17.3.13

Mill-bank tal-Oppożizzjoni




1.         Mhux ser inkun b’xi mod apoloġetiku dwar ir-riżultat li l-partit ġieb fl-aħħar appuntament elettorali tiegħu.  Dak hemm qiegħed u fih diversi messaġġi li tajjeb li wieħed jirrifletti dwarhom.  Messaġġi direttissimi lejna, u oħrajn lejn il-klassi politika kollha kemm hija.  Iċ-ċaqliq fl-elettorat ta’ bejn wieħed u ieħor 6% huwa, f’termini tal-politika Maltija, “tsunami”.  Kważi fl-istess jum meta l-Ġappun kien qiegħed ifakkar dak il-mument sfortunat u mill-ikreh, aħna konna qed naraw ir-riżultat ta’ dak li konna qegħdin immissu imma li ma bdejniex nirrealizzaw biżżejjed.  Kien hemm diversi aspetti li setgħu jwassluna li nifhmu verament li l-poplu mexa ferm iktar ‘il quddiem miż-żewġ partiti proprju għax id-demokrazija qegħda hemm u hija libera.

2.         Is-skiet ta’ parti sostanzjali tal-elettorat, li kien jawguralek imma jibqa’ attent u lura, kellha tkun indikazzjoni li kollox kien qiegħed jimmira lejn direzzjoni waħda.  Ħassejt li ħafna għamlu hekk għax riedu li jkollhom il-libertà assoluta li jesprimu ruħhom fil-kaxxa tal-vot.  Mhux għax neċessarjament saru ta’ partit jew ieħor, anzi għax riedu jibdlu  mingħajr ma jintrabtu li fil-futur jaġixxu bl-istess mod jew ieħor.  L-akkużi reċiproċi fl-aħħar dwar atti ta’ korruzzjoni u l-proċessi penali li segwew ġiebu stmerrija minn ħafna mill-elettorat fuq iż-żewġ partiti.  Kien hemm reazzjoni, l-ewwel, għall-fatt li dan sar fl-aħħar u mhux fil-mument meta nqalgħu; u t-tieni li kull politiku beda jiġi mqiegħed fid-dubju fuq dak li huma l-kwalitajiet tiegħu.

3.         Il-messaġġ huwa dirett biċ-ċar lejn il-bżonn li l-klassi politika ġġib ruħha sewwa, b’integrità, onestà, rispett reċiproku u serjetà.  Kif ukoll li tifhem li l-elettorat m’għadux lura u sar jifhem ferm u ferm iktar milli naħsbu.  Fit-triq twila ta’ din il-kampanja ltqajt ma’ ħafna li għamluli analiżi politika preċiża u korretta.  Ma qagħdux lura milli jesprimu l-kritika ċara u diretta tagħhom lejn ħafna punti u passi.  Għalija kienu dejjem iktar sinjali ċari li l-pajjiż qiegħed jixba bil-mod ta’ kif saret il-politika.  L-azzjonijiet ħżiena, id-daqqiet tas-sejf u l-kliem żejjed dejqu.  Il-pajjiż kien spettatur parteċipi attiv, mhux passiv, ta’ dak li seħħ fil-Parlament.  Id-diskors żejjed, in-nuqqas ta’ solidarjetà u l-adurazzjoni lejn il-poter ġiebu ħafna togħmiet morri f’ħalq diversi.

4.         Il-kampanja minnha nfisha, fit-tul tagħha, dejqet ukoll lill-elettorat tagħna.  Ġieb biċċa negattiva fuqna.  Min-naħa l-waħda l-fatt li x-xandir kien kollu bumbardament, jiġifieri filgħodu, wara nofsinhar u darbtejn filgħaxija b’politiċi jaqbżu għal għonq xulxin u min-naħa l-oħra li dehret li din hija xi forma ta’ oppressjoni medjatika li kien hemm bżonn li tispiċċa.  Billi konna aħna lkoll li ddeċidejna dan, sar x’sar fl-aħħar tlett ġimgħat tal-kampanja kien kollu għalxejn.  Fid-djar tan-nies, flok xi dibattitu kont tara stazzjonijiet oħra li ma fihom politika ta’ xejn.  Diversi, iktar fl-aħħar jiem, kellhom sens ta’ liberazzjoni, li ser ineħħu dak li kien qiegħed idejjaqhom u dan sibtu għand dawk kollha ta’ opinjonijiet differenti, li rrid ngħid li baqgħu paċenzjużi magħna u jiftħulna l-bieb ta’ djarhom.

5.         Wara jum ta’ laqgħat u fil-kumulu ta’ ġimgħat, kont inħossni li qiegħed iktar u iktar minn qabel naħdem solu kontra l-kurrent.  Kontra dan il-kurrent qawwi ta’ nies li vvutawlna fil-passat li però f’qalbhom riedu bidla.  F’ħafna ħassejt, anzi, li dan ma kienx ċaqliq minħabba din il-leġislatura, imma kumulu ta’ oħrajn passati.  Fl-1998 kien hemm reazzjoni kontra l-Gvern Laburista, fl-2003 kien hemm il-pass pożittiv favur l-Unjoni Ewropea u fl-2008 kien hemm il-biża’ li ser jerġa’ jiġi lura l-Partit Laburista ta’ bejn l-1996 u l-1998.  Dawn il-kunsiderazzjonijiet żammew lin-nies ikomplu jivvutaw fuqna b’maġġoranzi varji.  Però issa dehrilhom li kien il-mument meta l-Partit Laburista jistgħu jafdawh, anzi aħjar li jippruvaw lill-mexxej tiegħu anke jekk mhux neċessarjament li jerġgħu jaraw uċuh mill-passat.

6.         Personalment nistqarr li kienet ta’ sofferenza akbar nara dan kollu jseħħ quddiemi, aktar u aktar meta kien hemm ħidma validissima li nħoss li ma ġietx apprezzata tajjeb biżżejjed.  Waqt il-kampanja kont dejjem konxju li stajt nispiċċa barra mill-Parlament.  Xorta rajt li għandi nibqa’ nwettaq dmiri lejkom u lejn il-partit, għax hekk titlob l-irġulija.  Ma rajtx li jkun pass ta’ lealtà li nabbanduna l-vapur, imma li  nkompli għaddej anke jekk kont qiegħed nissogra li wara noqgħod niġi mgħajjar li għeriqt.  Minkejja dan kollu, u dak kollu li kelli ngħaddi minnu, ġejt elett u ta’ dan nirringrazzja lil dawk kollha li wrew fiduċja fija.

7.         Biss, issa, fuq il-bank tal-Oppożizzjoni qegħdin.  Hemm ħafna xogħol li jrid isir.  Il-partit jerġa’ jorganizza ruħu, jiġu lura lejn iċ-ċentru u ma jmurx lejn il-lemin.  M’hemmx bżonn sajjetti jew xogħol tal-għaġġla, iżda dan għandu jsir bil-għaqal, bil-paċenzja u bis-sabar.  Irridu nerġgħu nduru magħna nfusna.  Niltaqgħu iktar spiss u nifhmu żewġ punti importanti: l-ewwel, nifhmu kemm verament il-partit biddel lis-soċjetà bil-programmi ċari u diretti fl-edukazzjoni għax hemm maturità ikbar u li, fl-opinjoni tiegħi, qabżet lil dik taż-żewġ partiti.  It-tieni, li għandna nippreparaw lill-partit, l-ewwel fil-ħidma diretta fl-Oppożizzjoni; u t-tieni, lejn li jkollna wieħed li kapaċi jisfida partit ieħor immexxi minn Prim Ministru li nippreżumu li ser ikollu, sa dak iż-żmien, esperjenza ta’ ħames snin u ta’ ċerta età.

8.         Żgur mhux forsi, biex dan isir irridu mmorru lura għal proċess ta’ djalogu mas-soċjetà biex nifhmu, u t-tieni, li nibnu mill-ġdid id-diversi kumitati u sezzjonijiet.  Nara prijorità li nagħżlu u nifformaw tajjeb lill-kandidati, b’mod partikolari li nifhmu iktar xi jfisser li aħna demokratiċi nsara.  Hemm diġà ħafna bnedmin validi li ħadmu, u għadhom lesti li jservu, kif ukoll b’mod partikolari diversi oħrajn ġodda li lesti jidħlu magħna.  Il-vuċi tal-partit qegħda tħares lejn dan il-bżonn ta’ organizzazzjoni, formazzjoni u preparazzjoni.  Iktar ma dan isir b’attenzjoni u perseveranza, mingħajr atrit jew ġlied intern, tant aħjar.  Hemm triq twila quddiemna, iżda jiddependi minna kemm ser nimxuha tajjeb.  Jekk iva, ma hemmx dubju li ser naslu.

2 comments:

Unknown said...

Dr. Carm...naqbel ma' ħafna minn dawn il-punti li qed issemmi f'dan l-artiklu. Ma kontx waħdek li kont qed tipresopponi dan kollu....ħafna bħali kienu ilhom iħossu li dan jista' jiġri...u sfortunatament ġara!! Meta kont niddiskuti ma' nies ħafna kienu jemmnu li l-PN tilef il-kuntatt man-nies...li ma kienx qed iħoss il-polz tas-soċeta tagħna....vera li sar ħafna u ħafna ġid għas-soċjeta inġenerali bħal tisħiħ fl-ekonomija, ħolqien ta' xogħol, bini ta' skejjel eċċ....imma li ġara hawn donnu l-partit ta' kas aktar li jsaħħaħ u jwettaq is-sillabu u abbaduna lill-istudent. Dan kien żball li swielna ħafna. Imma kuraġġ...nemmen li kull esperjenza negattiva ma tiġrix ta' xejn...u hekk għandu jieħu din it-telfa l-partit tagħna....minnha jista' jitgħallem ħafna u issa bżonn iħares 'il quddiem u jitranġa internament. Wara kollox, dan ir-riżultat żgur wera ħaġa li qatt ma konna noħolmu qabel...li l-ebda partit, kbir kemm hu kbir, ma jistsa' jserraħ rasu mill-votant t'hemm barra...dik hi xi ħaġa tal-passat!!

Anonymous said...

Ragel mill-iktar umli u onest, Dr. Carm. Il-partit ghandu biex ikun kburi, minkejja li gara. Fl-opinjoni tieghi, int u Dr. Gonzi, l-iktar zewg nies umli li hemm fil-Partit Nazzjonalista. Nawgrualek l hidma t-tajba!

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...