7.9.15

Linja ta’ Ċivilità Mediterranja.




1.Il-Mediterran għandu elementi naturali, kulturali u soċjali uniċi. Jifirduh minn regjuni oħra tad-dinja. Anzi jiddistingwuh bħala l-post li fih ġabra ta’ punti li diversi reġjuni oħra m’għandhomx. Diversi oħra li numru ta’ drabi minflok japprezzawh jipprovaw jċekknuh. Quddiem il-kobor ta’ dik iċ-ċiviltà li kibret tul is-sekli madwar l-irkejjen kollha ta’ dan l-baħar, hemm min jiddefendi ruħu billi jipprova jmaqdru u miegħu ‘l-bnedmin li jgħixu fih. Meta taqbad dak li numru ta’ awturi  kitbu u daħlu fil-fond fuqu fosthom Erle Bradford, Fernand Braudel, Arnold Toynbee u iktar reċentement David Abulafia tifhem ferm aħjar il-passat u l-għeruq li jiddistingwuna minn oħrajn.



2. M’ għandniex niġu kkundizzjonati minn oħrajn f’dak li aħna. Anqas m’ għandna niġu mqiegħeda f’pożizzjoni li naħsbu li ma aħniex tajbin u li aħna mimlijin difetti - ħaddiehor huwa perfett mentri aħna le jew li ta’ fuq jgħamlu kollox kif suppost mentri aħna le. Il-Mediterran għandu madwaru ġabra twila ta’ ċiviltajiet li ebda baħar ieħor m’għandu. L-Eġizzjani, il-Feniċi, il-Griegi, ir-Rumani, il-Musulmani, il-Lhud, it-Torok, l-Iberiċi - semmi lil min trid u ssib li ħallewlna wirt uniku li m’għandniex niċhdu u li nafu li oħrajn ma jistax ikollhom. F’dawn is-sekli semmi li min trid issib pero’ linja b’saħħitha li fiha kull poplu tħallat ma’ ieħor. Is-soċjetà Mediterranja ma baqgħetx statika, arida, wieqfa, iżda mxiet u mexxiet nies ġejjin minn fejn ġejjin.



3. Hija abbilità Mediterranja li tilqa u taċċetta bħala normali l-immigrazzjoni tal-bnedmin. Hija indikazzjoni ta’ flessibilità qawwija u umanità. Min ma jaqrax, min ma jippruvax iħares lura biex jifhem, jsib ruħu maħkum min dawk li jaħsbu li hemm xi gwadann billi ma titħallatx. Hemm xi vantaġġ billi żżomm barra min jista jkun element fil-proċess ta’ kull soċjeta biex tilhaq il-punti u l-miri ġodda tagħha. Hija att ta’ ċiviltà, ta’ rispett, ta’ ospitalità li aħna fil-Mediterran nifhmu aħjar u anzi nħaddnu anki jekk ma nafux li ġejja mill-għeruq interni tagħna. Din m’hix biss kwistjoni ta’ valuri nsara li żiedu fuq dak li kien hemm imma qabel. Meta San Pawl wasal f’dawn l-gzejjer ma tkeċċiex iżda ġie milqugħ. Il-kliem ta’ San Luqa u ċioe li laqgħuna bi ħlewwa liema bħala huma sinjal ċar tal-linja ta’ ċivilità li l-Mediterran sawwar fina.



4. Tul dawn l-aħħar snin ilna naraw kwantità kbira ta’ bnedmin jabbandunnaw l-art li twieldu u trabbew fiha biex jaqsmu dan l-baħar u jidħlu fl-Ewropa. Daqqa min-naħa Spanjola, daqqa min dik fin-nofs f’pajjizna u l-Italja, u daqqa mill-Greċja. In-numru ta’ bnedmin ma naqasx. Żdiedu iktar il-familji. U wieħed jifhem li meta f’pajjizek tkun għaddejja gwerra li ma tridx tieqaf fil-qtil u l-atroċitajiet tagħha tiġi fin-neċessità assoluta li tiċċaqlaq bir-razza u r-radika. Meta nħarsu lejn dak li ghaddej fis-Sirja u l-Iraq nistgħu b’xi mod ma naċċettawx li min qiegħed hemm jgħaraf li jekk ser jibqa f’artu ser imut hu flimkien ma’ dawk li għandu għal qalbu? Meta naraw biċċiet minn dak li l-medja internazzjonali tagħtina u naraw dak li għaddej nistgħu nagħtuhom tort?



5. Għax huwa uman, inevitabbli, li f’dawn iċ-ċirkostanzi bnedmin bħalna jerħu kollox warajhom u jaħirbu. Aħna għandna l-paċi u huma għandhom il-gwerra. Aħna għandna Ewropa fejn jirbaħ id-dritt u hawn livell għoli ta’ għixien u huma għandhom il-liġi tal-ġungla u m’għandhomx x’jieklu  u fejn jorqdu. Min jahrab il-mewt imur fejn jista jsalva ġildu. Huwa daqshekk ieħor normali li dawn il-bnedmin jaqsmu lejn l-Unjoni Ewropea. Hija din l-art ta’ pajjiżi magħqudin b’regoli u prinċipji li tħajjarhom jiġu. Fuq naħa huwa proċess li sar fil-passat u sakemm jibqu jeżistu il-bnedmin ser jibqa jsir. Fuq l-oħra huwa kumpliment. L-Ewropa irnexxiela tibni dak li kontinenti oħra la bdew u oħrajn anzi fallew.



6. L-eventi ta’ dawn l-aħħar ġimgħat, tal-kwantitajiet kbar ta’ bnedmin li ċċaqilqu huma f’dan opportunità unika.  Jiddependi mill-Unjoni Ewropea li tilqa din l-isfida jew li titlifha. Li pajjiż Ewropew  jgħati kenn u ospitalità lil min qiegħed jaħrab ngħid li huwa parti sħiħa mid-dmir morali tiegħu. Pero’ anki jekk ikun hemm min m’għandux d-dehen u l-valuri Mediterranji bil-qafas legali li bnejna fl-Unjoni, ma hemmx dubju li dan għandu jingħata. Ma hix kwistjoni ta’ tibdil fir-regoli li għandna fil-politika komuni dwar l-ażil imma tat-tħaddim sewwa tagħha. Is-solidarjetà lejn bnedmin li m’ għandhomx ebda forma ta’ difiża hija massima morali u legali tagħna lkoll.



7. F’sekli sħaħ din hija opportunità ġdida għall-Ewropa li tħares mhux sal-ponta ta’ mneħirha iżda iktar ‘l-bogħod. Min ġej illum huwa diġa determinat li jmur lura meta għada pitgħada l-affarijiet f’pajjiżi jinbidlu. Dak li jirċievu ħażin jew tajjeb illum jibqgħu jiftakruh. Iġorruh magħhom u jgħadduh lil uliedhom u ulied uliedhom - opportunità biex tibni rabtiet li d-distanza ġeografika ma ġġibx. L-Unjoni Ewropea għad għandha d-difett li tul Awwissu twaqqaf il-magni tal-istituzzjonijiet tagħha. Dan huwa żball għax proprju f’dan ix-xahar, kif qed naraw sena wara sena, li hemm l-aktar bżonn ta’ deċizjonijet importanti u f’waqthom. M’ huhiex aċċettabbli li pajjiżi fl-Unjoni Ewropea jew li huma demokratiċi jitħallew jabbandunaw lil dawn il-povri bnedmin mingħajr assistenza, gwida, saqaf fejn jorqdu, x’jieklu u fuq kollox li jigi rikonoxxut lilhom id-dinjità tagħhom bħala refuġjati jew li ħaqqhom protezzjoni taħt ir-regoli Ewropej.



8. Ħafna jitkellmu fuq kunċetti żbaljati ta’ suppost interessi nazzjonali mentri fir-realtà jkunu qed jaħirbu biss minn dak li jistgħu isolvu, ta’ dak li, kieku jwettquh, jistgħu jkunu strumenti ta’ ġid u ċivilità. Issa ilna ġimghat naraw fuq il-mezzi barranin xeni f’pajjiżi oħra jpinġu s-sitwazzjoni f’dell ikrah - xeni li l-messaġġ huwa biss kemm huma ġejjin refuġjati u li suppost li ma nifilħux għalihom. Messaġġi żbaljati. Messaggi li minnhom jitwieldu traġedji. Ix-xena ta’ tfajjel mingħajr ħajja liebes bħal kull tifel Mediterranju ieħor mixħut fir-ramel jitmelles u jitwennes mill-istess baħar, waqqaf ħafna. Niżżilhom, nittama, mis-siġġijiet għoljin tagħhom biex jifhmu li hawn fuq bnedmin qed nitkellmu mhux numri. Kif setgha jingħata lura l-art meta lkoll ngħarfu li d-distanza bejn dawn l-artijiet hija zgħira ħafna. Il-bibien tal-Ewropa m’ għandhomx ikunu magħluqin f’dan il-mument determinanti tal-istorja. Jridu jibqgħu f’dak li ċ-ċiviltà Mediterranja ilha tagħti, tgħallem, tirbaħ u tgħaqqad.   

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...