15.10.26

ID-DIFENSUR PAWLIN

1. Wara l-aħħar artiklu, diversi kienu dawk li sabuni u wrewni li ma tantx kien għoġobhom. Fil-maġġoranza kienu ċittadini tal-Belt u r-Rabat, u persuni bl-isem ta’ Pawlu.

2. Quddiem tant protesti, fejn saħansitra qaluli li qed nipprova ngħolli lil San Stiefnu fuq dahar San Pawl, wieħed avukat qalli li kont legalment żbaljat għax ma tajtx smigħ xieraq lil San Pawl billi d-difiża tiegħu ma kontx smajtha.

3. U dan l-aħħar argument kien tassew validu. Lil San Pawl ma kontx tajt vuċi għad-difiża tiegħu. Dlonk ftakart li l-editur jismu Pawlu, u aktar u aktar fhimt kemm is-sitwazzjoni tiegħek kienet gravi.

4. L-illuminatur tiegħu San Franġisk de Sales (li kien daħħalni fil-basla tal-artiklu l-ieħor) bħad-dawl ta’ Damasku wasal għalija u f’ħakka t’għajn kont fhimt id-difiża ta’ Pawlu.

5. U nistqarr li San Pawl kundanna ma setax kellu għax il-liġi ta’ Kristu kien għadu ma jafx. Kien biss qiegħed jobdi l-ordnijiet, konvint b’ruħu u b’ġismu li kien strument tas-sewwa. Kif stajt jien nikkundannah? Il-liġi tagħna, quddiem dawn ir-raġunijiet, tinsisti fuq liberazzjoni. Nerġa’ ngħid, kif stajt nikkundannah?

6. San Pawl, fil-festa tiegħek nitolbok tipproteġina mis-segwaċi tiegħek u taħfirli jekk b’xi dawl ikrah oskurajtek, iżda nistqarr miegħek li jien ma naħti xejn. Kien biss San Franġisk li wżani. U dan ma nafx għalfejn.

KOMPLIĊI FID-DELITT

1. Mhux kull dnub huwa l-istess. Ta’ bnedmin li aħna, għarafna nagħżlu. Għarafna nagħmlu taraġ. Taraġ ibbażat fuq il-gravità tan-nuqqas.

2. Il-liġijiet tal-bnedmin ma jimxux id f’id ma’ dan it-taraġ. Anzi għandhom taraġ tagħhom. Il-piena tad-delitt hija l-metru tal-kejl ta’ dan.

3. L-omiċidju, il-qtil volontarju, intenzjonat, ta’ persuna umana huwa dnub tassew oħxon. Daqshekk ieħor huwa wkoll l-ogħla fost id-delitti fil-liġijiet tal-pajjiż.

4. Anzi l-liġi tagħna hija iktar iebsa fuq dawk li b’xi mod jgħinu biex iseħħ id-delitt. Jgħinu sija b’għajnuna fiżika, sija b’għajnuna morali. Tant hu għoli l-grad li dan jista’ jseħħ ukoll b’omissjoni. Billi ma twaqqafx lil dak li stajt twaqqaf.

5. U San Stiefnu, wara li xerred il-verità, sab ruħu mħaġġar. Dan ma kienx qatel, anqas ma kien dineb. Għażlu li joqtluh għax widnejhom ma felħux jisimgħu kliem is-sewwa.

6. Ħdejn id-delitt, il-kompliċi Pawlu nxteħet iserraħ moħħ il-ħaġġara li ħadd ma kien se jisirqilhom ħwejjiġhom. U dan sabiex jimmiraw tajjeb u bil-qalb.

7. Bil-qalb u lejn il-qalb. Iżda minn dik il-qalb imġarrfa ma ħariġx imrar. Ħarġet biss ix-xmara kbira ta’ mħabba. Ta’ tant qawwa li t-talba tal-martri, sabiex dak id-dnub ma jitniżżilx fuq il-kont tal-kompliċi fid-delitt, seħħet. Mhux biss, iżda dik il-qawwa kienet tali biex biddlet il-kompliċi fl-akbar qaddis.


IL-WERRIET JIBQA' WERRIET

1. Waħda mill-isbaħ parabboli hija żgur dik tal-iben prodigu. Diversi drabi aħna l-bnedmin niġu ttentati. Ix-xitan iħawwad fina s-sentiment tal-għira.

2. Ir-Rumani għallmu dejjem li min ikun werriet, jibqa’ werriet. Min ma huwiex, jibqa’ barra. L-istess min ikun talab sehmu qabel.

3. Il-kliem li l-missier jgħid lil ibnu hekk kif jaslu mill-għalqa huma kollha rifless ta’ dan kollu. Dak l-iben jgħidlu li huwa dejjem kien serv fidil iżda qatt ma ġie ppremjat, mentri ħuh, li minn dan ma kienx, kien qed jiġi onorat.

4. Il-missier iwieġeb li dak kollu li hemm huwa tal-iben. U dawk il-kliem diversi drabi jżommuni naħseb. Dan għax fil-ħajja tagħna mhux l-ewwel darba li nisma’ minjgħid li aħjar jekk tkun ħażin u tagħmel kemm tiflaħ ħmerijiet għax ser tkun rebbieħ. U dan is-sentiment ta’ għira li tipprova tiġi mkebbsa hija biss ħolma żbaljata.

5. Dan għax ulied is-sewwa jibqgħu dejjem werrieta tal-ġid tal-Missier. U, għalkemm ma jiħdux it-tgawdija tiegħu qabel ma jirtu, jibqgħu dejjem il-werrieta tiegĦu. Dawk li se jgawdu mis-sewwa tiegĦu se jgawdu sal-aħħar taż-żminijiet u għandhom aktar mertu minn dawk li jberbqu.

AVUKAT, IŻDA DEJJEM NISRANI

1. Illum il-ġurnata għandna għal qalbna d-demokrazija. U magħha għandna wkoll l-opinjoni pubblika, li hija l-essenzjal fid-demokrazija.

2. Iżda dan waħdu ma jfissirx li l-opinjoni tal-pubbliku hija dejjem tajba. Hemm min jaħseb li din hija r-regola, li fuq din għandek timxi u lil din għandek togħġob.

3. U, għalhekk, diversi drabi wieħed ma jkunx jista’ jifhem li bejn x’jgħidu n-nies fuqu u x’għandu jagħmel huwa hemm baħar. Baħar imqalleb ta’ ħsieb li wieħed irid jaqsam biex iwassal lilu nnifsu għat-tajjeb.

4. Mhux l-ewwel darba li wieħed jimmaġina li, għax huwa professjonista ta’ ħaġa jew oħra, dik il-professjoni waħedha tippermettilu jagħmel ħwejjeġ li huma fihom infushom ħżiena. Li jista’ jagħti pariri kontra s-sewwa jew li huwa jagħmel kontra dan għax ixidd xi ġilda oħra. U li għandu jagħti widen lil x’taħseb l-opinjoni pubblika.

5. Il-baħar tal-qasma huwa tassew imqalleb, u bejn il-prattika u d-deċiżjoni meħuda fil-mument il-possibilità tal-għarqa hija kbira. Inżomm biss mad-dawl tal-fanal li ma’ kull dawra jfakkarni lijien l-ewwel Nisrani u wara avukat.





 


ID-DIFENSUR PAWLIN

1. Wara l-aħħar artiklu, diversi kienu dawk li sabuni u wrewni li ma tantx kien għoġobhom. Fil-maġġoranza kienu ċittadini tal-Belt u r-Rabat...