Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
30.10.24
ĦAJJA GĦAD-DEMOKRAZIJA
Korruzzjoni varja
2. Hemm dik l-iktar ovvja: ta’ bnedmin li jinxtraw u oħrajn li jixtruhom. Dawk li jħarsu lejn il-but tagħhom iktar minn dak li huwa ta’ ġid komuni li suppost għandhom għal qalbhom. Dan narawh kontinwament u nsibuh ma’ kull kantuniera. Imma ma’ dawn hemm ukoll dawk li huma ‘newtrali’: li jaqblilhom ma jgħidu xejn, li jħallu kollox għaddej, anke jekk jafu li huwa żbaljat. Kif qrajt politiku Ingliż jgħid: “There were many times in my political life when it would have been simpler for me either to keep my head down, or to change sides at an opportune moment.” (Kien hemm ħafna okkażjonijiet fil-ħajja politika tiegħi li kien ikun iktar sempliċi għalija li nżomm rasi baxxuta, jew li nibdel il-pożizzjoni politika fil-mument opportun.) X’eżempju qed jingħataw il-politiċi attwali u futuri quddiem demokrazija li qed issir aktar u aktar għas-servizz tal-ftit li għandhom il-kuntatti ekonomiċi milli tas-soċjetà kollha?
Jispikka
3. F’dan wieħed irid idur u jifhem aktar kemm kien hemm bnedmin li mhux neċessarjament naqblu politikament magħhom, li però servew id-demokrazija vera. Ġudikanti, ġurnalisti huma preżenti fil-memorja kollettiva issa, imma hemm diversi politiċi oħra li jitwarrbu. F’dan wieħed għandu jfakkar lill-politiku Taljan Giacomo Matteotti (1885-1924). Jiftakar ħidmietu favur is-sewwa u favur is-sistema demokratika kontra d-dittatorjat Faxxista. Il-bniedem li mitt sena ilu, preċiżament fl-10 ta’ Ġunju 1924, ġie maqtul minn ġabra ta’ Faxxisti li serquh, u wara li tawh xebgħa tajba, neħħewlu ħajtu. Riedu jsikktuh, u hekk għamlu, wara diskors mill-iktar qawwi li għamel fil-Parlament. Mhux biss, imma l-istess Mussolini, wara xhur ta’ indeċiżjoni aċċetta r-responsabbiltà politika, morali u storika ta’ dan id-delitt. Kien il-mument li ġieb il-forzi demokratiċi biex jabbandunaw il-Parlament fil-magħruf Aventino. Kien dak li mmarka l-uffiċjalità dittatorjali tal-Faxxiżmu.
Dedikat
4. Hemm kotba varji dwaru, u hemm ukoll riċerka mill-iktar interessanti. Forsi iktar riċenti bħal dak ta’ Mario Canali, Il Delitto Matteotti, li ħareġ din is-sena. Smajtu jitkellem u minn kliemu tifhem kemm il-bniedem kien deċiż f’ħidmietu. Forsi ftit aktar, f’dan sibtni naqra l-ktieb ta’ Antonio G. Casanova (1919-2015), studjuż u awtur ta’ diversi kotba oħra. It-titolu tiegħu huwa Matteotti. Una vita per il socialismo (1974). Fih hemm faċċata ferm differenti u iktar dettaljata u attenta ta’ dan il-politiku. Dan iktar u iktar fil-fatt li Matteotti, sfortunatament, fuq naħa ġie minsi mid-demokrazija Taljana, u fuq in-naħa l-oħra ġie mċekken ukoll f’direzzjoni oħra. Kien bniedem li kkumbatta għal dak li kien jaħseb. Deċiż li jgħid il-verità kif kien jaraha u li kellu l-kuraġġ jaffronta klassi politika li bdiet sejra lejn id-dittatorjat. F’dan għandu valur proprju aktar mhux biss għad-diskorsi tiegħu, imma wkoll għall-ħsibijietu.
Pożizzjonijiet
5. F’dan hemm żewġ punti partikolari li joħorġu proprju f’dan il-kuntest. Casanova jgħid hekk dwaru: “Fra le tesi esposte una era destinata a dare frutti in avvenire ed era quella in cui si affermava l’assunzione da parte del socialismo della difesa incondizionata del sistema democratico, ripudiato invece dalla borgesia per la logica progressista e riformatrice che vi era implicata.” (Fost it-teżijiet dikjarati, kien hemm waħda partikolari li kienet destinata li trendi suċċess fil-futur, li kienet proprju dik li affermat min-naħa Soċjalista d-difiża mingħajr kundizzjoni tad-demokrazija, miċħuda minflok mill-borgeżija minħabba l-loġika progressista u riformatriċi li hemm fid-demokrazija stess.) Punt li jimmerita attenzjoni proprju f’dawk iż-żminijiet, fejn mhux kull min kien jidentifika ruħu mas-Soċjaliżmu kien jaqbel.
Mhux biss
6. Imma f’dan sibt ukoll dak li Carlo Rosselli (1899-1937), kittieb u ħassieb magħruf li tah l-appoġġ fi ħdan il-Moviment Soċjalista. Huwa jgħid hekk dwaru: “Matteotti non voleva e non cercava la morte. Volle e cercò la lotta; volle e cercò i posti di responsabilità nelle ore più dure, seppe vincere tutti i giorni, e perdere tutti i giorni la sua piccola battaglia. Io ammiro in lui la fede di tutte le ore, la tenacia, la costanza, l’ottimismo contagioso, il volontarismo.” (Matteotti ma riedx u ma fittixx il-mewt. Ried u fittex il-ġlieda politika, ried u fittex il-karigi ta’ responsabbiltà fil-mumenti l-iktar iebsa, tgħallem jirbaħ il-jiem kollha, u jitlef il-jiem kollha l-ġlieda tiegħu. Nammira fih il-fidi li kellu kull siegħa, f’dak li kien jemmen, fid-determinazzjoni kostanti u l-ottimiżmu li jittieħed.) Bniedem verament mimli kwalitajiet u mhux nieqes mill-onestà u l-integrità.
Theddida
7. F’dan kien ċertament theddida għall-awtoritajiet Faxxisti. Kienu jafu xi jsarraf u kienu jafu li kien stmat proprju fl-integrità u d-determinazzjoni tiegħu. Biss kien, u jibqa’ żball politiku kbir dak li ippermetta u istiga li jiġi maqtul. Fid-dinja demokratika hemm bżonn li jkollok bnedmin bħalu, li ma jaqblux miegħek u jitkellmu kontra tiegħek. Trid tgħix magħha, anke jekk tista’ tweġġgħek. Huwa f’dan, l-ewwel, li bħala Demokristjani nagħrfu li d-demokrazija hija valur; u t-tieni, li huwa valur li jkun hemm min huwa kontra tagħna. Id-dittatorjati la għandhom valur u wisq anqas iħarsu lejn il-bnedmin bħala tali. M’aħniex Soċjalisti. Aħna Demokratiċi, imma f’dan illum, wara mitt sena mill-mewt tiegħu, dmirna huwa li nfakkruh fost dawk li taw ħajjithom għad-Demokrazija.
IL-FGURA – SQAQ FI TRIQ A.M. VALPERGA
21690. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’passi jistgħu jittieħdu sabiex id-drenaġġ li jidher li qiegħed jiskula fi sqaq intern fi Triq A. M. Valperga, il-Fgura jiġi mwaqqaf u rimedjat?
09/10/2024
ONOR. OWEN
BONNICI: Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Fgura li ma rċieva l-ebda rapport ta’ ħruġ ta’
drenaġġ fi Triq A.M. Valperga.
Seduta 268
28/10/2024
IŻ-ŻEJTUN - ĠNIEN IL-GĦANNEJJA - SKART LI NĠABAR
21208. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika: Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu u kemm skart inġabar f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena fid-diversi partijiet u rkejjen taż-Żejtun, b’mod speċjali madwar il-funtana ta’ Ġnien l-Għannejja?
06/09/2024
ONOR. CLAYTON
BARTOLO: Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din
il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Seduta 268
28/10/2024
IŻ-ŻEJTUN - TRIQ ALFRED CACHIA ZAMMIT - XOGĦLIJIET
21207. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir: Tista' l-Ministru tgħid f’liema stadju jinsabu x-xogħlijiet marbuta u li saru fi Triq Alfred Cachia Zammit, iż-Żejtun u kemm ġew jiswew?
06/09/2024
ONOR. MIRIAM
DALLI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li Enemalta poġġiet
erba’ cables ġodda biex tkompli ssaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni
tal-elettrikufiż-żonaindikata. Dan il-proġett jinsab fl-istadju finali tiegħu,
fejn bħalissa qed isir reinstatement bl-asfalt u huwa stmat li se jammonta għal
€176,000.
Seduta 268
28/10/2024
IŻ-ŻEJTUN - TRIQ IL-QADI - ZEBRA CROSSING
21206. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jara li t-talba li saret sabiex ikun hemm zebra crossing fi Triq il-Qadi, iż-Żejtun issir, billi din it-triq hija waħda traffikuża ħafna?
06/09/2024
ONOR. OWEN
BONNICI: Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun li
preżentement qed jiġi diskuss Traffic Management sħiħ taż-żona li jinkludi
Zebra Crossing fi Triq il-Qadi. Sadanittant
saret Zebra Crossing proviżorja sabiex taqdi r-residenti taż-żona.
Seduta 268
28/10/2024
IL-FGURA - TRIQ IL-KAMPANELLA, TRIQ IL-LIEDNA U TRIQ SAN TUMAS - QTUGĦ TA’ DAWL
21205. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir: Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba nqata’ d-dawl fi Triq il-Kampanella, Triq il-Liedna u Triq San Tumas, il-Fgura matul dan is-sajf u x’kien il-kaġun?
06/09/2024
ONOR. MIRIAM DALLI: Ninsab infurmata li
fit-tliet toroq imsemmija, matul il-perjodu indikat fil-mistoqsija, l-qtugħ
fil-provvista kien skont ma jiġri f’ċirkostanzi normali, jew minħabba ħsarat
lokalizzati li jinqalgħu minn żmien għal żmien, jew inkella s-sospensjonijiet
tas-servizz kienu ppjanati biex issir manutenzjoni li tkun meħtieġa
perjodikament u li jitħabbru minn qabel. F’kull każ, l-Enemalta tagħmel l-almu
kollu biex is-servizz jerġa’ lura għan-normal fl-inqas ħin possibbli.
Seduta 268
28/10/2024
IŻ-ŻEJTUN - TRIQ IL-QADI - ZEBRA CROSSING
21204. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jara li t-talba li saret sabiex ikun hemm zebra crossing fi Triq il-Qadi, iż-Żejtun, issir, billi din it-triq hija waħda traffikuża ħafna?
06/09/2024
ONOR. CHRIS BONETT: Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Seduta 268
28/10/2024
FEJN GĦANDNA MMORRU
Mument partikolari
2. F’dan, il-Budget fih aktar importanza proprju għax il-pożizzjoni tagħna mhijiex qegħda fl-aqwa forma ta’ stabbiltà li għandu jkollha. Hemm dinjiet soċjali u ekonomiċi li qed jistennew, u kważi jitkarrbu, għal direzzjoni u dinjità. Min-naħa l-oħra, tant il-klassi politika għaddiet minn kumplikazzjonijiet, li għadha ma tidhirx li ħadet ir-ruħ. Nistgħu naraw ritratti sbieħ. Daqshekk ieħor nistgħu nisimgħu u naqraw diskorsi mimlija tifħir u propaganda. Imma l-pożizzjoni ċara, u għalija ovvja, hija dik li ferm inqas bnedmin f’dawn il-gżejjer qed jemmnu jew jinġibdu lejn dak li qed jingħad. F’dan, f’diversi mumenti hemm dawk li qegħdu ruħhom fil-ġenb, jistennew bidliet varji. Wieħed jifhem aktar li dawn id-diversi ma jistgħux jibqgħu jippermettu l-‘ħmerijiet’ koroh li qed jaraw għaddejjin.
Lista ta’ żidiet
3. F’dan, wieħed jittama li hemm min qiegħed jifhem li hemm għajta qawwija biex l-affarijiet ma jibqgħux isiru kif qegħdin isiru u li għandha tinqabad linja politika differenti. Nittamaw li m’aħniex ser nassistu għal diskors fejn l-intelliġenza tal-poplu tonqos milli tiġi apprezzata. Fejn iż-żiemel tal-battalja jkun li minkejja dak li hu għaddej fix-xenarju internazzjonali, xorta ħa nżidukom fuq diversi punti li diġà jeżistu. Forsi l-kriżi post-pandemika dan kienet tiġġustifikah. Biss, illum hemm realtà oħra li żviluppat, fejn huwa evidenti li l-kontroll qed imur lura. L-iktar fl-għarfien li l-Gvern għadu jiddependi ferm iktar minn qabel fuq is-settur tal-kostruzzjoni. Għal ħafna, tant huwa hekk, li ma jistax jibqa’ lura milli jkompli japprova bini esaġerat u jkompli jikkommetti dnubiet mortali fil-qasam tal-ambjent li lkoll għandna d-dmir li nipproteġu. Qbiżna kull limitu f’dan, u ma nafx jekk il-kamp politiku huwiex jifhem verament il-poplu xi jrid minnu.
Hemm setturi
4. F’dan hemm iktar dak li daħħluna fih. Art li tinsab tbati biex trendi s-servizzi bażiċi liċ-ċittadini permanenti tagħha. Hemm sens ta’ traskuraġni fuq naħa u rassenjazzjoni aktar qawwija fuq in-naħa l-oħra. Flok qed inxammru jdejna sabiex nikkontrollaw u nġibu lura l-pożizzjoni għall-ordni qed inħallu kollox għaddej. Jekk, kif inhuwa fatt li pajjiżna għandna iktar persuni milli l-infrastruttura tiflaħ għalihom, wieħed jistaqsi: x’ser isir? Anzi aħjar: x’għandu jsir biex jibqa’ jkollna l-Istat sabiħ li writna? Xejn ma jista’ jitqabbel fl-istorja tagħna ma’ dak li ninsabu fih illum. Dawl, ilma, servizzi sanitarji, traffiku, saħħa, edukazzjoni, ordni u dixxiplina: ilkoll jinsabu fuq ix-xifer. M’aħniex wisq ’il bogħod milli, minħabba raġunijiet varji, nikkrollaw.
Investiment u liberazzjoni
5. F’dan, il-pajjiż irid jagħraf li jista’ jikber aktar fil-kwalità, kif kien qabel, milli fil-kwantità. Hemm bżonn bidla fil-linja li qbadna sabiex immorru fid-direzzjoni t-tajba. Dik li tippermetti tkabbir, imma l-iktar, li tassigura kwalità ta’ ħajja vera għalina u għal dawk li ġejjin warajna. M’għandniex bżonn il-linja politika li f’dawn l-aħħar għaxar snin skorruti qabad il-Gvern Laburista. M’għandniex bżonn inkunu qed ngħixu f’ġungla li dejjem sejra lejn li ssir totali. M’għandniex bżonn inkunu f’sitwazzjoni fejn kollox jidher li ħareġ minn idejna. Irridu niġu liberati minn dan il-kunċett u nkunu kuraġġużi nwettqu dak li huwa sewwa billi mmorru kontra l-kurrent attwali.
6. Nittama, f’dan, li l-Ministru tal-Finanzi din ir-realtà jagħrafha u jkollu l-ispazju politiku biex jibdilha. F’dan huwa ferm iktar ċar għalija fejn għandna mmorru.
24.10.24
IŻ-ŻEJTUN - TRIQ SAN KLEMENT - XOGĦLIJIET
21203. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet saru fi Triq San Klement, iż-Żejtun, kemm dam isir u kemm kienet l-ispiża relattiva?
06/09/2024
ONOR. CHRIS
BONETT: Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fi
Triq San Klement kienu jikkonsistu fi tħaffir ta’ trinek, tqegħid ta’ cables
tal-Enemalta (Low Voltage) u xogħol t’asfalt. Il-ħidma f’dan il-proġett sar fi
sforz kordinat waqt Ii kienu għaddejjin xogħlijiet oħra fil-madwar. Il-ħidma
f’din it-triq bdiet fid-19 t’Awwissu ta’ din is-sena u ntemmu fid-19 ta’
Settembru b’investiment totali ta’ €44,000.
Seduta 267
23/10/2024
IŻ-ŻEJTUN - TRIQ SAN KLEMENT - XOGĦLIJIET
21202. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet saru fi Triq San Klement, iż-Żejtun, kemm dam isir u kemm kienet l-ispiża relattiva?
06/09/2024
ONOR. OWEN BONNICI: Nirreferi lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.
Seduta 267
23/10/2024
RAĦAL ĠDID - ŻONA TA SANT’UBALDESCA - RAPPORTI TA’ RWEJJAĦ JINTNU
21201. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir: B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti, tista’ l-Ministru tgħid x’rapporti daħlu u x’passi ttieħdu fir-rigward tal-irwejjaħ jintnu li konsistentement inxtammu matul is-sajf fiż-żona ta’ Sant’Ubaldesca u fit-toroq ta’ wara sa Triq Brittanja, f’Raħal Ġdid?
06/09/2024
ONOR. MIRIAM DALLI: Ninsab infurmata li
l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) irċeviet żewġ ilmenti li
jikkorrispondu mal-akwati msemmija f’Raħal Ġdid. L-ilmenti daħlu fit-18
t’Awwissu 2024 u fit-2 ta’ Settembru 2024.
Fl-ewwel każ, is-sors tar-riħa ġie attribwit għal ħsarat żgħar fil-Malta
Thermal Treatment Facility li kkawżaw xi rwejjaħ fil-viċinanzi. Dawn ġew
rimedjati mill-operatur.Fit-tieni każ, wara investigazzjoni li saret mill-ERA,
irriżulta li s-sors tar-riħa kien ġej minn proċess fejn materjal organiku (ħut)
kien qed ikun trasferit minn ġo reefers fejn kien maħżun ġo post tal-privat
għal post ieħor.
Seduta 267
23/10/2024
RAĦAL ĠDID - ŻONA TA SANT’UBALDESCA - RAPPORTI TA’ RWEJJAĦ JINTNU
21200. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti, jista’ l-Ministru jgħid x’rapporti daħlu u x’passi ttieħdu fir-rigward tal-irwejjaħ jintnu, li konsistentement inxtammu matul is-sajf fiż-żona ta’ Sant’Ubaldesca u fit-toroq ta’ wara sa Triq Brittanja, f’Raħal Ġdid?
06/09/2024
ONOR. OWEN
BONNICI: Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel
il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Seduta 267
RAĦAL ĠDID - ŻONA TA’ SANT’UBALDESCA - RAPPORTI TA’ RWEJJAĦ JINTNU
21199. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva: B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti, jista’ l-Ministru jgħid x’rapporti daħlu u x’passi ttieħdu fir-rigward tal-irwejjaħ jintnu li konsistentement inxtammu matul is-sajf fiż-żona ta’ Sant’Ubaldesca u fit-toroq ta’ wara sa Triq Brittanja, f’Raħal Ġdid?
06/09/2024
ONOR. JO ETIENNE ABELA: Ninsab infurmat li
d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ma rċieva l-ebda lmenti f’dan ir-rigward
iżda peress li saru diversi mistoqsijiet parlamentari dwar it-toroq imsemmija u
anke f’toroq oħra fil-viċinanzi dwar irwejjaħ jintnu, diversi uffiċċjali għas-saħħa
ambjentali wettqu spezzjonijiet fi ġranet u ħinijiet differenti. L-aħħar żewġ
spezzonijiet saru fl-20 ta’ Settembru u fit-23 ta’ Settembru iżda dan l-ilment
qatt ma ġie kkonfermat peress li ma nxtammet l-ebda riħa u għalhekk ma jistgħu
jittieħdu l-ebda passi.
Ikun opportun jekk il-persuna/i li għandhom dan l-ilment jagħmlu kuntatt
mad-Direttorat sabiex possibilment b’mod kunfidenzjali tingħata aktar
informazzjoni speċifika dwar dan l-ilment.
Seduta 267
23/10/2024
RESTAWR TA’ KOTBA
21198. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19667, jista’ l-Ministru jelenka x-xogħol kollu ta’ restawr ta’ kotba li qegħdin isiru mill-entitajiet kollha fid-dekasteru rispettiv?
06/09/2024
ONOR. OWEN
BONNICI: Ninsab infurmat mill-laboratorju tar-restawr
fl-arkivji nazzjonali li jieħu ħsieb il-konservazzjoni ta’ dokumenti varji, li
jinkludu ritratti u dokumenti oħra fuq karta, ħafna minn dawn m'humiex f’forma
ta’ volumi allura ma jikklassifikawx bħala kotba li dwarhom qed jistaqsi
l-Onorevoli interpellant.
Din is-sena tlestew l-konservazzjoni ta’ 50 dokument/kollezzjoni. Dawn
jinkludu kollezjonijiet tar-ritratti u dokumenti li ġew l-arkivji bħala
donnazzjonijiet minn nies/studios privati; albums tar-ritratti;
applikazzjonijiet għall-passaporti; disinji; mapep u dokumenti oħra.
Ninsab infurmat ukoll li Heritage Malta f’dan il-perjodu msemmi mhux
tagħmel restawr speċifikament fuq kotba u kompliet tagħmel restawr fuq oġġetti
oħra magħmula mill-karta.
Seduta 267
MEMORJA U IDENTITÀ
Ċaqlaqna
2. Kien il-bniedem li rnexxielu, bil-karattru speċjali tiegħu, jibdel dak li deher wieqaf għal dejjem. Irnexxielu jibda jdaħħal lura messaġġ ta’ kuraġġ dinamiku f’dinja li kienet lura fir-rokna kajmana tagħha tistenna x’ser iġib għaliha d-destin. F’ħafna anzi, il-persuna umana miegħu saret lura l-protagonista tal-futur tagħha. Fiċ-ċentru tal-ħajja bħala lura fis-suġġett lihija u mhux l-oġġett li oħrajn għamluha. Dak li ħaddieħor waqaf lura milli jaqsam huwa qasmu lejn is-sewwa. Ġieb diversi bnedmin ta’ rieda tajba jemmnu fihom infushom u fil-fatt li setgħu jibdlu dak li ma kienx tajjeb. Kellu fiduċja fil-ħajja u kien determinat li dawk li kienu lura kien se jixħethom ’il quddiem b’forza inkredibbli. Il-Kattoliċi semgħuh u segwewh, fil-bidu b’kawtela, imma maż-żmien b’direzzjoni ċara. Magħhom diversi oħra mhux Insara wkoll sabu ruħhom parti minn dan il-proċess.
Kien ċar
3. F’dan, il-messaġġi tiegħu kienu jfakkruna dejjem li hemm risposti ċari: iva iva, u le le. Ma kienx jibqa’ lura fil-kariżma li kellu, fit-talenti li kien imżejjen bihom, u fuq kollox fl-esperjenza li huwa ġabar. Diplomatiku sa ċertu punt, imma l-verità, il-fatti u s-sewwa ma kienux jinħbew. Kapaċi jiltaqa’ ma ħafna u jimmarkahom. Attent għad-dettalji li ma kinux jaqbżulu. Irid ikun jaf biex jifhem dejjem iktar aħjar. Anki diskorsu, ma kienx mimli retorika jew platitudnijiet. Kien jitkellem mal-udjenzi li kellu quddiemu. Jikkomunika verament u personalment, b’abbiltà u kapaċità li ftit għandhom, jew qatt kellhom. Kien ammirat ħafna, imma l-iktar, maħbub verament ħafna. Persuna li tagħmel sewwa li tisma’ diskorsu għax taf li hemm fih sens u sustanza qawwija; diskors li jispirak u jibdlek.
Imexxik ’il quddiem
4. F’dan, l-iktar kien kapaċi jiġbed il-poplu warajh, bid-differenza li m’abbuża qatt minnu. Kien ikollu folol warajh, mhux tar-rispett jew tal-obbligu, imma dawk li bnew passjoni għall-ħidma. Favur il-bniedem f’kull ċirkostanza. Determinat li jibdel dak li kien jara żbaljat. Eżempju uniku għalina li rajnih u missejnih fil-ħajja, daqshekk ieħor illum għal min irid isir jafu. Kellu kelma faċli u mimlija kalamiti. Daqshekk ieħor kellu kitba sabiħa. Anke jekk tista’ tiddikjara li ma ssegwix il-fidi Nisranija, xorta trid taċċetta li kliemu kienu preċiżi, perfetti u xprun għall-umanità. Xi drabi jiġi assoċjat ma’ ftit eventi u forsi indirettament ikun hemm l-attentat biex jiġi relegat fil-passat. Imma llum hu jibqa’ rilevanti.
Listi twal
5. Mar fejn mar, ħalla warajh marka unika. Il-preżenza tiegħu sarrfet, ċertament, f’bidla fid-dinja li konna mdorrijin fiha. Dik ta’ Ewropa maqsuma fi tnejn. Parti fil-libertà demokratika u oħra fit-tirannija Sovjetika. Għalkemm huwa stess dejjem ma attribwiex dan is-suċċess għaliha, kif minflok, nagħmlu aħna. Fil-ktieb Memoria e Identità (2005) huwa jgħid hekk: “D’altra parte, so bene che sarebbe ridicolo ritenere che sia stato il Papa ad abbattere con le proprie mani il comunismo.” (Min-naħa l-oħra, naf li huwa ridikolu li ssostni li kien il-Papa li b’idejh waqqa l-Komuniżmu.) Anzi, fl-umiltà tiegħu jiddikjara li huwa: “Servi inutili ... La consapevolezza del “servo inutile” va crescendo in me in mezzo a tutto ciò che accade intorno a me – e penso di stare bene con questo.” (Servi inutili ... L-għarfien tas-“serv inutili” jikber dejjem iktar fija f’dak kollu li jseħħ madwari – u naħseb li nħossni tajjeb b’dan.)
Preparat
6. Kien bniedem li bil-qari estensiv u tal-istudju tiegħu kien iffurmat tajjeb ħafna kulturalment, filosofikament u kien jaf sew il-letteratura fil-kurrenti sħaħ tagħha. Kien jaf tajjeb il-passat. L-istorja u dak li ġiebet magħha fid-dinja. Ilkoll għodda sabiex jifhem dak li hemm madwaru u dak li għandna nħarsu ’l quddiem għalih. Kien ġarrab l-ikbar skandlu fl-istorja tad-dinja fir-rigward tal-Polonja. Pajjiż li għadda mill-ħakmiet tan-Nażiżmu u tal-Komuniżmu. Pajjiż li ġarrab atroċitajiet kbar. Mietu eluf, u fil-konfront tiegħu saru viljakkeriji kbar. Ir-rebħa demokratika u t-tmiem tal-Komuniżmu ġiebu fit-tmiem dan il-perjodu li kull min irid jifhem dak il-pajjiż irid jieħu inkonsiderazzjoni. Kien parti minn dan il-proċess li għaraf li biex tibni lura ma tridx tpatti, imma trid twettaq is-sewwa. Kien iħobb wisq kliem San Pawl, li kien qal: “Non lasciarti vincere dal male, ma vinci con il bene il male.” Tħallix lilek innifsek tintrebaħ mill-ħażen, imma irbaħ lill-ħażen bit-tajjeb. Kliem li jibqgħu gwida u dawl f’dinja li trid tiddallam.
Demokratiku
7. Kien il-Papa li emmen fid-demokrazija. Kellu viżjoni ċara ta’ dan u kitbietu huma riflessjoni ta’ din il-forma mentali. Mhux kull ma jseħħ fiha huwa tajjeb. Imma f’dan kien jemmen li: “Uno Stato di diritto attua in questo modo il postulato di ogni democrazia: quello di formare una società di cittadini liberi che insieme perseguono il bene comune.” (L-Istat tad-Dritt b’dan il-mod iwettaq, fil-pedamenti ta’ kull demokrazija, dak li tifforma soċjetà ta’ ċittadini liberi li flimkien jaħdmu għall-ġid komuni.) Biss, f’dan dejjem, il-liġijiet iridu jirrispettaw lill-bniedem u li hemm liġi superjuri għalihom: dik li ma jaqbżux il-kompetenza tagħhom, speċjalment fl-abort u fl-ewtanasja.
Tikteb
8. F’dan proprju għalhekk li, tikteb meta tikteb dwaru, dejjem ser issib argumenti ġodda u li ma kinux żviluppati qabel. Fonti ta’ għerf u riflessjoni. Dawk li ma niddejqux inkunu parti minnhom. Dawk li jidentifikawna bħala Nsara impenjati fil-ħajja politika. Bniedem li jeħodna lura fil-memorja, imma li jimlina b’identità speċjali.
IŻ-ŻEJTUN - LATRINA PUBBLIKA - NEFQA
21191. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa l-latrina pubblika fis-Suq taż-Żejtun u x’qiegħed isir sabiex tibqa’ tiġi mantnuta tajjeb?
06/09/2024
ONOR. CLAYTON
BARTOLO: Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel
il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Seduta 265
21/10/2024
ĠNIEN IL-KOTTONERA - SISTEMA AĦJAR TA’ DRIP IRRIGATION
21190. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali: Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex previst li jkun hemm sistema aħjar ta’ drip irrigation fi Ġnien il-Kottonera sabiex jissaqqew aħjar is-siġar u l-arbuxelli li hemm u senjatament is-siġar taż-żebbuġ li huma kważi abbandunati totalment?
06/09/2024
ONOR. ANTON
REFALO: Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din
il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Seduta 265
21/10/2024
ĠNIEN IL-KOTTONERA - XOGĦLIJIET
21189. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qegħdin isiru preżentement fi Ġnien il-Kottonera u meta dawn huma previsti li jkunu lesti?
06/09/2024
ONOR. ANTON
REFALO: Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din
il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Seduta 265
21/10/2024
ĠNIEN IL-KOTTONERA - SISTEMA AĦJAR TA’ DRIP IRRIGATION
21188. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex previst li jkun hemm sistema aħjar ta’ drip irrigation fi Ġnien il-Kottonera sabiex jissaqqew aħjar is-siġar u l-arbuxelli li hemm u senjatament is-siġar taż-żebbuġ li huma kważi abbandunati totalment?
06/09/2024
ONOR. OWEN
BONNICI: Nirreferi lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel
il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Seduta 265
21/10/2024
ĠNIEN IL-KOTTONERA - XOGĦLIJIET
21187. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qegħdin isiru preżentement fi Ġnien il-Kottonera u meta dawn huma previsti li jkunu lesti?
06/09/2024
ONOR. OWEN
BONNICI: Nirreferi lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel
il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.
Seduta 265
21/10/2024
ĠNIEN IL-KOTTONERA - SISTEMA AĦJAR TA’ DRIP IRRIGATION
21186. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir: Tista’ l-Ministru tgħid jekk huwiex previst li jkun hemm sistema aħjar ta’ drip irrigation fi Ġnien il-Kottonera sabiex jissaqqew aħjar is-siġar u l-arbuxelli li hemm u senjatament is-siġar taż-żebbuġ li huma kważi abbandunati totalment?
06/09/2024
ONOR. MIRIAM
DALLI: Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba
tal-mistoqsija parlamentari 20367.
Seduta 265
IL-VERITÁ RARI
Mhux faċli
2. Għalhekk, biex tgħid il-verità u tkun xhud tagħha mhuwiex faċli. Anzi, huwa kkumplikat. Għandek għażliet quddiemek, u dawn f’żewġ alternattivi: jew ma tgħid xejn u taqa’ fis-silenzju biex tabbanduna d-dmir li tgħid is-sewwa, inkella tingħaqad mal-gideb tal-oħrajn biex ma tidhirx ikrah. Omm il-ġifa, verament ukoll, qatt ma tagħli. Imma bħala Nsara fil-politika, aħna msejħa niddikjaraw u nkunu dawk li jikkumbattu sabiex tirbaħ il-verità. Għandna dmir li nkunu hekk u li nfittxu li mmorru kontra l-kurrent. Għax dmirna huwa dak li mhux biss infittxuha, imma li nassiguraw ukoll li nxandruha. Hija m’għandhiex bżonn tgħajjir jew żeblih tal-proxxmu. Waħedha tiddi u waħedha tagħmel il-ġid.
Deċiżjonijiet
3. Ħadd ma jista’ jimxi ’l quddiem fil-ħajja jekk ma jibbażax id-deċiżjonijiet tiegħu fuq il-fatti. Min irid jibni ekonomija tajba u Stat demokratiku b’saħħtu jrid jorbot lilu nnifsu ma’ dawn il-prinċipji fundamentali. Anzi, aqwa minn hekk, l-istituzzjonijiet demokratiċi huma marbuta li jimxu u jidderieġu ruħhom fuq il-fatti u fuq il-prova. Mhux fuq l-impressjonijiet jew il-perċezzjonijiet, għax dawn iwasslu għat-teħid ta’ deċiżjonijiet żbaljati li flok ġid jagħmlu ħsara lill-poplu. Wisq anqas fuq simpatiji u antipatiji. Kull bniedem ħaqqu li jiġi stmat u rispettat billi tingħadlu l-verità. Dan ukoll għax pajjiżna jixraqlu ferm aħjar milli għandu bħalissa. Jixraqlu li jkollu Gvern u mexxejja li jiddikjaraw il-verità u ma jkunux ittantati jmorru l-kontra.
Dinjiet
4. Dan aktar u aktar fil-konfront tal-fatt li għada se jkollna d-diskors tal-Budget. Fejn il-Gvern nistennew minnu li jiddeċiedi l-prijoritajiet tiegħu. Nistennew li jkun hemm pjan veru għall-futur u mhux ripetizzjoni tal-istess diskorsi preċedenti marbuta ma’ kemm se jkollna żidiet. Pajjiżna jrid strateġija ekonomika u soċjali li tiġi diskussa, ippubblikata u ffurmata sew. Fejn il-verità tal-istat tal-ekonomija tagħna jiġi konfrontat. Dan biex naqbdu toroq siewja li jmexxuna nifhmu fejn konna, fejn ninsabu, u fejn irridu mmorru. Fix-xenarju internazzjonali li ninsabu fih, il-mument mhuwiex faċli. Għalhekk wieħed jistenna li dan jiġi mdaħħal fil-kalatura sabiex ma nidħqux bina nfusna u naħsbu li sejrin sewwa meta fil-fatt m’aħniex. Hemm bżonn ta’ kontrolli, u magħhom bżonn ta’ viżjoni.
Fejn sejrin
5. Dan iktar u iktar fid-dawl ta’ dak li sejrin għalih bil-fatti u li ma nistgħux naħarbu minnu. Nistgħu nittardjaw, imma fil-fatt irridu nikkonfrontaw l-iebes. Aktar ma ndumu, aktar għada pitgħada ser ikun diffiċli li ġġib il-pożizzjoni lura f’postha. Iktar u iktar meta ninnota li daħlet mentalità, jew forma ta’ ħsieb li kull deputat huwa qiegħed fil-Gvern u li ser jibqa’ hemm għal dejjem. Id-dożi ta’ umiltà m’għadhomx aktar popolari. Anzi, saru rari ħafna. Ftit huma dawk li jirrealizzaw li fis-servizz mistenni minnhom iridu jkunu gwardjani tal-verità. Iridu, huma stess jinsistu li tingħad il-verità, u f’ħidmiethom aktar u aktar ifittxu li jsibu l-verità u mhux dak li jingħad lilhom. Naf li diversi deputati mhumiex jaqblu ma’ dak li hu għaddej, imma qed jagħżlu li joqogħdu pass lura. Jistennew il-mument meta jwarrbu jew li l-arja tinbidel.
Il-ħidma vera
6. Mentri biex dan iseħħ, wieħed irid jikkumbatti għal oħtna l-Verità. M’għandniex niċħdu l-fatti li ma jogħġbuniex. Quddiem il-verità m’għandniex ngħidu, jew li min qiegħed jgħidha, għandu xi difett jew xi preġudizzju. Wisq inqas li nippruvaw indawruha l-kontra ta’ dak li hija. Dak li qiegħed jirriżulta mill-istatistika li tingħad u li tiġi analizzata m’għandniex naħarbuh, imma nikkonfrontawh bl-għarbiel tal-użu tar-raġuni. Jekk kostantement dan juri li hemm tnaqqis fuq naħa u ebda żieda fuq in-naħa l-oħra rridu nifhmu l-konsegwenzi li ġejjin. Jekk hemm min huwa rassenjat li għandna nibqgħu ħames snin oħra kif aħna, nammetti li jien minix. Nammetti li nifhem il-kumplikazzjonijiet u l-isfidi li dan iġib, imma nħoss li jkun żball politiku jekk wieħed jippermetti li jaqa’ fis-silenzju. Il-verità hemm qegħda u hija għad-dispożizzjoni tagħna. Però f’dan għandna l-għażla jew li naħdmu għaliha inkella li nittraskurawha, u magħha, lilna nfusna. F’dak il-punt allura, il-Verità verament issir rari.
17.10.24
ĠNIEN IL-KOTTONERA - XOGĦLIJIET
21185. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir: Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet qegħdin isiru preżentement fi Ġnien il-Kottonera u meta dawn ix-xogħlijiet huma previsti li jkunu lesti?
06/09/2024
ONOR. MIRIAM
DALLI: Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba
tal-mistoqsija parlamentari 20367.
Seduta 264
16/10/2024
LESA - UFFIĊJALI GĦAŻ-ŻAMMA TAL-ORDNI FIT-TRAFFIKU
21184. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali fi ħdan il-LESA li huma inkarigati sabiex iżommu l-ordni fit-traffiku permezz tal-mobilità tal-muturi?
06/09/2024
ONOR. BYRON
CAMILLERI: Kif jaf l-Onor. Interpellant illum hija Transport
Malta li ħadet r-responsabbiltà ewlenija ta’ immaniġjar tat-traffiku, anke
permezz tal-uffiċjali tagħha. Ninsab infurmat ukoll li l-Uffiċjali tal-Komunita
fi ħdan l-Aġenzija LESA, jużaw kemm vetturi, kif ukoll muturi, sabiex jgħinu
fiż-żamma tal-ordni fit-traffiku. Dawn jikkumplimentaw dawk il-persuni li jkunu
assenjati doveri bil-pass.
B’mod ġenerali, l-awtorità
għandha 30 uffiċjal li jaħdmu fuq it-30 mutur li għandha l-awtorità.
Seduta 264
16/10/2024
KORP TAL-PULIZIJA - UFFIĊJALI GĦAŻ-ŻAMMA TAL-ORDNI FIT-TRAFFIKU
21183. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali fi ħdan il-Korp tal-Pulizija li huma inkarigati sabiex iżommu l-ordni fit-traffiku permezz tal-mobilità tal-muturi?
06/09/2024
ONOR. BYRON CAMILLERI: Ninsab infurmat illi hemm erbgħa u tletin (34) uffiċjal tal-Pulizija li huma inkarigati sabiex iżommu l-ordni fit-traffiku permezz ta’ muturi.
Kif jaf ben tajjeb l-Onor.
Membru llum hemm ukoll entitajiet oħra li jagħmlu dan ix-xogħol primarjament
Transport Malta u anke LESA.
Seduta 264
16/10/2024
TRANSPORT MALTA – UFFIĊJALI GĦAŻ-ŻAMMA TAL-ORDNI FIT-TRAFFIKU
21182. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali fi ħdan Transport Malta li huma inkarigati sabiex iżommu l-ordni fit-traffiku permezz tal-mobilità tal-muturi?
06/09/2024
ONOR. CHRIS
BONETT: Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità
għat-Trasport f’Malta għandha sittax (16)-il uffiċjal li jaħdmu fis-sezzjoni
tal-muturi.
Seduta 264
16/10/2024
Y-PLATES – ISTRUZZJONIJIET LIS-SEWWIEQA
21181. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jara li tingħata d-direzzjoni sabiex sewwieqa tal-karozzi bil-“Y-Plates” jitfakkru li m’għandhomx iwaqqfu jew jiġbru l-passiġġieri tagħhom minn madwar roundabouts senjatament l-iktar minħabba l-perikolu inkors?
06/09/2024
ONOR. BYRON
CAMILLERI: Ninsab infurmat illi x-xenarju deskritt mill-Onor.
Membru fil-mistoqsija tiegħu, huwa xenarju li huwa projbit għal kull sewwieq,
inkluż dawk b’vetturi bil-Y plates. Għaldaqstant meta dawn is-sitwazzjonijiet
jiġu għal konjizzjoni tal-Pulizija u Uffiċjali tal-Aġenzija LESA, dawn jieħdu
l-passi meħtieġa, skond kif jitlob il-każ partikolari, biex jevitaw periklu
għal kulħadd.
Seduta 264
16/10/2024
Y-PLATES - ISTRUZZJONIJIET LIS-SEWWIEQA
21180. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jara li tingħata d-direzzjoni sabiex sewwieqa tal-karozzi bil- “Y-Plates” jitfakkru li m’għandhomx iwaqqfu jew jiġbru l-passiġġieri tagħhom minn madwar roundabouts senjatament l-iktar minħabba l-perikolu inkors?
06/09/2024
ONOR. CHRIS
BONETT: Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità
għat-Trasport f’Malta tara li r-regoli tas-sewqan jiġu osservati minn kull
sewwieq fit-toroq ta’ pajjiżna, kemm dawk li jsuqu vetturi privati, dawk
kummerċjali, kif ukoll sewwieqa tal-Y Plates. Madanakollu, minn żmien għal
żmien l-Awtorità tagħmel ukoll kampanji edukattivi għall-informazzjoni
tas-sewwieqa kollha.
Seduta 264
IL-GUDJA - IN-WORK BENEFIT U BENEFIĊĊJI SOĊJALI
21143. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19781 u jgħid kemm kien hemm persuni li matul is-sena 2023 ibbenefikaw mill-In-Work Benefit fil-Gudja u kemm irċevew komplessivament f’benefiċċji soċjali?
03/09/2024
ONOR. MICHAEL
FALZON: Ninforma lill-Onor. Interpellant li, matul is-sena
2023 kien hemm 158-il benefiċċjarju tal-In Work Benefit residenti il-Gudja.
Flimkien mal-In Work Benefit, il-benefiċċjarji komplessivament rċevew dawn
il-benefiċċji/allowances/pensjonijiet elenkati fit-tabella ta’ hawn taħt.
Benefiċċji / Pensjonijiet |
Benefiċċjarji 2023 |
Benfiċċju Addizzjonali
għall-Ogħli tal-Ħajja |
27 |
Allowance għat-Tfal |
122 |
Bonus għat-Twelid |
2 |
Carers Grant |
0 |
Allowance għal Tfal
b’Diżabilità |
6 |
Pensjoni għal Korriment |
1 |
Pensjoni tar-Romol |
3 |
Benefiċċju għal Korriment
fuq ix-Xogħol |
2 |
Maternity Leave Benefit |
2 |
Pensjoni tal-Invalidita |
1 |
Benefiċċju għal Mard |
26 |
Assistenza għal Diżabilità |
1 |
Seduta 263
15/10/2024
IL-KALKARA - TRIQ SANTU ROKKU - ZEBRA CROSSINGS
21142. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19656, jista’ l-Ministru jara li sakemm isir l-upgrade minnu indikat fil-bidu ta’ Triq Santu Rokku, il-Kalkara min-naħa tal-Kunvent tal-Kapuċċini, isiru dawn iż-żewġ zebra crossings sabiex inaqqsu l-periklu għall-pubbliku?
03/09/2024
ONOR. CHRIS BONETT: Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Kunvent tal-Kapuċċini, immarkat bil-blu hawn fid-dokument li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, huwa mdawwar bit-toroq Santa Liberata, Ġużeppi Valerju Abela u Kapuċċini. Triq Santu Rokku, immarkata bl-aħmar, ma tmissx mal-Kunvent tal-Kapuċċini. Għaldaqstant, l-Onor. Interpellant huwa mitlub juri eżatt fejn qiegħed jissuġġerixxi li jsiru ż-żewġ zebra crossings sabiex l-Awtorità għat-Trasport tkun tista’ tevalwa din it-talba.
Seduta 263
15/10/2024
SANTA LUĊIJA - IN-WORK BENEFIT U BENEFIĊĊJI SOĊJALI
21141. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19783 u jgħid kemm kien hemm persuni li matul is-sena 2023 ibbenefikaw mill-In-Work Benefit f’Santa Luċija u kemm irċevew komplessivament f’benefiċċji soċjali?
03/09/2024
ONOR. MICHAEL
FALZON: Ninforma lill-Onor. Interpellant li, matul is-sena
2023 kien hemm 108 benefiċċjarju tal-In Work Benefit residenti f’Santa Luċija.
Flimkien mal-In Work Benefit, dawn il-benefiċċjarji komplessivament rċevew dawn
il-benefiċċji/allowances/pensjonijiet elenkati fit-tabella ta’ hawn taħt.
Benefiċċji / Pensjonijiet |
Benefiċċjarji 2023 |
Benfiċċju Addizzjonali
għall-Ogħli tal-Ħajja |
28 |
Allowance għat-Tfal |
76 |
Allowance għal Tfal
b’Diżabilità |
6 |
Benefiċċju għal Korriment
fuq ix-Xogħol |
3 |
Pensjoni Kontributorja |
1 |
Marriage Grant |
1 |
Benefiċċju għal Mard |
17 |
Assistenza għal Diżabilità |
3 |
Seduta 263
LANDSCAPE CONVENTION - PROĊESS TA’ RATIFIKA
21140. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19660 u dawk preċedenti, tista’ l-Ministru tgħid f’liema stadju wasal il-proċess ta’ ratifika tal-Landscape Convention?
03/09/2024
ONOR. MIRIAM DALLI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess ta’
ratifikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni għadu għaddej.
Seduta 263
15/10/2024
ĦAL TARXIEN - IN-WORK BENEFIT U BENEFIĊĊJI SOĊJALI
21139. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19785 u jgħid kemm kien hemm persuni li matul is-sena 2023 ibbenefikaw mill-In-Work Benefit f’Ħal Tarxien u kemm irċevew komplessivament f’benefiċċji soċjali?
03/09/2024
Benefiċċji / Pensjonijiet |
Benefiċċjarji 2023 |
Benfiċċju Addizzjonali
għall-Ogħli tal-Ħajja |
164 |
Allowance għat-Tfal |
451 |
Bonus għat-Twelid |
2 |
Assistenzagħal Diżabilità |
3 |
Allowance għal Tfal
b’Diżabilità |
27 |
Pensjoni għal Korriment |
1 |
Pensjoni tar-Romol |
2 |
Foster Child Allowance |
1 |
Benefiċċju għal Korriment
fuq ix-Xogħol |
7 |
Pensjoni Kontributorja |
1 |
Maternity Leave Benefit |
3 |
Marriage Grant |
5 |
Benefiċċju għal Mard |
109 |
Seduta 263
15/10/2024
KORRIMENTI FUQ IL-POST TAX-XOGĦOL - BENEFIĊĊJU - APPLIKAZZJONIJIET
21138. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19937, jista’ l-Ministru jgħid kemm mit-891 talba sottomessa għall-benefiċċju relatat mal-korriment fuq il-post tax-xogħol, ġew milqugħa sal-aħħar ta’ Awwissu? Jista’ jgħid ukoll kemm żdiedu l-applikazzjonijiet relattivi sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
03/09/2024
ONOR. MICHAEL
FALZON: Ninforma lill-Onor. Interpellant li mit-891
applikazzjoni sottomessa għall-benefiċċju relatat mal-korriment fuq il-post
tax-xogħol kien hemm:
- 636 każ li tħallsu
- 233 każ li ma kinux milqugħa
- 22 każ li għadom pendenti.
Kien hemm 803 applikazzjonijiet ġodda sakemm qed titħejja din it-tweġiba.
Seduta 263
15/10/2024
IS-SABIĦ TAL-ĦAJJA
Ktejjeb
2. Għalkemm xtaqt nibqa’ hemm ġewwa, waqt li ersaqt biex noħroġ sibt mejda b’numru ta’ pubblikazzjonijiet fuqha. Nota żgħira miktuba sabiħ tħajjar lil kull min irid jaqbad waħda jew tnejn jew iktar u jeħodhom miegħu. Kemm hija tradizzjoni sabiħa, din li hija ġejja tul dawn l-aħħar snin. Laqtuni ġabra ta’ libretti li ma kontx naf bl-eżistenza tagħhom. Taħt it-titolu ġenerali Profili. Bijografiji ta’ Bnedmin bħalna li għexu l-Vanġelu nġabru, bl-ewwel għadd maħruġ fl-1982, ħajjiet differenti. Miktuba fil-qosor u diretti ħafna sabiex jinftehmu hemm il-ħajjiet tal-qaddisin fix-xhur. Persuni li għexu kemm felħu għall-oħrajn billi taw ħajjithom u ġidhom. Impenjati fid-duttrina soċjali bl-azzjoni u bil-kitba varja tagħhom. Bnedmin ta’ veru mimlija sens u sustanza. Dawl qawwi għad-dinja kollha, kemm dik Nisranija kif ukoll għal dik li le.
Wirt uniku
3. Kotba li baqgħu għaddejjin sew. Kotba li kienu maħruġa b’tant impenn u determinazzjoni mis-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija, il-M.U.S.E.U.M. F’dak il-mument waqaft u waqt li qiegħed ngħid f’qalbi x’idea tajba kienet dik tas-Sorijiet ġentili u ferħana li għamlu dan, mort biex nibda nintilef naqra x’fihom. Fl-ewwel wieħed kien hemm l-introduzzjoni ċara fejn jingħad: “Dak li għandek f’idejk huwa l-ewwel għadd ta’ perjodiku ġdid dwar il-Qaddisin. F’kull għadd ikun hemm erba’ jew iżjed profili ta’ qaddisin li t-tifkira tagħhom tkun fix-xahar li joħroġ il-perjodiku. Għal Malta aktarx li din hija l-ewwel darba li qed toħroġ pubblikazzjoni ta’ din ix-xorta. L-għan tagħna huwa li tidħol fostna l-Maltin id-drawwa ta’ qari ta’ ħajjiet ta’ bnedmin bħalna li kienu Nsara awtentiċi. Qari bħal dan ma jistax ikun li ma jħallix ħafna ġid spiritwali, kif għandna diversi eżempji fl-istorja.”
X’ħidma diretta
4. F’dan, mingħajr ma ridt ftakart f’kemm is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija ppubblikat fil-passat u kemm, fil-fatt, għadha għaddejja tippubblika. Taġġorna ruħha għall-kurrenti u sfidi li l-Insara, il-bnedmin ta’ rieda tajba jiffaċċjaw fid-dinja differenti tal-lum. Ftakart ukoll kemm kelli għalliema varji fl-iskola primarja u sekondarja li kienu jħajruni naqra kotba li s-Soċjetà kienet toħroġ mill-famuża Veritas Press f’Ħaż-Żabbar. X’determinazzjoni u motivazzjoni ta’ bnedmin li kienu iddedikati lejn l-oħrajn! Bi ħlewwa u bla ebda impożizzjoni. Ġie quddiemi l-għalliem li kelli Bormla, is-Sur Chetcuti, li kien jibqa’ mal-klassi kollha wara l-ħin biex ikompli jippreparana. Mhux biss, imma biex ma nitilfux l-interess, f’mument kien jibgħatna nixtru mill-kantuniera l-qagħaq tal-għasel. Ċert li parti sew mis-salarju ta’ għalliem kien jonfqu fuqna. U ħadd minna ma kien jiddejjaq; anzi, konna nibqgħu miegħu nitgħallmu bil-ferħ.
Ħaqqhom
5. F’dan hemm kuntrast aqwa llum, fejn għal dawk li telgħin qisha s-soċjetà tibża’ tixtri jew tgħaddi kotba bħal dawn, u fuq dan wieħed għandu jirrifletti aktar. Anki l-Istat, qisu sar jistħi jirrikonoxxi li dawn iwettqu l-ġid fil-formazzjoni edukattiva. Ftakart li qabel, f’moħħna kellna mudelli varji. Bejn l-atturi ta’ Hollywood u bejn il-footballers il-kbar kellna wkoll bnedmin li għexu fil-qdusija. Konna, u naħseb li għandna, nammiraw ħidmiethom. Nisslu fina sens ta’ determinazzjoni u perseveranza għas-sewwa. Mhux biss, iżda nisslu aktar fina l-ħsieb li l-bniedem għandu jkun determinat jaħdem għal dak li huwa ġust. Fil-kuraġġ li fl-aħħar mill-aħħar aħna msejjħa biex nixhdu għall-verità. Dak il-bniedem li jrid jagħti xiehda għall-kelma t-tajba għax fl-aħħar waħdu ser ikun iġġudikat. Anki jekk inkunu bħal ma kienu huma, waħedna, dan xorta għandu jsir. Aħjar fil-kumpanija ta’ dak li hu siewi milli fil-kumpanija ta’ dak li huwa żbaljat. Mertu tas-Soċjetà li nxtered materjal tajjeb li bih issawru bnedmin tal-affari tagħhom. Dawk li kienu u huma preżenti jservu lil pajjiżna b’dedikazzjoni.
F’Kuba
6. Fid-dmir l-iktar ċar u essenzjali li n-Nisrani fil-ħajja pubblika u privata tiegħu huwa msejjaħ sabiex iwettaq dak li jevanġelizza, diversi soċji u membri wettqu opri kbar. Ftakart li ftit jiem ilu, is-Sezzjoni f’Raħal Ġdid fakkret il-mija u ħmistax-il sena (115) tal-preżenza tagħha f’dik il-lokalità. Parti mill-proċess u l-iżvilupp tal-progress kontinwu tagħha, fi kważi kull rokna ta’ pajjiżna għandna preżenza ħajja ta’ din is-Soċjetà. Mingħajr ma ridt ftakart u fraħt li ġewwa Saguna La Grande ġewwa Kuba, is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija hija preżenti wkoll. F’dik l-art daqshekk diffiċli sa ftit snin ilu, issa hemm ċaqliq sabiħ. Għal quddiesa mmexxija mill-Isqof Arturo Gonzalez inġabru mitejn katekista u missjunarju. Dan sabiex mija u għaxar ċertifikat jitqassmu lill-katekisti li ġew ippreparati mill-membri tas-Soċjetà. F’aħbar li b’aktar interess għalija terġa’ tirrapporta li tul il-jum diversi xtraw pubblikazzjonijiet varji tagħha.
Ġid soċjali uniku
7. Waqt li kelli f’idi l-ktejjeb li ġbart, quddiem din l-aħbar ħassejt kurrent ta’ gratitudni. Dan fl-għarfien li din is-Soċjetà wettqet u għadha tista’ tkompli twettaq ġid soċjali imprezzabbli. Ftakart f’kemm eluf ta’ snin ilu, ir-Rumani sekularizzati kienu moħħhom li għandhom jiffurmaw ċittadini eżemplari. Kemm għandhom isejħulhom għad-dmirijiet li jkunu onesti, integri u ġellieda għall-verità. Mentri llum, biex niddikjaraw u nipproklamaw kemm aħna sekularizzati, spiċċajna nduru fid-deżert tan-nuqqas ta’ valuri fundamentali tas-sewwa. Li aktar ma nqtajna mill-fonti tal-għerf, aktar qed nissudaw l-injoranza u l-egoiżmu. Imma minkejja dan, hemm dejjem riħ ta’ bidla u tama aqwa għall-futur. Proprju f’dan, waqt li nżilt mit-taraġ taz-zuntier fhimt aktar kemm hi sabiħa l-ħajja.
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...