13.12.17

Int lest li tgħin?


1. B’domanda sempliċi, diversi membri parlamentari u uffiċjali tal-partit qed iduru fuq l-poplu Malti u Għawdxi f’dan il-jum tal-Ħadd. Il-partit Nazzjonalista qiegħed jgħamel sejħa ċara u diretta għal dawk li jridu jsostnu ħidmet l-Oppożizzjoni - sejħa lejn dawk li jridu li l-partit jipprepara ruħu mill-gdid għall-isfidi elettorali li ġejjin lejna. Fis-siegħat ta’ wara nofsinhar ser inkunu għaddejjin b’maratona sabiex niġbru kemm huwa possibbli l-fondi li huma neċessarji u essenzjali għal ħidmietna. Ma jseħħ xejn mingħajr l-appoġġ tal-bnedmin ta’ rieda tajba u li jifhmu li stat ma jkunx demokratiku jekk ma jkollux vuċi li tieqaf u topponi lill-Gvern.

Bżonn ta’ riflessjoni

2. Huma żminijiet diffiċili għalina. Għandna komplikazzjonijiet ta’ natura differenti. Uħud minnhom fhimnihom diġà, oħrajn għadna fit-triq lejhom. Ħafna anzi nara li għadhom m’ analiżżawx tajjeb ir-raġunijiet veri għat-telfa elettorali tagħna f’Ġunju li għadda. Oħrajn forsi ukoll qed jippruvaw jaħirbu dak li bdew jindunaw bih. Ohħrajn ma jistgħux jaċċettaw li l-posizzjoni politika tbiddlet kompletament u huwa mistenni minnhom ukoll li jinbidlu. Jaċċettaw li m’ aħniex aktar sejrin lejn l-elezzjoni ġenerali għax dik saret u ngħalqet. Hemm proċess li sar u għadda li għalih ir-realtà hija li mhux kullħadd qiegħed jifhem u jirrealizza dak li għandu jsir. F’dan il-mument partikolari anzi aktar minn reazzjonijiet sporadiċi jew reazzjonarji hemm bżonn ta’ riflessjoni.

L-istat ta’ fatt jibqa

3. Nirriflettu u nifhmu iktar il-punti politiċi varji. Naqrawhom aħjar. Inmissu aktar idejna mal-polz tal-poplu. Dan għax l-istat ta’ fatt jibqa li l-ewwel il-maġġoranza fl-elettorat għar-raġunijiet varji tiegħu ma rax li konna għalih alternattiva “kredibbli”. It-tieni, mir-riżultati li ġibna l-messaġġ tagħna ma kienx qiegħed jasal fil-widnejn kif kellu jasal. It-tielet li kif nafu, diġà konna u għadna fi żvantaġġ fis-saħħa li wieħed għandu bżonn sabiex juża l-medja biex iwassal l-ideat tiegħu. Biss miegħu ngħid li fir-raba’ l-istrateġija u t-tattika li ġiet użata ma rnexxietx f’dak li ġiet imqabbda li twettaq. Din hija r-realpolitik li għandna quddiemna u li jekk rridu nimxu ‘l quddiem rridu nikkonfrontaw.

Bidla minn taħt għal fuq

4. F’dan ix-xenarju politiku għalhekk wieħed għandu jifhem u jirrealizza li l-ħatra ta’ Dr Adrian Delia bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista kienet u tibqa waħda sabiex tbiddel id-direzzjoni, il-metodu, l-istrategija u t-tattika li konna qed nużaw qabel. L-elettorat li vvota għall-Partit Nazzjonalista minn ħdanu għażel li jkollu persuna li ddikjara u kif qed naraw beda proċess li jibdel. It-tesserat umli u li jgħix fit-triq mal-bnedmin fehem u wara ddeċieda li aħna għandna bżonn ninbidlu. Il-bidla saret u ġiet imposta fuq diversi minn taħt għal fuq. L-għajta ġiet minn dawk li l-politika tagħmel differenza vera fil-ħajja ta’ kull ġurnata għalihom. Ġie minn dawk li jħossuhom rappreżentati minna. Minn dawk li ma humiex parti minn xi elite anqas minn xi klassi soċjali unika. Ġiet minn dawk li huma parti mill-klassijiet soċjali kollha tas-soċjetà u li jaqblu mal-prinċipji u l-ideat tagħna.



Inħarsu fit-tul

5. Kull min segwa jaf li f’temp relattivament qasir il-Partit Nazzjonalista għandu bnedmin ġodda li ġew eletti demokratikament biex imexxuh. Saret bidla interna fl-uċuħ u daħlu għall-piż tar-responsabbilità politika nies differenti. Persuni li jridu jagħtu s-sehem sħiħ tagħhom sabiex nibnu mill-ġdid. Nibnu l-partit b’passi differenti. Passi li jresquna lura lejn il-fiduċja li trid tinbena bejna u l-poplu kollu. Għax ħarsitna trid tmur ‘l quddiem u din trid tkun fit-tul. Irridu nibnu l-pjan tagħna sabiex il-partit jibdel l-immagini u jiċċaqlaq mil-pożizzjonijiet żbaljati li kien qiegħed jieħu qabel. Juri fuq kollox aħjar il-valuri demokratiċi nsara tiegħu fil-ħidma ta’ kull ġurnata.



Bikom biss

6. F’dan huwa kruċjali li jsir il-ħsieb it-tajjeb għall-futur kif ukoll li jkun hemm t-tixrid effikaċi tal-ideat tagħna. Il-partit mingħajr l-għajnuna tagħkom ma jistax jaħdem kif jixtieq. Kull donazzjoni hija importanti u ser tagħmel differenza għalina. Differenza għax tagħtina l-opportunità li naħdmu aħjar. Differenza għax irridu nuru li dħalna fi staġun ġdid ta’ kif issir il-politika. Differenza għax irridu jkollna l-forza li nwieġbu għal din is-sitwazzjoni politika. Bikom biss nistgħu nibdlu. Bikom biss nistgħu nkunu alternattiva soda għal dan il-Gvern. Bikom biss nistgħu nagħmlu l-kritika li tinstema’ ċara u diretta barra. 

Il-proċess ta’ riforma beda

7. Il-Partit Nazzjonalista beda f’dan kollu paġna ġdida u qiegħed jikteb kapitolu tajjeb fl-istorja tiegħu. Beda l-proċess ta’ riforma interna u dik li permezz tagħha nużaw aħjar id-diversi talenti tajbin li għandna. Proprju għalhekk  li matul dan il-jum ser isiru diversi appelli minna li nħobbu l-partit li fihom nitolbukom l-għotjiet tagħkom. Proprju għalhekk li ġie organizzat dan il-jum. Proprju għax dħalna f’din il-mixja li qed induru fuqkom u nistaqsu lilkom lkoll individwalment  “Int lest li tgħin?”.   

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...