27921. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport tal-ħidma li saret matul is-sena li għaddiet mill-Ambaxxata ta’ pajjiżna fil-Ġappun?
02/05/2025
ONOR. IAN BORG: Ninforma lill-Onor.
Interpellant li matul is-sena li għaddiet, l-Ambaxxata ta’ Malta fil-Ġappun
kompliet tagħti spinta lill-interessi politiċi, ekonomiċi u kulturali ta’ Malta
f’dan il-pajjiż. Fir-raba’ sena mit-twaqqif tagħha, l-Ambaxxata kompliet isservi
bħala pont ewlieni għall-kooperazzjoni bilaterali f’diversi oqsma fosthom
il-kummerċ, it-turiżmu, l-edukazzjoni u l-wirt kulturali.
Il-kisbiet ewlenin jinkludu:
Preparazzjonijiet għall-EXPO 2025 f’Osaka: L-Ambaxxata kkoordinat
il-proċess ta’ kostruzzjoni tal-ewwel paviljun nazzjonali ta’ Malta fi spazju
dedikat, kif ukoll kisbet sħubijiet strateġiċi għall-parteċipazzjoni ta’ Malta.
Diplomazija Ekonomika: L-Ambaxxata ffaċilitat diversi laqgħat ta’ livell
għoli ma’ entitajiet Ġappuniżi, inkluż missjoni kummerċjali mmexxija minn Trade
Malta. L-irwol tal-Ambaxxata kien instrumentali fl-organizzazzjoni u loġistika
hekk kif ġew organizzati żewġ avvenimenti f’Tokjo u Osaka rispettivament.
Is-setturi kkonċernati huma dawk ta’
innovazzjoni diġitali, edukazzjoni u wirt kulturali. L-Ambaxxata baqgħet f’kuntatt
mal-entitajiet u kumpaniji kkonċernati biex dak li inkiseb fiż-żjara jkompli
jiġi żviluppat.
Skambji Akkademiċi: L-Ambaxxata, bl-appoġġ tal-Konslu Onorarju ta’ Malta
f’Osaka, kkoordinat u qarrbet l-Università ta’ Malta u l-MCAST mal-Università
ta’ Kindai f’Osaka. F’Novembru 2024, waqt ż-żjara ta’ dawn l-istituzzjonijiet
akkademiċi fil-Ġappun, Memorandum ta’ Ftehim (MoU) ġie iffirmat. Fl-2024 ġie ffirmat ukoll ftehim importanti
bejn l-Università f’Kobe u l-ITS. Dan kien possibbli grazzi għaż-żjarat
kontinwi tal-ITS lejn il-Ġappun tul dawn l-aħħar snin, dejjem assistiti
mill-Ambaxxata.
Wirt Kulturali: L-Ambaxxata kompliet tassisti lil Heritage Malta fil-Ġappun
bil-proċess ta’ restawr ta’ tlett armaturi tas-samuraj li kienu instabu Malta u
li twasslu l-Ġappun bl-għajnuna tal-Ambaxxatur u l-Ministeru tal-Affarijiet
Barranin. Grazzi għal kuntatti li għamlet l-Ambaxxata, ġie identifikat workshop
fil-belt ta’ Kyoto li aċċetta li jirrestawra l-armaturi.
Impenn Politiku: Fl-2024 kien hemm attendenza u parteċipazzjoni
tal-Ambaxxatur u d-Deputat tiegħu f’avvenimenti importanti organizzati
mill-Familja Imperjali Ġappuniża, Gvern Ġappuniż u Ambaxxati oħrajn akkreditati
fil-Ġappun. Seħħet ukoll laqgħa bejn l-Ambaxxata u l-Grupp Parlamentari ta’
Ħbiberija bejn Malta u l-Ġappun magħmul minn parlamentari Ġappuniżi.
Ix-xogħol tal-Ambaxxata matul l-2024 ikkontribwixxa biex tiżdied il-viżibilità
ta’ Malta, biex jiżdiedu u jissaħħu l-kuntatti, u biex jitkomplu proġetti
bilaterali u nazzjonali.
Seduta 339
07/05/2025
No comments:
Post a Comment