2.10.17

L-ideat it-tajba ma Jiqdimux u ma Jinbidlux


 
1.      Minn għada l-partit jkun lura fil-Parlament.  Jidħol lura biex tinbeda t-triq tal-bidla li dan il-pajjiż għandu bżonn.  Jibda jaħdem fi proġett politiku differenti.  Wieħed li huwa miftuħ għal dawk li jridu jagħtu sehemhom, ta’ bnedmin liberi, b’saħħithom u li f’qalbhom iridu l-ġid veru tal-poplu.  Dawn ix-xhur li ħallejna warajna servew biex niskopru mill-ġdid li aħna demokratiċi nsara.  Li aħna kapaċi nċaqilqu u nimbuttaw mill-qiegħ, mill-kunsillier, mit-tesserat, il-proċess politiku demokratiku li jirnexxi.  Li f’dan fhimna aktar li għandna partit mimli b’riżorsi umani kbar.  Li fhimna li aħna għandna enerġija, preparazzjoni u determinazzjoni biex ikun hemm bidla ġdida.  Li aħna partit tal-azzjoni bażata fuq il-valuri nsara li nħaddnu.

Leġislatura ta’ ħidma

2.      Din hija leġislatura ta’ ħidma.  Waħda li minnha rridu naraw fejn sejrin, liema toroq nieħdu, ta’ liema metodu nutilizzaw, ta’ liema tattika rridu, ta’ liema strateġija ser nieħdu.  Għandna l-forza interna, għandna r-riżorsi, il-passjoni u d-dedikazzjoni biex nimxu ‘l quddiem.  Konfort għax nafu li jridu jsiru bidliet fl-impostazzjoni tagħna.  Il-partit irid jiġi organizzat differentement.  Il-membri tiegħu jitqegħdu fil-pożizzjoni li jagħtu sehemhom aħjar, b’mod iktar effettiv.  Fejn kull persuna huwa importanti, u ħadd ma jiġi kkunsidrat dispensabbli.  Fejn il-mezzi tal-partit ikunu miftuħa, għad-dispożizzjoni ta’ iktar vuċijiet, anke dawk li jistgħu jidhru kuntrarji għal xulxin.

Nibnu differentement

3.      Irridu nibnu differentement il-proġett politiku tagħna.  Il-manifest elettorali tagħna jrid jibda jinħadem minn issa.  Jinħadem b’iktar parteċipazzjoni u kollaborazzjoni.  Jinħadem minn taħt għal fuq.  Bejn dawk li għandhom il-polz tal-preżent u dawk li għandhom l-esperjenza tal-passat.  Fi proċess ta’ diskussjoni, ta’ djalogu, ta’ konfrontazzjoni ta’ ideat.  Li nifhmu, f’dan kollu, li għandna nkunu fiċ-ċentru politiku u moderat li dan il-poplu jrid mingħandna. Parti mil-linja sabiex nassiguraw li nkunu għodda politiċi li nġibu ordni soċjali ġust illum, u nħarsu li jkun hemm mekkaniżmu iktar effikaċi għat-twettiq ta’ dan fil-futur li ġej.

Lejn il-politika t-tajba

4.      Inkunu mill-ġdid dak il-partit li rrappreżenta, għal żmien twil, il-mod tajjeb ta’ kif issir il-politika.  Nifhmu li hemm sejħa li permezz tagħha l-elettorat qed jippretendi mingħandna f’dan il-partit li nkunu dawk li jġibu: l-ewwel, id-dinjità lura lill-politika; u t-tieni, lil dawk li jservu fil-politika.  Nikkumbattu dawk li huma ċiniċi fil-politika Maltija.  Ta’ dawk li jaħsbu li kull min jidħol fil-politika jidħol għall-interess individwali u egoistiku tiegħu.  Li jifhmu mill-ġdid li hemm ħafna persuni fi ħdan il-partit tagħna li huma ġenerużi u altruwisti.  Li jemmnu lkoll fis-sewwa, fl-onestà, fit-trasparenza tal-imġieba tagħhom, li jikkumbattu lkoll il-kriminalità, l-illegalità u l-atti ta’ korruzzjoni morali u materjali.  Li, fuq kollox, jagħtu ħafna mill-ħin tagħhom għall-oħrajn mingħajr ma jippretendu xejn lura, salv li jseħħ u jiġi mplimentat is-sewwa.




L-alternanza parlamentari

5.      Dan fih iktar u iktar rilevanza f’dan il-mument politiku partikolari.  L-alternanza parlamentari ma hix inevitabbli.  Però, għal min iħoss il-polz u jara dak li għaddej jifhem li hija proġett politiku possibbli.  Qegħdin fit-tieni leġislatura ta’ dan il-Gvern.  Wieħed li bena l-kunsensi elettorali tiegħu fuq numru ta’ punti li m’humiex diffiċli biex nifhmu.  Punti li, fil-verità, jippruvaw jimitaw dak li sar aħjar minn Gvernijiet Nazzjonalisti preċedenti.  Biss, kif nafu, l-oriġinal jibqa’ dejjem aħjar mill-kopja.  Mhux biss, imma dan il-mudell, li jidher li huwa tant b’saħħtu fl-operat tiegħu, fil-verità ssibu li m’huwiex kif jidher.  Hemm dgħjufijiet li għad irridu narawhom ċari beraħ.  Fir-realtà, għal min jaħseb u jifhem, il-bieb politku huwa miftuħ, l-opportunità qegħda hemm, u rridu nagħrfu iktar il-linja li rridu nieħdu jekk irridu nbiddlu.

Responsabbiltà politika

6.      Għandna r-responsabbiltà politika fuqna lkoll.  L-unità interna fil-partit hija f’dan essenzjali u determinanti.  Fejn irridu nifhmu li nistgħu nieħdu toroq differenti fit-triq tal-għażla għal min imexxi, però ladarba niddeċiedu allura hemm pożizzjoni waħda.  Qegħdin, anzi għadna kif dħalna, fil-bidu tas-seklu wieħed u għoxrin.  Seklu li huwa mimli b’wegħdiet differenti, bil-possibilità ta’ bidliet differenti li bihom nistgħu nassiguraw iktar ġustizzja u ferħ għall-poplu tagħna.  Il-partit għandu għad-dispożizzjoni tiegħu diversi membri parlamentari, diversi kunsilliera u kandidati li fuqhom jista’ jibni proġett politiku.  Bnedmin li sabu bnedmin oħra juru l-fiduċja fihom.  Persuni li jirrappreżentaw il-viżjoni tas-soċjetà li dan il-poplu għandu ġewwa fih.

Kap ġdid u determinat

7.      Il-Kap il-ġdid, Adrian Delia, huwa parti u riżultat ta’ dan il-proċess demokratiku intern fi ħdan il-partit.  Konklużjoni loġika li bih qegħdin naqbdu linja politika differenti.  Mhux fil-valuri demokristjani li aħna parti minnhom, imma fil-metodoloġija, fl-istrateġija, fit-tattika.  Huwa qiegħed hemm u qabad din it-triq mhux għax ġie impost minn xi ħadd, imma għax il-militanti u l-votanti tal-partit hekk, fil-libertà tagħhom, riedu.  F’din ir-realtà, f’din il-pożizzjoni politika jidher ċar diġà li qiegħed jimxi ‘l quddiem, minkejja dak li kellu jaffronta.  Ġieb lura miegħu riħ ġdid ta’ bidla u entużjażmu politiku li konna ilna ma naraw.  Kif jidher mill-ewwel passi tiegħu, qiegħed jiġbed il-partit għażiż tagħna lejn il-progress u l-perseveranza politika li għandna bżonn.  Anki jekk, irridu nammettu, li telaq b’kurrenti kuntrarji, fl-attenzjoni, paċenzja u determinazzjoni tiegħu jaf x’inhuwa jagħmel.  Qabad lura l-ideat, il-ħsibijiet u l-passi li kienu ċwievet ta’ suċċess għall-mexxejja passati tal-partit.  Għax, ngħidu x’ngħidu, l-ideat it-tajba ma jiqdimux u ma jinbidlux.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...