1. F’dawn il-ġranet fejn id-dinja tinsab f’mument mill-iktar diffiċli u kkumplikat, m’għandniex ninsew persuna li ħadmet għal dinja aħjar milli għandna. Kif qed nifhmu, għad hawn min jaħseb li l-problemi ssolvihom bl-armamenti militari. Għad hawn għax erġajna morna lura fi żminijiet meta l-Ewropa u d-dinja kienu mifnija għal sekli twal b’kunflitti. Kull gwerra ġġib magħha mewt u distruzzjoni. Telfiet li ma tistax iġġibhom lura. F’dan konna, bħala Ewropej, bit-tama li mill-aħħar gwerra dinjija kulħadd kien ħa lezzjoni u fehem li l-abbiltà tal-mexxejja hija fid-diplomazija. Il-gwerra għandna, jekk xejn nagħrfu li l-livell tal-periklu tagħha kiber sija bl-użu tal-intelliġenza artifiċjali u magħha dik nukleari.
Fl-eventi
2. F’dawn iċ-ċirkostanzi, b’dak li qiegħed u kien jokkupa għajnejn id-dinja u l-mezzi tal-aħbarijiet tagħna, ħallejna barra persuna partikolari. Fis-17 ta’ Frar ġie nieqes Jessie Jackson (1941-2026), politiku Amerikan li tul dawn is-snin kellu sehem determinanti fil-pajjiż. Għal dawk bħali li smajnih u segwejnih f’ħidma mill-iktar determinata u perseveranti, nammetti li ħassejtu. Kien dak li f’ħafna kompla dak li Martin Luther King (1929-1968) kien irnexxilu jwettaq. F’dan kien dak il-ġuvnott preżenti proprju fl-omiċidju ta’ King nhar l-4 ta’ April f’Memphis. Ra lill-eroj tiegħu u ta’ diversi jmut inġustament quddiemu. Ġabar fuqu d-demm ta’ King f’kull sens. Dak kollu li kien ħadem għalih fil-bidliet li kienu qed isiru f’Amerika kuntrarja għall-ugwaljanza u ġie biċċa biċċa fil-pożizzjoni li jmexxi u jispira dak li ħalla warajh dak il-bniedem kbir u kariżmatiku. Kien, għal snin twal, il-vuċi ta’ dawk li kienu minn taħt. Vuċi favur il-ġustizzja soċjali f’soċjetà fejn din ma kenitx għolja fil-prijorità tagħha.
Mexxej denju
3. Serva lill-poplu li ħabb b’dinjità u attenzjoni. Mhux biss, imma Jackson witta t-triq lil diversi oħrajn biex jieħdu sehem u karigi fl-istat demokratiku. Fl-ewwel kien il-bniedem li żamm il-bandiera tal-ħidma sabiex id-diskriminazzjoni u l-preġudizzju kontra bnedmin ibbażat fuq il-kulur tal-ġilda tagħhom tiġi kuntrastata. Kien dak li xerred iktar il-preżenza u l-ħidma attiva ta’ dan il-moviment fl-irkejjen kollha tal-pajjiż. Fit-tieni mexa ’l quddiem sabiex, kontra kull kurrent li sab quddiemu, iħabbat il-bibien tal-Partit Demokratiku sabiex dan jinbidel. L-istrutturi nterni ċċaqilqu, u magħhom iċċaqilqet dik ta’ diversi delegati fi proċess uniku. Kien dak li minkejja d-diffikultajiet li mess magħhom, f’xenarju avvers ressaq il-kandidatura tiegħu għall-Presidenza Amerikana darbtejn, fl-1984 u fl-1988. Hemm, kull darba ġieb ’il quddiem is-sejħa u t-tama ta’ diversi li kien wasal il-mument li jkun hemm President differenti.
Diskorsi
4. F’ħafna kien kariżmatiku. Kapaċi jiġbed in-nies warajh. Kapaċi li jmexxi movimenti varji bħal dak PUSH (People United to Save Humanity), li wara sar People United to Serve Humanity). Kien preżenti f’xenarji mondjali u ltaqa’ ma’ ħafna. Ġie deskritt tajjeb ħafna f’reċensjoni f’The Economist fejn inkiteb hekk: “It needed a leader – someone with intelligence and courage, will, discipline, divine inspiration – to make King’s long arc of moral justice bend just that bit faster.” (Kellha bżonn dak il-mexxej – dak il-bniedem intelliġenti u kuraġġuż, b’rieda, dixxiplina, ispirazzjoni divina – biex jagħmel li l-qaws tal-ġustizzja morali ta’ King jitgħawweġ dak id-daqsxejn aktar malajr.) Kien dak li fil-missjoni soċjali u reliġjuża tiegħu għamel il-pass importanti li jikkandida ruħu għall-presidenza tal-pajjiż. Kif ingħad fil-gazzetta Taljana Avvenire: “Ha cambiato la nazione. Ha servito in modi che non gli sono mai riconosciuti.” (Biddel il-pajjiż. Serva b’modi li għalihom ma ġie rikonoxxut qatt.)
Kien jaf
5. Kien konxju tal-fatt li kien qiegħed jifrex f’territorju kompletament ġdid. Mhux biss, imma f’ħafna, ostili għalih. Fid-darbtejn li għażel li jimxi f’dik it-triq, fl-1984 u fl-1988 kellu diversi fis-simpatija, imma diversi oħra li kienu kuntrarji. Ried jisfronda barrieri antiki, antikwati, diskriminatorji, sabiex jikseb il-kandidatura tal-Partit Demokratiku għall-Presidenza tal-Istati Uniti. Dak li huma ma rnexxilux, għalkemm kien verament ħaqqu. Imma f’dan kollu witta t-triq għal dak li kellu jiġi aktar tard: Barack Obama. L-iktar għax kien eżemplari f’ħidmietu u fl-impostazzjoni li permezz tagħha mexa. Id-diskorsi tiegħu baqgħu f’dan imfakkra u dawk li ġew warajh għamlu użu minnhom direttament jew indirettament. Jekk ridt il-kunsens demokratiku, ridt ukoll il-barka ta’ dik il-parti tal-partit u l-pajjiż li kienu jsegwuh.
Diskors
6. F’diskors partikolari kien wera li kien verament kapaċi jiġbed warajh u jisma’ s-sejħiet u t-tamiet tal-oħrajn. Huwa kien qal: “America is not like a blanket – one piece of unbroken cloth, the same colour, the same texture, the same size. America is more like a quilt; many patches, many pieces, many colours, many sizes, all woven and held together by a common thread.” (L-Amerika mhijiex bħal kutra – biċċa drapp waħda bla qtugħ xejn, tal-istess kulur, l-istess tessut, l-istess daqs. L-Amerika hija iktar bħal kwilt; magħmula minn ħafna biċċiet, b’ħafna kuluri, ta’ qisien differenti imma li kollha huma minsuġa u miżmuma flimkien permezz ta’ ħajta waħda.) F’dan aktar kellu l-għajta politika: “Yes we can”. (Iva, nistgħu nirnexxu.) Dik li aktar tard uża Obama b’tant effett nazzjonali.
Fil-mewt
7. Kif diversi mexxejja ddikjaraw fil-pajjiż u barra, kien bniedem uniku. Sofra d-diffikultà ta’ min irid iwitti t-triq lill-oħrajn warajh. Kien dak li ra ħolma tiġi fis-seħħ, imma din ġiet proprju hekk għax żamm il-kolp u minkejja l-avverżjonijiet u l-kuntrarji li ra baqa’ dritt u pożittiv f’ħidmietu. Kien dak li għaraf ukoll li kien żball li jħalli lill-poplu li dejjem ħabb ikun ’il bgħid mill-Partit Repubblikan, u nsista li għandhom jimmilitaw fih ukoll. Kien fattur u mutur ta’ bidla. M’hemmx dubju li għada pitgħada ser ikun hemm dawk li jiktbu aktar dwar dan. Bniedem li ħadem ħafna u ħajja warajh legat uniku. Iż-żraben tiegħu huma kbar biex jimtlew minn eredi, imma jinsabu għad-dispożizzjoni ta’ min irid jidħol fihom. Illum, wara xahar mill-mewt tiegħu, insellmulu u nirrikonoxxu li warajh ħalla wirt uniku, proprju għax ma kienx jaqbel ma’ dak li ma kienx ġust u sewwa u li għalhekk iddedika ħajtu biex jafferma l-linja t-tajba.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MA KIENX JAQBEL
1. F’dawn il-ġranet fejn id-dinja tinsab f’mument mill-iktar diffiċli u kkumplikat, m’għandniex ninsew persuna li ħadmet għal dinja aħ...
-
10922. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qegħdin...
-
9944. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza: Jista’ l-Ministru jgħid ke...
-
27921. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista’ d-Deputa...
No comments:
Post a Comment