti, bdew jaqraw, isegwu x’kien qed jiġri fl-Ingilterra, rabba sejħiet nazzjonali.  L-għarfien li għandu jkollna drittijiet politiċi, li l-Maltin jistgħu jivvutaw u jistgħu jiġu vvutati biex jirrappreżentaw.  Il-konvinzjoni li kapaċi namministraw, immexxu ‘l quddiem, infasslu u nġibu fis-seħħ il-liġijiet.  F’mitt sena konna diġà b’ċittadini li huma vuċijiet qawwija jsejħu lejn indipendenza.  Ħaġa li ma ġratx fil-mijiet ta’ snin li damu hawn il-Kavallieri ta’ San Ġwann.

Sistema demokratika

4.     Id-demokrazija tagħna tibqa’ waħda mwielda mill-ideat u l-influwenzi ta’ dak il-pajjiż.  Kif isiru l-elezzjonijiet, kif jiġi ffurmat il-Parlament bil-bżonn ta’ Prim Ministru u Kap tal-Oppożizzjoni, ta’ partiti politiċi, ta’ libertà tal-Istampa.  Dawn kollha ġejjin min hemm.  M’għandniex sistema purista, ċertament, imma l-għeruq hemm qegħdin.  Iwritna ħafna, fit-tajjeb u anki f’dak li mhuwiex.  Il-proċedura parlamentari u diversi regoli oħra.  Il-mod li bih jiġu ffurmati u rikonoxxuti legalment il-partiti politiċi.  Jekk wieħed iħares u jsegwi dak li għaddej preżentement fir-Renju Unit jifhem ferm iktar dan.  Żewġ partiti kbar iddominaw ix-xenarju.  Mimlija ideat u kurrenti.  Bil-Prim Ministru Teresa May fil-Gvern trid iżżomm partit li għandu żewġ naħat bħal dak tal-Kap tal-Oppożizzjoni Jeremy Corbyn, li huwa wkoll għandu dan fi ħdanu.

Kummerċ

5.     Anki s-sistema kummerċjali tagħna ġiet influwenzata tajjeb.  Il-ħsieb li pajjiżna għandu vantaġġi li jista’ minnhom iżid l-ekonomija tiegħu.  Il-fatt li l-pajjiż huwa fiċ-ċentru tal-Mediterran ifisser li s-settur marittimu huwa wieħed li għandu jiġi kultivat.  Il-viżjoni tan-negozjant ta’ pajjiżna nfetħet sew.  Ġew ukoll diversi negozjanti Ngliżi hawn li bdew jikkompetu internament, imma l-iktar esternament.  Mill-mod ta’ kif kienu jaħdmu, mill-prodotti li kienu jidħlu għalihom ġiebu ftuħ differenti, ngħid iktar “globalizzat”.  Anki s-sistemi ta’ kif wieħed jidħol f’setturi ġodda, ta’ kif wieħed jagħraf opportunitajiet, ta’ kif persuna tiżviluppa t-talent ta’ intraprenditur.  Bil-preżenza ta’ banek kummerċjali ġodda.  Tal-ftuħ lejn il-produzzjoni industrijali.  L-ekonomija tagħna twieldet u għadha, sa ċertu punt, tħares lejn dak li qed isir fir-Renju Unit għax huwa iktar faċli biex tifhmu jew biex tħaddmu hija stess.

Libertà tagħna

6.     Tul din il-ġimgħa, ġustament niftakru iktar f’dawn ir-rabtiet.  Meta niċċelebraw il-festa ta’ Santa Marija fil-15 ta’ Awissu, mingħajr ma rridu mmorru lura għall-Konvoj tal-1942.  Dak li sett sitta u sebgħin sena ilu jibqa’ mument determinanti fl-istorja tagħna.  L-eroiżmu ta’ dawk li ssagrifikaw ħajjithom għal gżira apparentement żgħira imma mimlija importanza jrid jiġi mfakkar u mfaħħar.  Lil dawk li tilfu ħajjithom għandna nsellmulhom.  Qegħdin hawn mertu tagħhom.  Qegħdin hawn ukoll mertu ta’ dik l-id misterjuża li żammet lill-bastiment ‘Ohio” mimli b’petrol tant vitali għall-ajruplani li kienu qed jipproteġuna.  Bastiment milqut diversi drabi mill-għadu.  Abbandunat mill-ekwipaġġ, li però baqa’ fil-wiċċ u ddaħħal se jgħereq l-aħħar fil-Port il-Kbir tagħna.  Storja li żżommok taħseb u tirrifletti.

Poplu ġeneruż

7.     Dan il-pajjiż għadda minn ħafna, u għad fadallu x’jara.  Biss, tul din il-ġimgħa għandna naċċettaw li aħna li aħna mertu tal-eventi passati.  L-Ingliżi ħallew il-wirt tagħhom.  Popli oħra hekk għamlu meta kienu hawn.  Għalhekk, dak li għaddejna minnu bħala poplu jsarrafna f’dak li aħna llum.  Napprezzaw, u fl-istess ħin nirrikonoxxu l-merti li fuqhom bnejna lilna nfusna.  Aħna poplu ġeneruż mimli b’talenti tajba.  Poplu li għandu jkompli jirrikonoxxi li l-valuri Nsara tiegħu jsawruh u jiddistingwuh.  Poplu li anki jekk jidher li qiegħed jinbidel, f’dawn il-jiem nindunaw li l-għeruq tiegħu ma jabbandunahomx.



No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...