7.5.24

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi riżultati fl-elezzjonijiet amministrattivi li saru f’dak il-pajjiż. Jidher ċar li għalih, fil-Kunsilli Lokali, kien hemm telf qawwi madwar il-pajjiż kollu. Il-futur tal-Gvern ta’ Rishi Sunak ma tantx ser ikun tajjeb, anke jekk jista’, b’xi mod, jitwal. F’dawk l-elezzjonijiet, nazzjonalment, il-partit fil-Gvern tilef madwar 397 kunsillier, mentri l-Laburisti ta’ Keir Starmer (1962) żiedu b’232 u dawk tal-Partit Liberal-Demokratiku b’98. Il-pożizzjoni llum hija li l-Laburisti għandhom 1,158 kunsillier, fil-konfront tal-522 tal-Liberal-Demokratiċi u 515 għall-Konservattivi. U waqt li l-Konservattivi tilfu l-kontroll ta’ għaxar kunsilli, il-Laburisti żiedu tmienja u l-Liberal-Demokratiċi tnejn.

F’Londra

2. F’dan ingħaqad ukoll ir-riżultat aktar iebes li f’Londra, is-Sindku tal-Partit Laburista Sadiq Khan (1970) ġie ri-elett għat-tielet darba. Ikkonfermat mill-2015 fil-pożizzjoni prestiġġjuża u li l-esperjenza politika Ingliża turi li hija kapaċi tibdel il-burdati u l-effetti elettorali fil-pajjiż kollu. Ikkunsidrat bħala Laburist moderat u soċjal-demokratiku, is-sitwazzjoni ġiet għalhekk iktar ikkonsolidata fl-għarfien li tul din is-sena elettorali ser naraw tibdiliet oħra. B’abbiltà, Khan irnexxielu jirreġistra 1,088,225 vot, 43.8% favur il-partit kontra l-kandidata Konservattiva Susan Hall (1955), li ġiebet 812,397 vot, 32.7%, li jfisser distakk ta’ kważi 276,000 vot. Pożizzjoni li tindika iktar kemm is-sitwazzjoni hija gravi u issa, wara li f’Mejju 2010, erbatax-il sena ilu daħlu fil-Gvern, waslu fil-venda tagħhom huma ukoll. Ma’ dan żdied ukoll ir-riżultat iktar iebes u soffert fil-West Midlands, fejn il-Konservattivi, taħt is-Sindku Andy Street, tilfu b’1,508 vot għal dak Laburist ta’ Richard Parker.

Prim Ministri

3. F’dan ukoll, l-instabilità li rajna fin-numru ta’ persuni li sabu ruħhom fir-responsabbiltà li jmexxu lil dan il-pajjiż f’dan il-perjodu iebes post-Brexit, ma tantx għen. Minn David Cameron (1966), għal Teresa May (1956), għall-perjodu l-iktar ikkumplikat ta’ Boris Johnson (1964), għad-diżastru ta’ Liz Truss (1975) u issa fil-Gvern bħalissa b’Rishi Sunak (1980). F’dan iż-żmien kien hemm wisq tibdil u wisq deċiżjonijiet li ħallew effetti negattivi u li minħabba fihom, diversi f’elettorat, mhumiex konvinti. Ir-Renju Unit għadda, u jinsab għaddej minn wisq problemi li jitolbu iktar stabilità. Huwa iktar ċar li l-Partit Konservattiv, fis-sistema interna li bena fil-kunflitti tiegħu, il-gwerer ċivili tagħhom, juru li m’għandux paċi u wisq inqas politika vera għal dan il-pajjiż. Iktar u iktar fl-aħħar deċiżjoni marbuta mal-immigrazzjoni irregolari. Pass ċertament perikoluż u ferm lura minn dak kollu li din iċ-ċiviltà tirrappreżenta fis-sħiħ tagħha.

Deċiżjoni xejn tajba

4. F’dan jidher li kien hemm reazzjonijiet xejn pożittivi għad-deċiżjoni tal-Gvern Konservattiv li jgħaddi liġi li tippermettilu jibgħat immigranti irregolari fl-Istat tar-Rwanda. Iktar u iktar meta sar l-iżball politiku akbar li waqt il-kampanja joħroġ filmat ta’ persuni li jidhru effettivament jittieħdu hemm. Fil-kuntrarju ta’ dak li ilu jiġri f’dawn is-snin, li kull pajjiż firmatarju jrid jeżamina u jiddeċiedi fuq it-talbiet għall-ażil, hawn ser ikun dak il-pajjiż, ir-Rwanda, bil-liġijiet tiegħu, li jiddeċiedi. Il-Gvern, wara ħafna biddel il-Human Rights Act li kien ġieb fis-seħħ il-Partit Laburista ta’ Tony Blair (1953) b’mod u manjiera li l-Qrati Ingliżi ma jibqgħux legalment permessi li jiddeċiedu fuq dawn il-każijiet. Dan qiegħed jinkwieta iktar lil dawk li jridu li dan jibqa’ pajjiż li jirrispetta d-drittijiet fundamentali fil-livelli li kellu u f’dawk iktar li jista’ jilħaq.

Iktar ser jikkumplikaw


5. Dan huwa iktar u iktar ikkumplikat għax ir-Renju Unit fil-fatt, għalkemm ħareġ minn ħdan l-Unjoni Ewropea, għadu sa issa parti mill-Kunsill tal-Ewropa. Għalhekk għadu taħt il-konvenzjonijiet tagħha. Fosthom, l-iktar importanti, il-poteri li l-Qorti Ewropea tagħti bil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (European Convention on Human Rights). Aħna wkoll, bħalhom, parti minn din is-sistema legali, li tiggarantixxi aħjar il-protezzjoni tal-bniedem fid-dinjità u d-drittijiet tiegħu. Biss, din il-pożizzjoni trid iktar ħsieb għax, kif inhuwa mistenni, ser ikun hemm kawżi ippreżentati fuq l-illegalità ta’ din il-liġi quddiem il-Qorti Ewropea kontra r-Renju Unit. Ma naħsibx li ser jiġu miċħuda; anzi, milqugħa.

Vladimiro Zagrebelsky (1940)


6. Dan il-punt ġie sottolinjat f’artiklu li kiteb riċentement, nhar is-Sibt 4 ta’ Mejju, li deher fil-gazzetta Taljana La Stampa, bit-titolu ‘Così Londra Dimentica La Protezione dei Migranti’. Wieħed li huwa miktub minn ġurista, imħallef għal ċertu żmien iservi fi ħdan dik il-Qorti Ewropea. Bniedem li huwa stmat sew, flimkien ma’ ħuħ Gustavo (1943), fid-dinja legali l-iktar avvanzata. F’dan l-artiklu, l-awtur jiġbed l-attenzjoni ċara għall-fatt li b’dak li hu għaddej, u bl-effetti ta’ sentenza Ewropea kontra r-Renju Unit, il-konsegwenzi jistgħu jkunu dawk li dak il-pajjiż jispiċċa huwa wkoll barra. Daqqa ta’ ħarta, li tiżdied ma’ dik tal-Federazzjoni Russa u li żżid fil-moviment anti-demokratiku ta’ dawk li jridu jċekknu u jżarmaw dak li l-proġett politiku Ewropew stabbilixxa f’dawn l-aħħar ħamsin sena.

Bidla

7. Dan huwa ta’ nkwiet għalina wkoll. Ħadd m’għandu jaħseb li d-deċiżjoni estremista tal-Gvern Konservattiv Ingliż hija tajba. Apparti l-pożizzjoni ovvja li qegħda ċċekknu, dan jiżdied iktar u iktar fil-kuntest li f’dawn il-mijiet ta’ snin dak il-pajjiż kien forma ta’ mudell ta’ demokrazija u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali għal diversi pajjiżi. Pajjiżna għandu għalfejn jinkwieta għax din mhix politika li tkabbar ’l-Ewropa u tmexxi ’l quddiem din iċ-ċiviltà li aħna parti minnha. Il-ħsara f’dak li hu għaddej, u li nara fil-prestiġju tal-pajjiż, tista’ tiġi ikkontrollata lura meta jissejħu elezzjonijiet ġenerali f’dak il-pajjiż.

Tul din is-sena

8. M’hemmx dubju li l-piż u r-responsabbiltà fuq dan il-mexxej ġdid, Keir Starmer, li daħal in segwitu għall-aħħar elezzjoni ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2019 li fiha Jeremy Corbyn (1949 tilef, m’huma faċli xejn. Diġà r-Renju Unit qiegħed ibati mill-effetti iebsa li ġieb il-ħruġ tiegħu mill-Unjoni Ewropea sija fl-ekonomija, kif ukoll fil-ħajja soċjali. Ma jiflaħx, għalhekk, għal daqqa oħra fid-demokrazija. Sa issa, minn meta fl-24 ta’ Ottubru 2022 daħal fil-kariga Rishi Sunak, il-pożizzjoni marret għall-agħar. Ipprova kemm seta’, ċertament, però l-partit ma tantx qiegħed jgħinu, fil-kumplikazzjonijiet interni li għandu. Huwa ċar li hemm proċess li huwa issa ferm u ferm iktar inevitabbli. Huwa f’dan iktar ċar li b’dan ir-riżultat ser ikun hemm maġġoranza għall-Partit Laburista fil-House of Commons. Ir-riżultati li fil-fatt juru li l-Partit Konservattiv sejjer, biċċa biċċa, lejn li jaqla’ tkaxkira tajba.

DIRETTIVI TAL-UNJONI EWROPEA LI ĠEW IMPLIMENTATI

18546. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi: Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew implimentati mill-Ministeru tiegħu matul is-sena 2024 u liema huma dawk li għadhom pendenti?

 

17/04/2024

 

ONOR. SILVIO SCHEMBRI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li dik id-Direttiva li taqa’ taħt il-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapri¿a u Proġetti Strateġiċi u li għandha skadenza għat-traspo¿izzjoni fis-sena 2024 hija s-segwenti:

Direttiva

Skadenza

Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar oqsma ta' ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-dejn u l-iskwalifiki, u dwar mi¿uri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn, u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 (Direttiva dwar ir-ristrutturar l-insolvenza

17/07/2024

 

Din id-Direttiva ġiet parzjalment trasposta fil-liġi nazzjonali għajr għall-Artikolu 28 li għandu data ta’ skadenza 17/07/24

 

Seduta  238

06/05/2024

DIRETTIVI TAL-UNJONI EWROPEA LI ĠEW IMPLIMENTATI

18545. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew implimentati mill-Ministeru tiegħu matul is-sena 2024 u liema huma dawk li għadhom pendenti?

 

17/04/2024

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawk id-Direttivi li jaqgħu taħt il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħolijiet Pubbliċi u li għandhom terminu ta’ skadenza għat-traspożizzjoni fis-sena 2024 huma s-segwenti:

 

Direttiva

Skadenza

Direttiva (UE) 2022/362 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Frar 2022 li temenda d-Direttivi 1999/62/KE, 1999/37/KE u (UE) 2019/520, fir-rigward tal-ħhas li jrid isir mill-vetturi għall-użu ta’ċerti infrastrutturi

25/03/2024

Direttiva (UE) 2023/946 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li temenda d-Direttiva 2003/25/KE fir-rigward tal-inklużjoni ta’ rekwiżiti mtejba tal-istabbiltà u l-allinjament ta’ dik id-Direttiva mar-rekwiżiti tal-istabbiltà definiti mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali

05/12/2024

 

Dawn id-Direttivi kollha għadhom ma ġewx trasposti fil-liġi nazzjonali u għalhekk għadhom kollha pendenti.

 

Seduta  238

06/05/2024

DIRETTIVI TAL-UNJONI EWROPEA LI ĠEW IMPLIMENTATI

18544. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika: Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew implimentati mill-Ministeru tiegħu matul is-sena 2024 u liema huma dawk li għadhom pendenti?

 

17/04/2024

 

ONOR. CLAYTON BARTOLO:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa l-Ministeru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika m’għandu l-ebda Direttiva bi skadenza għat-traspożizzjoni li taħbat fis-sena 2024 u għalhemm m’għandu l-ebda Direttiva li għadha pendenti.

 

Seduta  238

06/05/2024

DIRETTIVI TAL-UNJONI EWROPEA LI ĠEW IMPLIMENTATI

18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew implimentati mill-Ministeru tiegħu matul is-sena 2024 u liema huma dawk li għadhom pendenti?

 

17/04/2024

 

ONOR. CLIFTON GRIMA:  Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12962.

 

Seduta  238

06/05/2024

DIRETTIVI TAL-UNJONI EWROPEA LI ĠEW IMPLIMENTATI

18542. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar: Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew implimentati mill-Ministeru tiegħu matul is-sena 2024 u liema huma dawk li għadhom pendenti?

 

17/04/2024

 

ONOR. CLINT CAMILLERI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar m’għandu l-ebda Direttiva bi skadenza għat-traspożizzjoni li taħbat fis-sena 2024 u għalhekk m’għandu l-ebda Direttiva li għadha pendenti.

 

Seduta  238

06/05/2024

DIRETTIVI TAL-UNJONI EWROPEA LI ĠEW IMPLIMENTATI

18541. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat: Tista’ l-Ministru tgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew implimentati mill-Ministeru tagħha matul is-sena 2024 u liema huma dawk li għadhom pendenti?

 

17/04/2024

 

ONOR. JULIA FARRUGIA PORTELLI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa l-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat ma għandu l-ebda Direttiva bi skadenza għat-traspożizzjoni li taħbat fis-sena 2024 u għalhekk ma għandu l-ebda Direttiva li għadha pendenti.

 

Seduta  238

06/05/2024

LEJN DINJA U ĦAJJA AĦJAR

1. Waqt li kont qiegħed infittex kitba interessanti x’naqra, sibt żewġ kotba mill-passat riċenti, mimlija. Ġibditni għalihom introduzzjoni tal-ftit magħruf magħna Czeslaw Milosz (1911-2004). Awtur mill-iktar intelliġenti, li taħt it-tirannija tal-Unjoni Sovjetika fuq pajjiżu, il-Polonja, ħalla warajh riflessjonijiet tajba u partikolari. Dawk li, jgħaddi kemm jgħaddi żmien minn fuqhom, jibqgħu rilevanti għalina li rridu nibnu u ngħixu aktar fi Stat demokratiku. Fir-realtà, kull min jikteb bis-sens, hu f’liema żmien hu, għandu piż għal dawk li kapaċi jaqrawh u jqegħdu dak li jikteb fil-kuntest sħiħ tiegħu. Fuq dan iltqajt, mertu ta’ Milosz mal-kotba, l-ewwel The Trial Begins, u wara On Socialist Realism, stampati fl-oċċident taħt l-isem fittizju ta’ Abram Terz. Sar hekk għax f’dak iż-żmien ħadd ma seta’ jikteb u jistampa jekk qabel ma jkollux il-kunsens u l-approvazzjoni tal-Istat Sovjetiku.

Miktuba

2. Ċertament miktuba minn Russu fl-Unjoni Sovjetika. Kitba li fiha nfisha hija protesta qawwija kontra l-moviment fl-arti tal-hekk imsejjaħ “Socialist realism”, kif ukoll dak kollu li kien it-tagħlim edukattiv uffiċjali, dak kollu konness miegħu u l-kultura soċjali, ekonomika u politika li ġiet prodotta f’dak l-ambjent politiku ostili għall-bniedem. Fejn kull persuna trid iċċedi l-identità u d-dinjità tagħha lejn it-twettiq tal-Komuniżmu. Fejn Terz jgħinna nifhmu aktar li l-Iskop tal-ħidma umana kien biss dak li jitwettaq il-Komuniżmu: “The Purpose of socialist realism, the most purposeful art of our time.” U jkompli: “The Purpose is Communism, known in its early stage as socialism. A poet not only writes poems but helps, in his way, to build Communism; so, too, do sculptors, musicians, etc.”. Kull persuna, kull ħidma, kull ħsieb irid imur lejn dan l-iSkop uniku.

Skop

3. F’dan immur lura biex nislet dak li nara li qiegħed jiġi ripetut taħt forom differenti, jew aħjar ‘ilbies ieħor’ f’dan is-seklu, u agħar ukoll, f’din is-soċjetà tagħna. Proprju fl-ewwel ktieb, The Trial Begins, fil-parti ċentrali tiegħu hemm spjegat iktar kif jintlaħaq dan l-iSkop fil-kunflitt bejn il-metodi politiċi użati u l-għanijiet tiegħu. Hemm jingħad diversi drabi, taħt tibdil daqshekk ieħor hekk, dan il-ħsieb. Insibu: “The aim sanctifies the means, it justifies every sort of sacrifice. Millions of people – just think – millions have died for it.” (L-Għan iqaddes il-metodu, jiġġustifika kull forma ta’ sagrifiċċju. Miljuni ta’ bnedmin – aħsbu ftit – miljuni mietu għalhekk.) Kif ukoll: “The end justifies the means and the higher the end the more it justifies them.” U dan fil-proċess lejn dak li s-Soċjaliżmu stabbilixxa bħala l-iSkop tal-ħajja umana u tal-bniedem partikolari.

Minn dak li trabba fih

4. F’dan, il-kittieb, li kien imwieled, imrobbi u ċertament influwenzat minn dawk l-ideat, f’wieħed mill-karattri jistaqsi: “Why had they deprived people of faith? How could you replace personal survival by Communism? How could a thinking man have any purpose other than himself?” (Għaliex kellhom ineħħu l-fidi mill-poplu? Kif tista’ tibdel is-salvazzjoni personali bil-Komuniżmu? Kif persuna li tirraġuna jista’ qatt ikollha skop ieħor jekk mhux fuqu nnifsu?) Fis-soċjetà li ssostni l-ateiżmu, il-bniedem ifittex dak li ġie miċħud lilu biex isib l-iskop ta’ ħajtu. Dan jirranka iktar fit-tieni ktieb, waqt li l-istess kittieb jissejjaħ il-persuna perfetta fil-marka ta’ dak li jiġi identifikat bħala “The Positive Hero”.

L-Eroj Pożittiv

5. Jiddikjara hekk: “The positive hero is not simply a good man. He is a hero illuminated by the light of the most ideal of ideals. He has either no faults at all or else but a few of them – for example, he sometimes loses his temper a little. These faults have a two-fold function. They help the hero to preserve a certain likeness to the real man, and they provide something to overcome as he raises himself higher and higher on the ladder of political morality.” F’dan il-pass, sabiex il-persuna timxi lejn li tkun biss strument, oġġett, li jiġi skartat u użat fis-suppost twettiq u trasformazzjoni tal-Komuniżmu mis-Soċjaliżmu. Fejn jitlef kull identità u jsir biss għodda, li m’għandux valur salv wieħed biss: biex jintlaħaq l-għan finali.

X’kellna

6. F’dan iqum iktar il-punt ta’ x’kellna minn dak li nofs l-Ewropa kienet taħtu u jekk aħniex qed nerġgħu mmorru lura lejh. Issa li waqa’ l-Ħajt ta’ Berlin u li dik il-qasma ma baqgħetx, wieħed jistaqsi jekk hemmx min ġie influwenzat jew huwiex meħud lura mill-ġdid f’forom varji ta’ nostalġiji biex iqajjem dak li deher mejjet. Il-Komuniżmu Sovjetiku miet, imma l-eżempji ħżiena tiegħu għadhom magħna. Czeslaw Milosz jispjega dwar dak identifikat fl-arti bħala “Socialist realism” jew “Socrealism” hekk: “But unfortunately, socrealism is not merely a question of tastes. It is a philosophy, too, and the cornerstone of official doctrine worked out in Stalin’s days. Socrealism is directly responsible for the deaths of millions of men and women, for it is based on the glorifications of the state by the writer and artist, whose task it is to portray the power of the state as the greatest good, and to scorn the sufferings of the individual.” (Imma sfortunatament, is-soċrealiżmu mhux kwistjoni ta’ gosti. Huwa filosofija, ukoll, u huwa l-ġebla tax-xewka ta’ duttrina uffiċjali li ġiet imħaddma taħt Stalin. Is-soċrealiżmu huwa direttament fir-responsabbiltà għall-mewt ta’ tant miljuni ta’ bnedmin, għax huwa ibbażat fuq il-glorifikazzjoni tal-Istat mill-kittieb u mill-artist, li dmiru huwa li jpinġi l-poter tal-Istat bħala l-aqwa ġid, u li tiddisprezza s-sofferenzi tal-bniedem.)

Ninsabu lura

7. F’dan, iktar, waqt li sejrin lejn dawn l-Elezzjonijiet Ewropej għandna nistaqsu jekk qbadniex lura t-triq lejn il-glorifikazzjoni tal-Istat ċentralizzat, jew le. Inkella jekk aħniex lura bi klassi politika influwenzata mill-ħsieb li flok tasserixxi l-libertà fil-ġustizzja tal-bniedem trid twasslilna l-messaġġ li l-poter tal-Istat huwa l-ikbar ġid. Iktar u iktar dan kollu fl-eventi li pajjiżna għaddej minnhom fil-preżent.Tifhem l-iżbalji politiċi li saru u tifhem iktar li dan kollu seħħ għax mill-bidu kien hemm min huwa konvint li l-iSkop jiġġustifika kull mezz, u hekk imwettaq mingħajr skruplu. Proprju min ġie mgħallem jew ippermetta ruħu li jiġi influwenzat minn dawk l-ideat li ġieb dan kollu fuqu u fuq soċjetà li kull ma riedet huwa dinja u ħajja aħjar.

2.5.24

DIRETTIVI TAL-UNJONI EWROPEA LI ĠEW IMPLIMENTATI

18540. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew implimentati mill-Ministeru tiegħu matul is-sena 2024 u liema huma dawk li għadhom pendenti?

 

17/04/2024

 

ONOR. MICHAEL FALZON:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li, sa issa l-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal m’għandu l-ebda Direttiva bi skadenza għat-traspożizzjoni fis-sena 2024 u għalhekk m’għandu l-ebda Direttiva li għadha pendenti.

 

Seduta  237

30/04/2024

DIRETTIVI TAL-UNJONI EWROPEA LI ĠEW IMPLIMENTATI

18539. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew implimentati mill-Ministeru tiegħu matul is-sena 2024 u liema huma dawk li għadhom pendenti?

 

17/04/2024

 

ONOR. IAN BORG:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ m’għandu l-ebda Direttiva bi skadenza għat-traspożizzjoni li taħbat fis-sena 2024 u għalhekk m’għandu l-ebda Direttiva li għadha pendenti.

 

Seduta  237

30/04/2024

DIRETTIVI TAL-UNJONI EWROPEA LI ĠEW IMPLIMENTATI

18538. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew implimentati mill-Ministeru tiegħu matul is-sena 2024 u liema huma dawk li għadhom pendenti?

 

17/04/2024

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa l-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali m’għandu l-ebda Direttiva bi skadenza għat-traspożizzjoni li taħbat fis-sena 2024 u għalhekk m’għandu l-ebda Direttiva li għadha pendenti.

 

Seduta  237

30/04/2024 

DIRETTIVI TAL-UNJONI EWROPEA LI ĠEW IMPLIMENTATI

18537. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir: Tista’ l-Ministru tgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew implimentati mill-Ministeru tagħha matul is-sena 2024 u liema huma dawk li għadhom pendenti?

 

17/04/2024

 

ONOR. MIRIAM DALLI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

 

Seduta  237

30/04/2024

DIRETTIVI TAL-UNJONI EWROPEA LI ĠEW IMPLIMENTATI

18536. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew implimentati mill-Ministeru tiegħu matul is-sena 2024 u liema huma dawk li għadhom pendenti?

 

17/04/2024

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawk id-Direttivi li jaqgħu taħt il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħolijiet Pubbliċi u li għandhom terminu ta’ skadenza għat-traspożizzjoni fis-sena 2024 huma s-segwenti:

 

·               Direttiva (UE) 2022/362 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Frar 2022 li temenda d-Direttivi 1999/62/KE, 1999/37/KE u (UE) 2019/520, fir-rigward tal-ħlas li jrid isir mill-vetturi għall-użu ta’ċerti infrastrutturi

·               Direttiva (UE) 2023/946 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li temenda d-Direttiva 2003/25/KE fir-rigward tal-inklużjoni ta’ rekwiżiti mtejba tal-istabbiltà u l-allinjament ta’ dik id-Direttiva mar-rekwiżiti tal-istabbiltà definiti mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali

 

Dawn id-Direttivi jinstabu fil-proċess ta’ traspożizzjoni.

 

Seduta  237

30/04/2024

DIRETTIVI TAL-UNJONI EWROPEA LI ĠEW IMPLIMENTATI

18535. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali: Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew implimentati mill-Ministeru tiegħu matul is-sena 2024 u liema huma dawk li għadhom pendenti?

 

17/04/2024

 

ONOR. ANTON REFALO:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa l-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli m’għandu l-ebda Direttiva bi skadenza għat-traspożizzjoni li taħbat fis-sena 2024 u għalhekk m’għandu l-ebda Direttiva li għadha pendenti.

 

Seduta  237

30/04/2024

MIN JISTA' JFENDI GĦAL RASU

1.    F’kull sena niġu f’dan l-appuntament illum nazzjonali. Il-pajjiż huwa mistenni minnu li jieqaf u jirrifletti fuq dak li kien u fuq dak li hu. X’inhi l-pożizzjoni tal-ħaddiem f’dawn l-gżejjer wara dawn s-snin? Kif isib ruħu u kif huwa kkunsidrat minn oħrajn? Kif l-iktar hija s-sitwazzjoni tiegħu fi ħdan is-sistema ekonomika tagħna? X’inhi l-parti tiegħu fil-mezzi tal-produzzjoni? Kemm iċċaqilqet ’il quddiem u kemm huwa kkunsidrat bħala bniedem u mhux bħala oġġett? Kif inhu quddiem il-liġi, u kif din qegħda tiġi applikata fil-ġurnata, l-iktar quddiem l-isfidi veri tagħna?

Smajna

2.    Tul din il-leġiżlatura smajna b’ħafna dwar dak li għaddej, speċjalment fid-dinja tal-kostruzzjoni. Dik li fir-realtà ħarġet minn idejna. Wisq permessi ħarġu f’daqqa u settur li sab ruħu fil-bżonn li jiġi regolat sew. F’ħafna żmien kien hemm forma ta’ awto-regolamentazzjoni li b’xi mod kienet tidher li qed taħdem. Illum naċċettaw li dan m’għadux minnu, u anzi, hemm neċessità li jidħlu diversi liġijiet. Uħud jaħsbu li dan jista’ jsir f’daqqa. Dawk fil-linja tax-xogħol jagħrfu li huwa ferm iktar diffiċli. Tant ninsabu ’l bogħod mill-miri. Min-naħa dak li huwa u fuq l-oħra dak li nirrikjedu li nkunu. L-aktar u f’dan li tmiss fil-punt li ħajjet il-ħaddiem fuq il-lant tax-xogħol mhix verament protetta.

Fdajna

3.    Forsi wkoll f’dan kien hemm min ħaseb li s-suq se b’xi mod f’xi mument jirregola mingħajr il-bżonn ta’ iktar liġijiet. Imma l-kunsiderazzjonijiet marbuta mal-profitt kienu u għadhom superjuri għal kull forma ta’ difiża tal-bniedem. Aktar u aktar dan f’dak li żviluppa f’kampanja qawwija sabiex iktar ħaddiema minn pajjiżi oħrajn inġiebu jaħdmu hawn. Il-verità hija li nistgħu nibnu aktar u aktar għax ġew huma u l-kundizzjonijiet li qed jitolbu mingħandna huma anqas milli l-liġijiet ta’ pajjiżna jitolbu. F’dawn l-aħħar għaxar snin ma rajniex jew dħalniex verament fil-fond politikament biex nifhmu kif hawn persuni li f’forom varji u differenti jinsabu sfruttati. Ħafna ma jitkellmux għax ma jafux jew jaħsbu li ma jaqbilhomx. Fir-realtà wkoll irridu nammettu li fdajna fejn ma kellniex.

Fl-1 ta’ Mejju

4.    F’dan huwa aktar evidenti li filwaqt li suppost imxejna ’l quddiem,jista’ jkun li minflok sejrin iktar lura. Snin ilu kien hemm bżonn deċiżjonijiet biex il-ħaddiem jieqaf fl-1 ta’ Mejju sabiex jipprotesta. Isemma’ leħnu biex min iħaddem jieqaf u jifhem li jrid jirrispetta bnedmin oħra bħalu. Jieqaf u jifhem li hemm vantaġġ fir-rispett lejn id-dinjità tal-ħaddiem. Rispett fil-paga u fil-kundizzjonijiet ta’ fuq ix-xogħol. Dak li għamlu movimenti fil-klassi tal-ħaddiem, ġejjin sija minn dik Soċjalista kif ukoll dik Nisranija,  huwa magħruf. Uħud forsi wara l-waqa’ tal-Ħajt ta’ Berlin waslu biex jaħsbu li dak iż-żmien issa spiċċa u ma hemmx iktar forzi politiċi determinati jew b’saħħithom biex jaqbdu lura din l-bandiera.

Duttrina soċjali

5.    Daqshekk ieħor jista’ jkun hemm min jaħseb li d-duttrina soċjali tal-Knisja m’għadhiex aktar rilevanti għalih jew għall-klassi tal-ħaddiem. F
’dan l-pajjiż inqtajna u llum għandna iktar politika liberali tal-lemin. Dik li timxi taħt l-iskuża li wasal iż-żmien tal-progress ekonomiku modern li fih kull persuna hu għal rasu. Anki l-ħaddiem f’dan ġie aktar influwenzat li flok ingħaqad u ġedded dejjem iktar il-unions tiegħu, inqata’ aktar minnhom. Flok għandna politika nazzjonali li tħajjar aktar bnedmin jingħaqdu biex jiddefendu l-pożizzjoni tagħhom, l-aktar fl-analiżi soċjali u ekonomika ta’ dak li jinsabu fih u dak li sejrin għalih, għandna l-kontra. Hemm wirt ta’ esperjenza u tagħlim li qiegħed jiġi biċċa biċċa abbandunat u mitluq. Flok imħaddem lura biex l-affarijiet jiġu għas-sewwa, aħna stess qed nitilquh fil-ġenb.

Inħaddmu dak li għandna

6.    Fir-realtà, mhux biss m’għadniex nisimgħu fuq il-vantaġġi ta’ ideat u viżjoni politika fit-tul favur dawk li huma l-iktar ’l isfel fis-soċjetà u fid-dinja tax-xogħol, imma anqas m'għadna nħaddmu dak li għandna. Bħall-Att dwar l-Protezzjoni ta' Informatur, li huwa mimli b’mekkaniżmi legali biex jassiguraw li jipproteġu aħjar lill-ħaddiem li mhumiex jiġu użati. Kif ukoll f’dan li nibdlu ukoll kif inħarsu u nikkunsidraw każijiet sija fit-Tribunal Industrijali u fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili. Fiż-żmien suppost li kien hemm proċess għal bidla vera, li llum naħseb li ma tinsabx fil-prijoritajiet nazzjonali. F’dan iktar fil-kawżi marbuta ma’ ħaddiema li jweġġgħu fuq il-post tax-xogħol. F’dawk li jridu jġorru għal ħajjithom diżabbilitajiet permanenti li jnaqqsulhom mis-saħħa fiżika, imma aktar dik fix-xogħol. Dawk li fuq in-naħa l-oħra, biex jieħdu l-kumpens li ħaqqhom jridu jiftħu kawżi fil-qrati, bl-ispejjeż legali involuti, bl-istennija u bid-diffikultà li wieħed jirbaħ l-kawża. Wasal aktar iż-żmien li nibnu sistema legali aħjar biex min iweġġa’ jitħallas ferm aktar malajr u mingħajr il-passjonijiet li qed jgħaddu minnhom diversi persuni llum.

Waqafna

7.    F’dan għandna iktar nistaqsu kemm aħna mexjin ’il quddiem. Nistaqsu jekk l-aġenda li kull ħaddiem jistenna li tiġi applika hijiex qegħda fil-fatt titressaq ’il quddiem. Aħniex nikkuntentaw b’dak li għandna, b’dak li nikkunsidraw li rnexxielna niksbu, milli nħarsu iktar ’il quddiem. Id-dinja tax-xogħol qegħda tinbidel. Fis-sens li hemm iktar setturi ġodda, differenti, li jimpjegaw in-nies bil-kundizzjonijiet tagħhom. Imma fl-istess ħin jidher li nsejna dawk li minnhom 
bdiet id-dinja tax-xogħol. Dawk li l-persuni li huma iktar ’l isfel qegħdin jitolbu iktar minna.

Nittamaw li għada, il-jum li fih niċċelebraw mill-ġdid dan l-jum ikun ifisser bidu ta’ politika iktar fuq ix-xellug. Waħda li tibni fuq Stat li jipproteġi u jaqbeż aktar għal dawk li huma ’l isfel. Waħda li tieqaf taħseb li l-aqwa Stat huwa dak fejn l-ġebla tax-xewka tiegħu hija biss dik ta’ dawk li jistgħu jkomplu jfendu għal rashom.

LAQGĦAT FI ĦDAN L-UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA

18534. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni: Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena 2024?

 

17/04/2024

 

ONOR. JONATHAN ATTARD:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena bħala laqgħat fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa jien attendejt għal Justice and Home Affairs Council ġewwa Brussel. Appart minn hekk f’Ġunju ser nattendi l-Justice and Home Affairs Council li ser isir ġewwa l-Lussemburgu.

 

Seduta  236

29/04/2024

LAQGĦAT FI ĦDAN L-UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA

18533. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena 2024?

 

17/04/2024

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa, din is-sena l-Ministru attenda l-Kunsill Informali għall-Affarijiet Interni f’Jannar u l-Med5 Ministerjali f’April.

 

Seduta  236

29/04/2024

LAQGĦAT FI ĦDAN L-UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA

18532. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Finanzi: Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena 2024?

 

17/04/2024

 

ONOR. CLYDE CARUANA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

 

Seduta  236

29/04/2024

LAQGĦAT FI ĦDAN L-UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA

18531. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi: Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena 2024?

 

17/04/2024

 

ONOR. SILVIO SCHEMBRI:  Ninforma l-Onor. Interpellant li għas-sena 2024 attendejt l-laqgħa informali tal-Kunsill tal-Ministri responsabbli mit-Telekomunikazzjoni fit-tnax ta’ April.

Laqgħat oħra għadhom qedgħin jiġu ppjanati.

 

Seduta  236

29/04/2024

LAQGĦAT FI ĦDAN L-UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA

18530. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena 2024?

 

17/04/2024

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-bidu tas-sena, fil-kapaċità tiegħi bħala Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, ipparteċipajt b’mod attiv fil-laqgħa informali tal-Ministri tat-Trasport li saret fi Brussell, fit-3–4 ta’ April 2024. Barra minn hekk, bħala parti mill-impenji li ġejjin, se nkun qed nattendi wkoll il-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tat-Trasport li ser isir fit-18 ta’ Ġunju fil-Lussemburgu.

 

Seduta  236

29/04/2024

LAQGĦAT FI ĦDAN L-UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA

18529. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika: Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena 2024?

 

17/04/2024

 

ONOR. CLAYTON BARTOLO:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li attendejt għall-Laqgħa Informali tal-Ministri tat-Turiżmu fi Frar tal-2024. Ma hemm l-ebda laqgħat oħra ippjanati sa l-aħħar ta’ Ġunju 2024.

 

Seduta  236

29/04/2024

IL-LOĠIKA TAL-ILLOĠIKA

1. Din il-ġimgħa għaddejna mill-passaġġi tal-ideat u tal-laqgħat fis-soċjetà. F’dawk li jeħduk fil-limiti ta’ dak li huwa veru lil hinn minn dak li mhuwiex; dawk li jservu l-ġustizzja minn dawk li le; bejn dawk li jilmentaw u jgergru u dawk li le. Trid tmiss mal-bnedmin biex tifhem iktar dak li jinsab għaddej fil-komunitajiet tagħna. Is-sinjali taż-żminijiet li huma hemm, imma li ftit iridu jifhmu. Hemm vuċijiet varji li jesprimu ruħhom, imma mhux ħafna huma dawk li jridu, b’xi mod, jisimgħuhom. Ħafna drabi naraw, anzi, lil dawk li qed jitkellmu u oħrajn li lanqas biss jagħtu kas tagħhom. Iħarsu ’l bogħod, mhux biex jimxu ’l quddiem imma fir-realtà biex jibqgħu fejn huma.

Vuċijiet

2. F’dan hemm vuċijiet li jinsabu abbandunati fil-ġenb. Dawk li għandhom jinstemgħu imma li jibqgħu waħedhom. Dawk li jingħaqdu oħrajn magħhom imma li mhumiex mogħtija importanza. Forsi wkoll minħabba l-klassi soċjali li ġejjin minnha. Forsi wkoll għax id-demokrazija, flok qed tinfetaħ, qegħda tingħalaq. Flok issir dejjem iktar vuċi tal-partijiet kollha tal-pajjiż qed issir dik li tagħlaq il-bieb għal dawk li m’għandhomx ħbieb fil-gazzetti u fil-medja. Fejn il-verità mhux dejjem tidħol ġewwa. Fejn il-fatti, flok infittxuhom, irridu lill-oħrajn iressquhom lejna. Hemm, f’dan kollu, dawk li jibqgħu jinsistu biex leħinhom jasal. Hemm dawk li oħrajn jarawhom bħala differenti, strambi, skont huma ‘mhux normali’ u antipatiċi wkoll, li jridu jissudaw iktar id-determinazzjoni tagħhom biex il-vuċijiet tagħhom jaslu.

Nissugraw

3. F’dan, iktar nersqu b’saħħa biex nirriskjaw dak li m’għandux ikun. Niċħdu l-fatti li jum wara jum jidhru mill-iktar ċari u evidenti. Fuq naħa f’dak li wieħed jidher li qiegħed jibqa’ jinsisti jħaddem mudell ta’ ħidma politika li mhuwiex jaħdem, u fuq l-oħra dak li ma jmissx ma’ dak li qiegħed jingħad. Biex ikun hemm ħaġa waħda biss: l-affermazzjoni li dak li jgħidu l-partiti politiċi huwa dak li għandu jiġi segwit. Mhux il-prijoritajiet tal-poplu, imma ta’ dawk li għandhom jirrappreżentawh. F’dinja politika fejn hemm affermazzjoni aktar tal-liberaliżmu tal-lemin. Fejn iċ-ċentru qiegħed jiġi abbandunat u l-passi huma lejn il-minoranzi tal-estremi fil-klassijiet affluwenti tas-soċjetà. Passi li bihom qed nissugraw dejjem iktar: l-ewwel, il-valur demokratiku tas-soċjetà li jrebbaħ; u t-tieni, li tintilef l-importanza tal-moderazzjoni fil-partiti politiċi.

Sinjali

4. Meta komponenti ta’ dawkli kienu parti minnek jibdew igergru u jimxu ’l bogħod minnek trid tifhem li hemm numru ta’ affarijiet li mhumiex jaħdmu. Partit politiku f’din is-soċjetà, b’mod partikolari, jrid jifhem li jeħtieġ li jġib miegħu il-komponenti sħaħ tiegħu lura fi ħdanu. Anke jekk ma jaqbilx magħhom. Anki jekk jistgħu jirritawh jew li jħoss li hemm kunflitti passati jew riċenti magħhom li mhumhiex rikonċiljabbli. Anke f’dan kollu, wieħed jista’ jkollu l-libertà li jeskludi lil min m’għandux, imma jista’ jwettaq dan jekk il-linja politika tiegħu tkun ta’ suċċess. Jekk qiegħed javvanza u jissoda. Imma meta xahar wara xahar tibqa’ ma tiċċaqlaqx u ma tirreġistrax l-avvanz li għandek, fi stat li qiegħed jum wara jum jiġi żarmat, allura trid tagħmel eżami sew ta’ ħidmietek.

Loġika

5. Dan huwa loġiku għalkollox, kif diversi persuni li għaddew mill-ħajja politika juruk. Huwa fin-normalità politika li wieħed janalizza u jimxi ’l quddiem bir-raġuni. Imma kuntrarju, u għaldaqstant illoġiku huwa meta kollox jibqa’ l-istess. Meta tibqa’ b’linja politika li ġġib iktar kunflitt u iktar estremiżmi, jekk mhux isteriżmi. Fejn fl-illoġika ta’ ħidmietek tibqa’ tinsisti fuq dak li m’għandekx, u tibqa’ torbot u tidentifika lilek innifsek ma’ dak li mhuwiex f’idejk. Meta tiġi assoċjat ma’ ideat u bnedmin li għandhom il-valur tagħhom imma li ma jirrappreżentawx l-maġġoranza fil-pajjiż. Iktar u iktar fix-xenarju preżenti fejn huwa ċar li terz tal-elettorat qiegħed jiddikjara li jħossu emarġinat u jippreferi li ma jivvutax għaż-żewġ partiti l-kbar.

Riskji

6. F’dan hemm iktar u ikbar il-marġini ta’ dawk li għal raġuni jew oħra, sforz il-pressjoni li ssir lilhom fil-jiem tal-vot, jivvutaw differenti. Jew dawk li ser iħossu iktar li l-vuċi tagħhom hija rappreżentata fid-demokrazija li joħorġu jivvutaw. Hemm issa firxa ta’ persuni li ġejjin miċ-ċentru-lemin li qabdu t-triq indipendenti tagħhom. Hemm dawk li huma f’dik li wieħed issoltu jidentifika mar-reazzjonarji tal-lemin, li wkoll għandhom l-effett tagħhom. Hemm ukoll dawk fuq estremiżmi akbar, f’forma ta’ lemin ieħor. F’dan li qiegħed jiżviluppa u li wħud mhumiex jisimgħu, jew ma jridux jisimgħu sitwazzjoni iktar ikkumplikata. Il-loġika tiddetta ċerti passi, uħud fil-verità li kellhom jittieħdu qabel, imma minflok qed nippersistu fil-loġika tal-illoġika.

Opportunità

7. F’dan, wieħed ma jridx jilludi iktar ruħu. Dawn l-elezzjonijiet għandhom possibiltà għolja li ser iservu biex kollox jibqa’ l-istess fuq iż-żewġ naħat. Il-kejl veru ser ikun dak ta’ kemm persuni jivvutaw għal partit jew ieħor, u dan jitqabbel man-numru ta’ votanti li għandhom id-dritt tal-vot u mhux man-numru ta’ dawk li verament jeżerċitawh. Jista’ jkun hemm il-‘vantaġġ’ apparenti ta’ tibdil fis-‘siġġijiet’, imma fil-verità dan jista’ jkun iktar ta’ żvantaġġ għal naħa u vantaġġ għall-oħra. Iktar u iktar meta l-Partit Laburista jaf li issa li qiegħed fit-tielet leġislatura tiegħu ma tkunx waqgħet id-dinja jekk inaqqas xi ħaġa biex jidħol ukoll fir-raba’ waħda. Jekk wieħed irid il-bidla minn dawk li nisma’ tant diskorsi mingħandhom sabiex tirbaħ il-verità u l-ġustizzja, din l-opportunità qegħda tissogra li tintilef.

Fl-ilmenti ta’ Ġeremija

8. Fl-antipatija tal-lamentazzjoni li wħud jiftakru fil-Profeta Ġeremija huwa u jħares lejn Ġerusalemm, wieħed irid jieħu kejl. Għarfien li l-affarijiet jistgħu jkunu aħjar. Għarfien li hemm bżonn li nkejlu sew l-polz tal-bnedmin f’din is-soċjetà. Għarfien li għandna nimxu ’l quddiem biex nieħdu direzzjoni aqwa u napplikaw iktar ir-raġuni li, fl-aħħar mill-aħħar, ma tridx forza. Nittama, anzi nibqa’ nittama u nibqa’ nagħti s-sehem tiegħi sabiex dik it-triq li għandna naqbdu nidħlu għaliha b’intelliġenza. Fuq kollox, li nuru lura li aħna kapaċi nagħmlu d-differenza bejn dak li hu loġiku u dak li mhuwiex. U aktar minn hekk, li ma ninħakmux mil-loġika tal-illoġika.

24.4.24

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika ruħha. Tidher li daħlet f’pożizzjonijiet li minnhom, flok qed naraw tmiem kunflitt, qed immissu ma’ iktar imwiet. Il-figuri li ħadd ma jidher li qiegħed imeri juru li mietu eluf ta’ persuni. Fil-bidu, u li ċaqlaq kollox, kien l-attakk żbaljat u mill-iktar kundannabbli li l-Ħamas wettqu fuq diversi innoċenti. Kien bla sens, mimli ħdura, degradanti, u li ma jwassal imkien. Min ħa dik id-deċiżjoni wera li mhuwiex denju jew kapaċi jieħu passi biex tinstab soluzzjoni għal żewġ popli li qed jgħixu viċin xulxin.

M’hemmx passi oħra

2. Minn dak li rajna huwa iktar evidenti li daħlet il-mentalità li għal dak li seħħ m’hemmx passi oħra lura. L-attakki li saru mill-Forzi Armati Iżraeljani seta’ kellhom ġustifikazzjoni fil-bidu, imma llum ħadd ma jista’ jitkellem iktar fuq atti ta’ difiża leġittima. Fil-perkors ta’ dawn ix-xhur saru wisq atti militari li ma wasslux għar-riżultati li wħud, minn barra, setgħu ħasbu. Diversi qed jaħsbu u jgħidu li l-affarijiet ikkumplikaw ruħhom intenzjonalment. Attakki varji fuq bnedmin li tilfu ħajjithom. Mietu ulied, nisa, anzjani. Id-demm innoċenti tagħhom qiegħed hemm: jgħajjat f’soċjetà li tilfet widintha. Ma nafx kif, għada pitagħada, stati oħra madwar id-dinja, fir-reġjun, fil-Mediterran, jistgħu jħarsu f’għajnejn dawk li għadhom ħajjin. Kif jistgħu, il-mexxejja tad-dinja, jiġġustifikaw dak li wettqu? U kif ħadd ma ntervjena verament biex dan il-massakru jieqaf?

Kwistjoni ta’ mexxejja

3. Hemm, f’dan, responsabbiltà kollettiva li qegħda tinġabar fuqna wkoll. Waqt li fl-1945 ftit kienu jafu dak li kien għaddej fil-kampijiet tal-konċentrament, illum dan ilkoll nafuh. Aħna wkoll għandna nitkellmu, naġixxu u nċaqilqu. Faċli nħallu lill-oħrajn għaddejjin u ndawru wiċċna. Għandna problemi qawwija fil-kuxjenza tagħna. Dik li hija ta’ bnedmin ta’ kultura, ta’ storja, ta’ Nsara. Għandna fuqna dmirijiet li jwassluna biex naġixxu billi nsemmgħu leħinna u ma nħallux lil min isikkitna b’diskorsi bla sens li fihom nispiċċaw biss f’loppju. Diversi, f’dan, ifittxu li jagħżlu li jwaħħlu fil-mexxejja partikolari. Fuq naħa, u l-iktar fil-mira hemm Benjamin Netanyahu, li jidher dejjem iktar li qiegħed f’pożizzjoni politika li 
minnha ma jridx jiċċaqlaq. Uħud, bħal ma smajt lil Mustafa Barghouti, is-Segretarju Ġenerali tal-Palestinian National Initiative jiddikjara, jaħsbu li dan ġej minħabba l-proċessi kriminali u politiċi li għandu jistennewh. Imma fir-realtà hija wkoll li hemm politiċi oħra warajh li qegħdin isostnu li din il-linja iebsa tkompli għaddejja, minkejja li Gaża hija mfarrka kważi kompletament. Fosthom Itamar Ben Gvir, il-mexxej tal-partit tal-lemin estrem fil-koalizzjoni tal-Gvern. Imma internament  ħadd m’huwa b’xi mod jaġixxi verament sabiex din il-linja ta’ ġlied tieqaf. Iktar u iktar fl-isfida iktar ikkumplikata li, għall-ewwel darba, hemm tibdil fir-relazzjoni bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u Iżrael.

Żewġ Stati?

4. Minkejja l-isforzi tal-President Joe Biden, li naħseb li ħaddieħor m’għandux l-intenzjoni li jaqbad u li qiegħed iwettaq, huwa iktar ċar li flok qed tinstab soluzzjoni, is-sitwazzjoni iktar qed tikkomplika ruħha. Dak li hu għaddej f’Gaża mhuwiex, b’xi mod, aċċettabbli, u kull min għandu għal qalbu d-drittijiet fundamentali ta’ kull persuna u jħares lejn l-istorja jaf li għandu jaġixxi. Dak li seħħ f’Ottubru huwa frott ta’ moviment terrorista, ċertament, u mhux tal-poplu Palestinjan. Imma nagħrfu dejjem aktar li hemm distinzjoni bejn dak li seħħ u dak li għandna nħarsu għalih fil-futur. Dikjarazzjonijiet fuq soluzzjoni ta’ żewġ Stati ilna nagħmlu u nisimgħu. F’dawn is-snin ma ġewx, u ma ngħatawx il-ħajja. F
’dawn is-snin kienet ukoll konvenjenti għal dan il-Gvern ta’ Benjamin Netanyahu li ma tiġix għad-dawl. Anzi, li saru passi determinanti sabiex tagħmel dan iktar diffiċli. Kien hemm bżonn dikjarazzjoni mill-ġdid li din għadha fuq il-mejda, imma daqshekk ieħor li jridu jsiru iktar passi fi trattattivi li ma jistgħux jirnexxu jew jibdew.

Iżrael u l-Iran

5. F’dan huwa iktar ikkumplikat dak li seħħ f’dawn il-jiem bejn dawn l-Istati. Jekk kienx att ta’ provokazzjoni jew difiża li l-Iżrael attakka konsolat f’dak il-pajjiż, forsi nkunu nafuh għada pitgħada. Imma r-reazzjoni kienet daqshekk ieħor barra mill-proporzjon. L-appelli għal tnaqqis fil-livell għoli ta’ ritaljazzjoni, jew forsi f’termini differenti, waħda ikkalkulata, ma nafx kemm kienu effikaċi. Il-pajjiżi tad-dawra wettqu ħidma li sa issa tidher li kkontrollat. Imma kemm dan ser jibqa’ hekk fil-futur qasir, ma nafux. Iktar u iktar bl-estremiżmi li hemm f’Iżrael u bis-sejħa għal reazzjoni għal dak li hu għaddej f’Gaża minn poplu Musulman li jrid iwieġeb għall-mewt ta’ tant innoċenti. Waqt dawn il-jiem jidher li hemm ħsieb mill-ġdid fuq dan, imma fejn ser iwassal fit-tul, u jekk huwiex ser jinżamm fejn hu, ma nafux.

Jibqa’ l-punt

6. F’dan kollu, il-pożizzjoni ser tibqa’ dik li m’għandniex soluzzjoni vera. Flok nistgħu nħarsu lejn futur fil-paċi, għandna kważi assigurazzjoni ta’ wieħed mifni bil-ġlied. Iktar ma l-partijiet idumu biex jaslu, jew kif partijiet minn Iżrael jippretendu li qatt ma jaslu, is-sitwazzjoni tibqa’ ħażina bil-kumplikazzjoni li f’għajnejn ġenerazzjoni Palestinjana futura jkun hemm min jiġġustifika dak li wettqu l-Ħamas. Mhux biss, imma hemm it-theddida li dak kollu li ġie reġistrat li m’għandux jerġa’ jseħħ wara x-Shoah ser jintilef. Ma jistax jibqa’ jingħad li min jitkellem favur soluzzjoni u l-poplu Palestinjan huwa parti minn aġir anti-semita jew favur il-Ħamas. Dan mhu minnu xejn. Iżrael irid ikun ferm iktar attent għax f’dan qiegħed ifarrak dak li huwa stess bena sa mill-1945. Id-dikjarazzjonijiet ta’ Stati f’dawn il-jiem dwar dan huwa iktar determinanti. Pajjiżna għamel sew li ħa pożizzjoni. Imma hemm bżonn ferm iktar sforzi sabiex din il-kwistjoni tirrisolvi ruħha. Nafu li hija kkumplikata, però nagħrfu li hemm bżonn iktar passi biex jieqaf il-ġlied. Inkunu iktar ippreparati nistaqsu pubblikament fejn aħna u fejn sejrin.

LAQGĦAT FI ĦDAN L-UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA

18522. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir: Tista’ l-Ministru tgħid għal liema laqgħat attendiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u dawk li mistennija tattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena 2024?

 

17/04/2024

 

ONOR. MIRIAM DALLI:  Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7206, ninfurmah li f’Marzu ta’ din is-sena attendejt għal-laqgħa tal-Kunsill Ministerjali tal-Enerġija.

 

Seduta  234

23/04/2024

LAQGĦAT FI ĦDAN L-UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA

18521. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena 2024?

 

17/04/2024

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-bidu tas-sena, fil-kapaċità tiegħi bħala Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, ipparteċipajt b’mod attiv fil-laqgħa informali tal-Ministri tat-Trasport li saret fi Brussell, fit-3–4 ta’ April 2024. Barra minn hekk, bħala parti mill-impenji li ġejjin, se nkun qed nattendi wkoll il-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tat-Trasport li ser isir fit-18 ta’ Ġunju fil-Lussemburgu.

 

Seduta  234

23/04/2024

LAQGĦAT FI ĦDAN L-UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA

18520. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali: Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena 2024?

 

17/04/2024

 

ONOR. ANTON REFALO:  Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-laqgħat fi ħdan l-UE li attendejt għalihom sa llum huma hekk kig ġej:

 

Jannar 2024 – Kunsill Agrifish – Brussell, Belġju

Frar 2024 – Kunsill Agrifish – Brussell, Belġju
Marzu 2024 – Kunsill Agrifish – Brussell, Belġju
April 2024 – Laqgħa informali għall-Ministri għall-Agrikoltura - Limburgu, Belġju

 

Mistenni li nkun qed nattendi għal-laqgħat futuri fi ħdan l-UE.

 

Seduta  234

23/04/2024

IL-FURJANA – TRIQ ĠNIEN DANTE ALIGHERI – SIĠAR TAĊ-ĊITRU

18519. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 16617 u 17508, jista’ l-Ministru jara li s-sitwazzjoni tiġi riżolta u jittieħdu l-passi neċessarji?

 

17/04/2024

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill qed jieħu l-passi neċessarji biex jara li l-ġonna u s-soft areas ikunu ikkurati.

 

Seduta  234

23/04/2024

SPORTMALTA U L-KUNTRATTUR TAX-SHOOTING RANGE - FTEHIM

18518. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim milħuq bonarjament bejn SportMalta u l-kuntrattur tax-Shooting Range u jekk kienx hemm ftehim jew dokument ulterjuri li rriżulta mill-medjazzjoni li seħħet bejniethom?

 

17/04/2024

 

ONOR. CLIFTON GRIMA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt u l-addendum qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

 

Seduta  234

23/04/2024

RAĦAL ĠDID - TRIQ L-ISQOF BUHAGIAR - XOGĦLIJIET

18517. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qegħdin isiru fi Triq l-Isqof Buhagiar, Raħal Ġdid, kemm se jdumu għaddejjin u kemm huma stmati li se jiġu jiswew?

 

17/04/2024

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Paola li x-xogħlijiet fi Triq l-Isqof Buhagiar jikkonsistu fil-bdil tal-main u s-servizzi tal-ilma, main tad-drenaġġ, bankini ġodda u l-asfaltar tat-triq. Dan ix-xogħol qed isir mill-kuntrattur ta’ Infrastruttura Malta u għaldaqstant il-Kunsill ma’ jistax jindika kemm ser idumu dawn ix-xogħlijiet u lanqas kemm huma stmati li se jiġu jiswew.

 

Seduta  234

23/04/2024

IS-SABIĦ U L-IKRAH TAL-POLITIKA

1. Forsi l-iktar minħabba l-imġieba, mhux dejjem fl-aqwa ġieħ, li f’dawn il-gżejjer rajna xi wħud jesprimu l-opinjoni li l-politika hija ħażina. Sfortunatament inbniet din il-linja ta’ ħsieb li jixraq li tiġi ikkunsidrata. Għax għalkemm dawk li jaġixxu fil-kamp pubbliku xi mindaqqiet mhumiex proprju dak li l-poplu jrid mingħandhom, xorta waħda l-politika, fiha nfisha, m’hijiex ħażina. Il-politika hija strument ta’ bidla. Strument li bih wieħed jista’ jwettaq il-ġid. Strument għas-sewwa, jekk użat kif kien maħluq biex ikun. Dak li bih persuna jaħdem għal bnedmin oħra biex inaqqsilhom mid-diffikultajiet li għandhom, u fl-istess ħin jibni soċjetà aħjar.

Ordni u Ġustizzja

2. Kull pajjiż għandu l-istrutturi tiegħu biex jitmexxa u jamministra dak li għandu fih. Fortunatament għalina, aħna ngħixu fi Stat demokratiku. Biss, dan minnu nnifsu jitlob li wieħed ma jiqafx jinsisti u jaħdem sabiex is-sistema tkun aħjar. Iktar u iktar meta fil-kuntrast kontinwu bejn id-demokrazija u d-dittatura hemm dawk li jsibu ruħhom fit-triq demokratika li jmorru lejn it-tirannija. Imma anki jekk hemm dawn it-tentazzjonijiet, l-iktar f’dawk li jsiru familjari mal-poter, xorta hemm il-vantaġġ li permezz tad-demokrazija tista’ verament tibni soċjetà aqwa. Soċjetà li bil-liġijiet u l-politika tagħha tħares li jkollha ordni soċjali aqwa u li tiġi affermata l-ġustizzja f’kull settur.

Ugwaljanza

3. Iktar u iktar meta nitilqu mill-punt li kull bniedem, ġej minn fejn hu ġej huwa, l-ewwel, imbierek bi drittijiet fundamentali li ma jistgħux jinbiegħu; u t-tieni li huma, minkejja kull żvantaġġ ekonomiku jew soċjali, ugwali. Kull persuna għandha dan fid-dinjità umana li ħaqqha. Biss, kif nafu, kull soċjetà, minnha nfisha tipproduċi sitwazzjonijiet fejn dawn mhumiex rispettati. Il-votanti fid-demokrazija jħarsu lejn dan. Jagħrfu li m’għandux ikun, u jridu li jittieħdu l-passi sabiex dak li huwa kontrihom jinbidel. Ma nistgħux, u m’għandniex naċċettaw li dak li huwa żbaljat isir in-normalità. Naċċettaw li, għall-kuntrarju, nidħlu fin-normalità li nikkumbattu l-inugwaljanza.

Ġustizzja soċjali

4. F’dan, iktar minn qabel, is-sabiħ tal-politika huwa li wieħed jaħdem f’din it-triq. Jaħdem prinċipalment biex jidentifika dawk li huma l-inġustizzji u d-diżugwaljanzi soċjali li għandna u li joħorġu minn żmien għal żmien. Dan jista’ jsir jekk ikun hemm bnedmin impenjati direttament fil-politika u fis-soċjetà. Determinati li jibdlu dak li jaraw ta’ taħt fuq għax jgħixu, mhux f’torrijiet ’il bgħid, imma fit-toroq, man-nies. Kif tista’ tifhem dak li hu għaddej jekk ma jkollokx it-twieqi ta’ widnejk, għajnejk u mnieħrek miftuħa beraħ għal dak li qed tisma’ u tiltaqa’ miegħu kuljum? Il-politika fiha dan il-mertu uniku: li wieħed jirnexxilu jkun parti minn proċess lejn il-bidla. Proċess li jġib progress veru, u mhux wieħed apparenti, tal-bniedem fid-dinjità sħiħa tiegħu. Kull inġustizzja soċjali rettifikata tagħmel minna soċjetà aħjar, bnedmin aqwa, u dan jista’ jsir bl-impenn pubbliku li jista’ jtih il-ħajja.

Passi normali

5. F’dan, hemm iktar il-bżonn ta’ għarfien li l-politika t-tajba trid tibda minn dak li huwa fiċ-ċokon u fis-sempliċità. Dawk il-passi li jolqtu direttament lill-bnedmin, ’il bgħid minn proġetti kbar li fl-aħħar mill-aħħar jafu jkunu huma stess kumplikazzjoni. Dawk li jixorbu ħafna mir-riżorsi tal-pajjiż u jċaħħdu milli jsiru miżuri soċjali veri. Il-politika żbaljata tinbena proprju fuq l-idea li għandek taljena biex tibni dak li mhux neċessarjament ċert li huwa ta’ ġid. Dan jgħodd iktar jekk inħarsu lejn il-fondi kollha li ntefqu tul dawn l-aħħar leġislaturi fi proġetti li ma solvewx, iżda li anzi, iggravaw. L-ekonomija t-tajba timxi fuq proġetti li minnhom joħroġ il-ġid u mhux ikunu eżerċiżżji biex nonfqu u niġġeneraw ekonomija fraġli li tibqa’ waħda dipendenti. Bis-saħħa politika li kellu dan il-Gvern seta’ wettaq ferm iktar milli attwalment għamel.

Il-fraġilità tal-Istat

6. Il-politika t-tajba tinbena proprju fuq l-għarfien tar-riżorsi li għandna għad-dispożizzjoni tagħna, u kif dawn jiġu mħajra jaħdmu. M’hemmx lok għal impożizzjoni, dixxiplina awtoritarja li ma twassal għal imkien, salv għal dwejjaq li tgħix f’soċjetà fejn m’għandekx leħen jew sehem. Hemm, minflok, dik li tħajjar billi tifhem lil min tirrappreżenta u taħdem għall-bidliet. F’dan kollox huwa uman u l-bnedmin huma, minnhom infushom, fraġli. Biss, proprju f’dan huwa iktar importanti li jkun hemm il-preparazzjoni fl-impenn sabiex ikollna politiċi li qegħdin hemm għall-oħrajn. Iservu, mhux jisservew. Jgħinu sabiex jibnu strutturi li jaħdmu, mhux temporanjament, għal ftit żmien, imma fit-tul. Tqiegħed pedamenti li jservu f’kull żmien u li, fl-istess ħin, iħajru oħrajn biex jidħlu jaħdmu magħhom. Għax l-istat tal-bnedmin jibqa’ fraġli, imma bl-impenn, jibqa’ rilevanti.

Liġijiet u Bnedmin

7. F’dan iktar tagħraf li l-politiċi għandhom il-vantaġġ li jqegħdu liġijiet tajba. Ħafna drabi, dawk barra mill-politika jippreferu li jiżdiedu l-liġijiet u għandhom iktar fiduċja li dawn jaħdmu milli l-bnedmin infushom. Biss, il-liġijiet ma jistgħux ikunu perfetti, u ħafna drabi jiddependu minn min ikun fassalhom, li għandhom iktar il-kumplikazzjonijiet tagħhom. Mhux biss, imma għandek ukoll id-diffikultà ta’ dawk li wara li jkunu approvaw, jgħaddu biex jimplimentawhom. Il-politika t-tajba titlob iktar li jsir investiment fil-bnedmin. Titlob li jkun hemm formazzjoni aħjar. Titlob li l-partiti politiċi jkollhom bnedmin li huma iddedikati u ippreparati fis-sustanza ideoloġika, mhux sempliċement fl-apparenza esterna. Il-liġijiet għandhom ikunu tajba minnhom infushom, anzi dejjem, biex ngħidu iktar, itjeb. Imma s-soluzzjoni għall-politika t-tajba jibqgħu l-bnedmin iffurmati tajjeb.

Il-futur tagħna

8. Iktar f’dan, wieħed irid jibni biex ikollna futur aħjar milli għandna. Iktar bnedmin responsabbli u aktar dawk li biex jiġu eletti jkunu l-vuċijiet veri tal-poplu. Pajjiżna għandu l-qies tiegħu, u proprju f’dan għandu l-vantaġġ li l-irkejjen m’għandhomx ikunu ’l bogħod. Il-politika t-tajba għandha tagħraf li min qiegħed jirrappreżenta huwa parti sħiħa ma’ min irid ikun rappreżentat. Fid-demokrazija indiretta tagħna rridu nassiguraw li nimxu f’din id-direzzjoni. Pajjiżna qiegħed jitlob iktar li dan il-proċess jiġu lura fis-seħħ. Dawk li ma jridux jivvutaw mhumiex ser iduru fl-opinjoni għax nagħmlulhom appelli pubbliċi, imma għax fina jaraw bidliet. Jekk irridu aktar bnedmin jipparteċipaw fil-ħajja pubblika rridu nġibu l-politika iktar rilevanti. Irridu nfehmu u nibnu l-fiduċja li dak li aħna ser niddikjaraw li ser inkunu nistgħu nwettqu.

Serjetà politika

9. F’dan iktar, l-għarfien li l-politika t-tajba hija dik ibbażata fuq il-verità. Dik sħiħa, mhux dik li tidher apparentement konvenjenti għalina. Soċjetà demokratika soda tinbena fuq iktar fatti u iktar onestà. Meta l-politika ma tibqax awtentika ssir biss iktar kerha. Meta minflok tiddikjara dak li mhuwiex minnu bħala dak li huwa. Bħalissa, iktar minn qatt qabel, l-isfida tagħna hija dik li ngħidu iktar il-verità. Din tista’ tkun skomda, u diversi jaħsbu li politikament tagħmel biss sens jekk tingħad lill-partit kuntrarju fil-proċess tat-tibna jew it-travu li għandu. Biss, tagħmel iktar ġid ukoll jekk tiġi ndirizzata lilna nfusna, li għandna l-missjoni li nagħmlu soċjetà aħjar milli għandna. Hemm lezzjonijiet varji f’dan, li xi wħud jifhmu u oħrajn le. Imma f’dan: fl-għażliet li jridu jsiru kontinwament bejn is-sabiħ u l-ikrah tal-politika.

18.4.24

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm irċieva lmenti u suġġerimenti l-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid matul is-sena 2023 kif ukoll fiex kienu jikkonsistu dawk l-ilmenti l-iktar relevanti?

 

03/04/2024

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid li rċieva madwar 375 ilment u suġġeriment matul is-sena 2023. Fost l-ilmenti l-iktar relevanti kien hemm dwar patching, bozoz maqtugħa, tiswija ta’ kaptelli u tappieri, kif ukoll dwar tabelli u sinjali (refreshing u oħrajn ġodda).

 

Seduta  232

17/04/2024

RAĦAL ĠDID - INĊIDENTI TAT-TRAFFIKU

18032. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti tat-traffiku f’Raħal Ġdid fis-snin 2020, 2021, 2022 u 2023? Jista’ jgħid ukoll f’liema toroq seħħew?

 

03/04/2024

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Ninsab infurmat illi fis-snin 2020, 2021, 2022 u 2023 in-numru ta’ inċidenti tat-traffiku li seħħew f’Raħal Ġdid u ġew indirizzati mill-pulizija, jidher f’Tabella A, filwaqt li Tabella B tindika l-inċidenti tat-traffiku li ġew indirizzati mill-LESA. Qed inpoġġi din l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra.

 

Seduta  232

17/04/2024

KUNSILL LOKALI FGURA - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18031. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm irċieva lmenti u suġġerimenti l-Kunsill Lokali tal-Fgura matul is-sena 2023 kif ukoll fiex kienu jikkonsistu dawk l-ilmenti l-iktar relevanti?

 

03/04/2024

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Fgura li rċieva 960 ilment u 20 suġġeriment matul is-sena 2023. Fost l-ilmenti l-iktar relevanti kien hemm l-ifriskar ta’ sinjali, twaħħil ta’ tabelli, tarmac kiesaħ għal toqob fit-toroq, qtugħ ta’ ħaxix ħażin, manutenzjoni minuri tal-bandli u ġonna.

 

Seduta  232

17/04/2024

FGURA - INĊIDENTI TAT-TRAFFIKU

18030. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti tat-traffiku fil-Fgura fis-snin 2020, 2021, 2022 u 2023? Jista’ jgħid ukoll f’liema toroq seħħew?

 

03/04/2024

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Ninsab infurmat illi fis-snin 2020, 2021, 2022 u 2023 in-numru ta’ inċidenti tat-traffiku li seħħew fil-Fgura u ġew indirizzati mill-pulizija, jidher  f’Tabella A, filwaqt li Tabella B tindika l-inċidenti tat-traffiku li ġew indirizzati mill-LESA. Qed inpoġġi din l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra.

 

Seduta  232

17/04/2024

KUNSILL LOKALI ĦAL TARXIEN - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18029. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm irċieva lmenti u suġġerimenti l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien matul is-sena 2023 kif ukoll fiex kienu jikkonsistu dawk l-ilmenti l-iktar relevanti?

 

03/04/2024

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien li rċieva madwar 252 ilment u suġġeriment matul is-sena 2023. L-aktar rilevanti fosthom kienu r-rimi ta’ terrapien u skart ieħor, bozoz maqtugħin, manteniment ta’ toroq u bankini, tneħħija t’annimali mejta u ġbir tal-iskart.

 

Seduta  232

17/04/2024

ĦAL TARXIEN - INĊIDENTI TAT-TRAFFIKU

18028. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti tat-traffiku f’Ħal Tarxien fis-snin 2020, 2021, 2022 u 2023? Jista’ jgħid ukoll f’liema toroq seħħew?

 

03/04/2024

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Ninsab infurmat illi fis-snin 2020, 2021, 2022 u 2023 in-numru ta’ inċidenti tat-traffiku li seħħew f’Ħal Tarxien u ġew indirizzati mill-pulizija, jidher f’Tabella A, filwaqt li Tabella B tindika l-inċidenti tat-traffiku li ġew indirizzati mill-LESA. Qed inpoġġi din l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra.

 

Seduta  232

17/04/2024

KUNSILL LOKALI GUDJA - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18027. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm irċieva lmenti u suġġerimenti l-Kunsill Lokali tal-Gudja matul is-sena 2023 kif ukoll fiex kienu jikkonsistu dawk l-ilmenti l-iktar relevanti?

 

03/04/2024

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Gudja li rċieva madwar 270 ilment u suġġeriment matul is-sena 2023. Fost l-ilmenti l-iktar relevanti kien hemm fuq ġbir ta' skart, knis, problema tal-ħmieġ tal-ħamiem selvaġġ, il-magna tal-BCRS, problema ta' parkeġġ fil-lokalità u sinjali tat-traffiku.

Suġġerimenti relevanti kienu dwar communal reserved parking fi Triq Bir Miftuħ, aktar aċċessibiltà fil-binja tal-Kunsill u bdil tal-fanali ornamentali fit-toroq tal-Gudja.

 

Seduta  231

16/04/2024

GUDJA - INĊIDENTI TAT-TRAFFIKU

18026. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti tat-traffiku fil-Gudja fis-snin 2020, 2021, 2022 u 2023? Jista’ jgħid  ukoll f’liema toroq seħħew?

 

03/04/2024

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Ninsab infurmat illi fis-snin 2020, 2021, 2022 u 2023 in-numru ta’ inċidenti tat-traffiku li seħħew fil-Gudja u ġew indirizzati mill-pulizija, jidher f’Tabella A, filwaqt li Tabella B tindika l-inċidenti tat-traffiku li ġew indirizzati mill-LESA. Qed inpoġġi din l-informazzjoni fuq il-mejda tal-Kamra.

 

Seduta  231

16/04/2024

KUNSILL LOKALI SANTA LUĊIJA - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18025. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm irċieva lmenti u suġġerimenti l-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija matul is-sena 2023 kif ukoll fiex kienu jikkonsistu dawk l-ilmenti l-iktar relevanti?

 

03/04/2024

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija li rċieva 384 ilment u suġġeriment matul is-sena 2023. Fost l-ilmenti l-iktar relevanti kien hemm mistoqsijiet dwar il-qasam tad-djar fil-lokalità u jgħin lir-residenti bid-dettalji li jintalbu , bozoz maqtugħa, manutenzjoni tat-toroq u manutenzjoni tas-soft areas.

 

Seduta  231

16/04/2024

SANTA LUĊIJA - INĊIDENTI TAT-TRAFFIKU

18024. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti tat-traffiku f’Santa Luċija fis-snin 2020, 2021, 2022 u 2023? Jista’ jgħid ukoll f’liema toroq seħħew?

 

03/04/2024

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Ninsab infurmat illi fis-snin 2020, 2021, 2022 u 2023 in-numru ta’ inċidenti tat-traffiku li seħħew f’Santa Luċija u ġew indirizzati mill-Pulizija, jidher f’Tabella A, filwaqt li Tabella B tindika l-inċidenti tat-traffiku li ġew indirizzati mill-LESA. Qed inpoġġi din l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra.

 

Seduta  231

16/04/2024

KUNSILL LOKALI ĦAL GĦAXAQ - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18023. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm irċieva lmenti u suġġerimenti l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq matul is-sena 2023 kif ukoll fiex kienu jikkonsistu dawk l-ilmenti l-iktar relevanti?

 

03/04/2024

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq li rċieva madwar 533 ilmenti u suġġerimenti matul is-sena 2023. Fost l-ilmenti, l-iktar relevanti kien hemm l-ġbir ta' skart, rimi ta' skart abbużiv, tindif/knis, ħsarat fl-ilma, ħsarat fid-dawl, ħofor u żbir ta' siġar.

 

Seduta  231

16/04/2024

ĦAL GĦAXAQ - INĊIDENTI TAT-TRAFFIKU

18022. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti tat-traffiku f’Ħal Għaxaq fis-snin 2020, 2021, 2022 u 2023? Jista’ jgħid ukoll f’liema toroq seħħew?

 

03/04/2024

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Ninsab infurmat illi fis-snin 2020, 2021, 2022 u 2023 in-numru ta’ inċidenti tat-traffiku li seħħew f’Ħal Għaxaq u ġew indirizzati mill-Pulizija, jidher f’Tabella A, filwaqt li Tabella B tindika l-inċidenti tat-traffiku li ġew indirizzati mill-LESA. Qed inpoġġi din l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra.

 

Seduta  231

16/04/2024

GĦALIEX NIBQA' NINSISTI

1. Hemm kotba li ma tkunx trid titlaqhom minn idejk. Oħrajn inqas. Imma anki dawk li fil-maġġor parti tagħhom ma taqbilx mal-kontenut tagħhom, xorta numru ta’ drabi nsibhom ta’ għajnuna. Kapaċi jagħtuk direzzjoni fis-sens li tifhem dak li ma taqbilx miegħu u tafferma aktar dak li taqbel fih. Għax il-qari jgħin sabiex tifhem aħjar dak li jkun għaddej. Tifhem ukoll dak li tkun għaddiet minnu d-dinja ta’ madwarek. Tħares ’il quddiem sabiex tibni argumenti varji li jsostnuk jew isostnu dawk li huma l-kontra ta’ dak li jkun qiegħed jingħad.

Hemm vantaġġ

2. Biss, hemm vantaġġ kważi dejjem li tinxteħet taqra kitbiet ta’ oħrajn. Dawk li jaqraw jitgħallmu sew, u terġa’, ikunu f’pożizzjoni li jgħinu oħrajn jimxu flimkien ’il quddiem. Ħafna drabi, proċessi li jsiru f’daqqa. Għax biex taqsam dak li taqra trid taħseb u tgħarbel il-mod li ser twettaq dan. Proċess mhux faċli, sija jekk isir bil-fomm, u daqshekk ieħor jekk isir bil-kitba. Imma hemm dejjem vantaġġ li taqra kemm tista’ u kemm tiflaħ, u tħajjar lill-oħrajn li jagħmlu dan. Forsi b’dawn l-artikli li fihom immiss ma’ ktieb jew awtur nittama li, b’xi mod jew ieħor, dan qed nikkontribwixxi għalih.

Trid is-sabar

3. F’dan, ċertament trid is-sabar li tifli l-argumenti ta’ oħrajn f’kitbiethom, speċjalment meta ma tkunx taqbel magħhom. Hekk ħassejt f’dawn l-aħħar jiem waqt li kont qed naqra mill-ġdid il-ktieb ta’ Gianni Baget Bozzo (1925-2009), saċerdot Kattoliku li nvolva ruħu sew fil-ħajja politika Taljana, bl-isem Cattolici e Democristiani (1994). Għamel żmien attiv fid-Democrazia Cristiana. Wara, mill-1984, sar Membru Parlamentari Ewropew fi ħdan il-Partit Soċjalista Taljan immexxi minn Bettino Craxi (1934-2000). Għamel dan għal żewġ leġislaturi u tulhom kien sospiż, billi huwa magħruf li s-saċerdoti ma jistgħux jieħdu karigi pubbliċi jekk mhux bil-permess. Kien jara lill-Partit Soċjalista Taljan ta’ dak iż-żmien bħala wieħed iktar avvers għall-Komuniżmu mid-Democrazia Cristiana fit-triq tal-hekk imsejjaħ ‘kompromess storiku’.

Trid il-paċenzja

4. Lejn tmiem dan il-perjodu, fl-1994 reġa’ ġie reintegrat u waqaf minn dik il-karriera politika. Kien iż-żmien, però, meta Craxi u diversi partiti sabu diffikultajiet b’dak li rriżulta minn Tangentopoli. Kien f’dan li ħadem sabiex jgħin lil Silvio Berlusconi (1936-2023) biex jifforma l-partit Forza Italia. Ħajja li minnha nfisha tindika dak li l-bniedem għadda minnu, b’ideat differenti u ġudizzji daqstant ieħor hekk. F’dan il-kuntest storiku, għalkemm kiteb diversi artikli u kotba oħra, dan il-ktieb huwa partikolari għax fih riflessjonijiet li mexxewh sabiex jibdel kif bidel.

Il-ktieb

5. F’din il-kitba hemm kritika qawwija għal dak li, skont hu, id-Democrazia Cristiana ma wettqitx u li suppost kellha tagħmel. Kważi ċaħda qawwija u totali tal-bidliet soċjali, ekonomiċi u favur il-libertà, ispirati mill-prinċipji etiċi Nsara li diversi politiċi f’dak il-partit irnexxielhom iwettqu. Jaqsam f’diversi kapitoli l-proċess li huwa jara li twettaq jew li seħħ fit-tmexxijiet li żvolġew. Fuq l-oħra tifħir kważi ferm iktar mir-raġuni lejn Bettino Craxi fl-abbiltajiet politiċi tiegħu. Iktar u iktar meta dik l-esperjenza politika kienet immarkata fil-fatt li Craxi kien irnexxilu jkun l-ewwel Prim Ministru Soċjalista fl-Italja u għal żmien itwal minn oħrajn qablu.

Ideoloġija

6. F’dan kollu, tul dawn il-paġni sibt punti li laqtuni bħala referenza u analiżi. Biex jispjega iktar dak li seħħ, l-ewwel, huwa jgħid hekk: “La fine delle ideologie svuota le morali politiche, riferite a una istituzione e a un costume.” (It-tmiem tal-ideoloġiji jiżvojta l-moralità politika marbuta ma’ istituzzjoni u ma’ kostum.) It-tieni, ftit iktar ’l isfel: “La crisi delle ideologie conduce con sè la crisi dei partiti, che non sono più in grado di dare motivazione ai loro militanti.” (Il-kriżi tal-ideoloġiji ġġib magħha l-kriżi fil-partiti, li ma jkunux fil-qagħda li jagħtu motivazzjoni lil dawk li jimmilitaw fihom.)

Kif tintilef it-triq

7. Proprju iktar f’dan kif it-triq tintilef minn partit li ma jsibx politiċi fi ħdanu li jagħrfu li mingħajr ideoloġija jitilfu s-sens u s-sustanza tagħhom. Il-melħ, huwa ta’ liema kulur hu, ma jibqax iktar f’pożizzjoni li juri ideat differenti u ibbażati fuq premessi loġiċi. Isir dak li jsiru l-oħrajn. Partiti tal-isem li meta daqqa jgħidu ħaġa u daqqa jgħidu oħra jikkontradiċu lilhom infushom. Ma jibqgħux u la jispiraw u wisq inqas jiddistingwu ruħhom. Isiru parti mill-bżieżaq tas-sapun li jakkumpanjaw argumenti fejn, flok tittieħed pożizzjoni, nimxu iktar fuq il-linja ta’ dak li huwa suppost diskors politikament korrett li ma jieħdok imkien imma jħallik fejn int: bla pożizzjoni u bla direzzjoni.

Trasparenza

8. Dan fih iktar valur ta’ ħsieb u riflessjoni f’dinja fejn l-imġieba skorretta u l-każijiet ta’ politiċi li jiġu ttantati sew mill-korruzzjoni. Dan jingħad iktar għax min huwa parti minn ideoloġija politika jappartjeni għal numru ta’ prinċipji. Mhux biss parti, imma f’ħafna huwa kkunsidrat li huwa marbut ma’ dawk l-ideat f’linja tajba. Impenjat li ma jiksirx il-prinċipji etiċi tal-partit u fl-istess ħin hemm spjegazzjoni politika għall-ideat, il-proposti u d-direzzjoni sħiħa tiegħu. Pass fit-trasparenza politika u fl-akkontabilità li għandha takkumpanjahom. Kull politiku huwa mitlub li jagħti spjegazzjoni ċara ta’ dak li ddeċieda li jiddeċiedi, u f’dan, l-eżistenza ta’ ideoloġija hija ta’ konfort ikbar milli n-nuqqas tagħha.

Jintremew

9. Meta dawk il-politiċi fi ħdan partit jabbandunaw l-ideoloġija tagħhom ma jkunux qed isiru aktar moderni jew progressivi: ikunu qed jiddeklassaw lilhom infushom. Ikunu qegħdin jintremew, u f’dan jitilfu r-rispett li l-elettorat irid u jippretendi mingħandhom. Proċess li seħħ f’dawn is-snin, sija minħabba l-eżempji żbaljati ta’ barra minn xtutna, kif ukoll minħabba l-fatt li l-kultura politika mhijiex ikkultivata. Kif ukoll għax għandna iktar politiċi li ma jafux fhiex jemmnu u kapaċi jidentifikaw ruħhom f’partit politiku. Fejn anzi l-partit, skont huma, irid isir xmara ta’ ideat differenti li, kif jgħidu, m’għandhomx u la kap u lanqas kuda.

Immarka

10. F’dan kollu l-ktieb, fil-paġni differenti li erġajt qrajt, naħseb li apprezzajt ftit aktar dak li kont meta xtrajtu lura fl-10 ta’ Frar 1985 u qrajtu għall-ewwel darba. Fil-ħajja ikkulurita ta’ din il-persuna hemm, xorta ngħid, ħafna x’titgħallem. Biss, ċertament, permezz tiegħu affermajt iktar l-insistenza tiegħi li partit mingħajr ideoloġija huwa destinat li jfalli. Kif inhuwa wkoll dak il-politiku meta jieqaf milli jħaddan u ma jiddefendix iktar l-ideoloġija politika tiegħu. Proprju quddiem din ir-realtà li wieħed jinqabad f’dawn in-nases, nibqa’ ninsisti magħkom kemm hu importanti li wieħed iżomm mal-prinċipji tiegħu.

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...