24.9.15

Biex it-Tajjeb ma Jonqosx.


1.      Kull soċjetà trid tagħraf li biex ikun hemm il-paċi u l-ġustizzja fi ħdanha trid taħdem u tistinka hija għalihom.  Meta tmur lura, meta tabbanduna l-valuri fundamentali tagħha biex tmur għall-avventuri oħra tispiċċa ħażin.  Hekk seħħ fl-Ewropa, li aħna parti sħaħ minnha, fis-seklu l-ieħor.  Bl-abbandun fil-Ġermanja nażista tal-valuri nsara għal dottrini materjalisti tal-bniedem, għall-atejiżmu u forom ta’ sekulariżmu nqabdet triq li wasslet għall-agħar eventi tal-istorja tal-bniedem.  Wasslet sabiex id-dinjità ta’ diversi bnedmin spiċċat f’kampi tal-konċentrament fejn inqatlu sistematikament bl-aktar mod atroċi.

2.      Tul il-perjodu tar-renju nażista, il-Ġermanja u pajjiżi oħra sfortunatament bdew proċess li bih bdew jeliminaw sistematikament bnedmin bħalhom.  Ittieħdu diversi Lhud, persuni b’diżabilità, priġunieri politiċi, persuni b’orjentament sesswali differenti f’postijiet, kampijiet ta’ konċentrament fejn l-ewwel bdew jiġu umiljati, imċaħħda minn kollox u wara maqtula.  Il-ħruxija, l-atroċità ta’ aġir simili għandu u għadu llum il-ġurnata jweġġa’ lil bnedmin li huma normali u denji ta' dak l-isem.  Ħadd, matul u wara l-aħħar gwerra dinjija ma seta’ mill-ewwel jemmen li dan seħħ.  Kien hemm proċess ta’ informazzjoni u għarfien li biċċa biċċa ġieb in-nies jifhmu x’ġiebet din l-ideoloġija anti-umana li ċaħħdet kull bażi li l-valuri insara kienu bnew.  Fejn l-atejiżmu tal-Istat wassal għal dan ukoll.

3.      Il-proċess ta’ informazzjoni kien gradwali.  Diversi, speċjalment min kien sostenitur tan-nażiżmu u min kien jgħix fil-Ġermanja, ħarab minnha.  Ir-realtà u l-verità tal-fatti sabu ħajt f’moħħ ta’ diversi li kienu ġew bumbardati mill-propaganda tar-reġim.  Lezzjonijiet importanti f’demokrazija għax hija parti minn linja ta’ anti-demokrazija meta l-Istat jibda jilgħab mal-fatti, jgħid parti minnhom, ma jgħidhomx u anzi jgħid il-kontra tagħhom.  Diversi li kienu ħadu sehem attiv fil-gwerra sabu li ma kienu wettqu xejn onorabbli iżda kienu ħadu sehem, sostnew u pparteċipaw fi tmexxija li għamlet l-agħar ħwejjeġ li ċiviltà ma tista’ qatt taċċetta.  Abbużat minnhom f’isem ideoloġija li ġiebet biss traġedji.

4.      Diversi dokumenti li ġew preparati minn dawk li marru fil-kampjiet ta’ konċentrament li ttieħdu fil-mument meta kienu għadhom kif ġew liberati l-ftit li kien għad hemm fihom urew u għadhom juri dik ir-realtà.  Biss ftit kienu dawk li wara l-gwerra rawhom.  Kien hemm trapass ta’ żmien sabiex dak li nstab jiġi mxandar.  Ir-ritratti u films ta’ bnedmin li kienu għadhom kif inqatlu.  Immaġini ta’ kadavri umani mixħuta barra jew misjuba fil-fran maħruqa jew midfuna damu biex ħarġu.  Iktar ma wieħed jarahom illum ferm iktar aċċessibbli fuq il-mezzi tat-teknoloġija moderna, iktar wieħed jifhem x’taħwid jidħol f’moħħ il-bniedem appena jneħħi minn fih il-valuri tal-bniedem, dawk insara.  Kif dawn jikkrollaw ma jibqa’ xejn biex iżomm il-persuni milli jiġġustifikaw atroċitajiet bħal dawn.

5.      L-iktar strument li rnexxielu jibda jfiehem lid-dinja u lill-Ġermanja x’seħħ kienu l-proċessi kriminali li seħħew kontra diversi.  L-ewwel dak ta’ Nuremberga, wara fi Frankfurt u iktar tard diversi oħrajn fejn persuni bħal dak ta’ Adolf Eichmann f’Ġerusalemm servew sabiex jibgħatu barra biċċiet minn dak li bnedmin bħalhom kienu wettqu lil oħrajn.  Il-proċess ta’ Nuremberga, li din is-sena f’Novembru nfakkru s-sebgħin sena tiegħu u li tmexxa mill-allejati, b’mod partikolari Robert Jackson, dam għaddej 218-il ġurnata, b’236 xhud, 5330 dokument u 200,000 dikjarazzjoni.  Hemm ġew proċessati diversi għal numru ta’ reati, fosthom delitti kontra l-umanità.  Fl-Università tagħna fortunatament għad hemm fuq l-ixkafef tal-librerija l-proċess sħiħ, xiehda ħajja.  Dak li seħħ hemm huwa evidenza ta’ dak li għaddew diversi u wieħed għandu jaqra u jisfolja sew biex jifhem.

6.      L-istess il-proċess, li huwa ġeneralment magħruf bħala l-“proċess ta’ Auchwitz-Frankfurt”, li beda f’Diċembru tal-1963.  Dan il-proċess kriminali seħħ snin wara l-1945 però kellu l-vantaġġ li issa ma kienux l-allejati li mexxewh iżda l-istess poplu Tedesk.  Minkejja li diversi Lhud ma riedux imorru lura l-Ġermanja li raw fiha l-art li għamlet tant ħsara biex jixhdu, xorta l-proċess għamel 183 seduta fuq 20 xahar, fejn saħansitra l-Qorti marret hija wkoll fil-kamp tal-konċentrament.  Tul din il-ġimgħa, f’numru ta’ artikoli tfakkar proprju l-ħamsin sena mis-sentenzi li ngħataw għax il-każ inqata’ fid-19 ta’ Awissu 1965.  Tressqu diversi punti ta’ riflessjoni li għandhom żgur rilevanza storika u li jixħtu dawl fuq id-diffikultajiet li l-Ġermaniżi ffaċċjaw wara l-gwerra.  Però fuq kollox jindikaw li n-nażiżmu m’huwiex u anqas qatt ma jista’ jkun tajjeb.

7.      Ħafna drabi fl-udjenza Ewropea terġa’ tiġi ripetuta l-istorja u dak li huwa verament ħażin, u għamel hekk ukoll, jerġa’ jkun hemm min jazzarda li jressqu bħala tajjeb.  Jaħdem fuq in-nuqqas ta’ informazzjoni tal-oħrajn sabiex jipprova juri l-kontra ta’ dak li seħħ.  Kull soċjetà li hija demokratika u tibbaża ruħha fuq it-tħaris tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem triq toqgħod ferm attenta għal dan.  Hemm il-livell legali li huwa f’postu.  Illum, bl-artikolu 82B tal-Kodiċi Kriminali huwa delitt li tagħmel dan.  Biss, iktar minn hekk hemm bżonn li bħala soċjetà nifhmu li hemm prinċipji li huma marbuta mad-dinjità tal-persuna li wieħed ma jistax imiss.  Prinċipji li huma mwielda mill-valuri nsara li jridu jikkumbattu l-atejiżmu tal-Istat.

8.      Tul dan is-sajf, bħal oħrajn infakkru u fakkarna dak li seħħ f’dawn il-gżejjer fil-ġlieda tagħna għal-libertà u l-ġustizzja tul l-aħħar gwerra dinjija.  Ma nistgħux inħarsu lejn dan bħala sempliċi ritwal storiku fejn jitqegħdu l-kuruni u l-fjuri, jsiru d-diskorsi u wara kollox jispiċċa hemm.  Irridu mmorru iktar fil-fond u nifhmu li dak li ġie kkumbattut qabel għad irid jibqa’ f’dan iż-żmien.  Meta tneħħi s-sewwa, meta tnawwar it-tajjeb, allura tkun qed tibda proċess li jwassal għad-diżumanità tal-bniedem.  Iġġibu oġġett li ma għandux valur.  Tqegħdu fuq l-istess livell ta’ dak li tista’ teħles minnu mingħajr konsegwenzi.  Kull soċjetà trid tikkumbatti għas-saħħa tagħha u tifhem x’qiegħed jiġri, inkella dak li huwa tajjeb jonqos u jintilef b’dannu kbir għalina lkoll.

No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...