Showing posts with label Tony Blair. Show all posts
Showing posts with label Tony Blair. Show all posts

22.4.26

TIFKIRIET U ESPERJENZI ... META BAQGĦET TINĦASS L-INFLUWENZA TA' PROTAGONISTI FIL-POLITIKA BRITANNIKA

1. Segwejthom flimkien u wara fi triqithom. Bnedmin li mmarkaw perjodu partikolari tal-politika Ingliża. Dawk li nfluwenzaw fl-użu partikolari tagħhom tal-poter. Kif ukoll dawk li għadhom sal-lum b’xi mod parti minn dawk li huwa għaddej f’dak il-pajjiż. Minn dawk it-tlieta, iltqajt ma’ tnejn. Wieħed fil-poter ta’ Prim Ministru u nqis fl-aqwa tiegħu. L-ieħor wara, meta kien irtirat. Fil-fatt, f’ħajti b’xi mod messejt ma’ tlett, illum ex-Prim Ministri ta’ dak il-poplu li għadu jinfluwenza, minkejja li ż-żmien jgħaddi lilna f’ħafna. Niftakarni nkellem lil Gordon Brown (1951) f’Berlin għal ftit ħin waqt ikla fl-anniversarju tal-waqa’ tal-Ħajt infamy ta’ dik il-belt. Lil Tony Blair (1953) meta kien ġie ġewwa pajjiżna flimkien ma’ martu u kont ġejt mistieden sabiex niltaqa’ magħhom flimkien ma’ diversi oħrajn.

It-Tielet

3. Dak li kien it-tielet persuna li aġġixxa f’protagoniżmu u dak li kien ‘new Labour’ ma ltqajtx miegħu. Peter Mandelson (1953), bħalissa fl-istejjer ta’ kull ġurnata wara dak li rriżulta fl-Epstein Files. Il-ktieb tiegħu The Third Man. Life at the heart of new Labour (2010) huwa wieħed minn dawk li sa issa għadni ma rnexxilix naqra minn qoxra sa qoxra. Imma minn dak li qrajt huwa mimli b’osservazzjonijiet li jfehmu ftit aktar dwar il-ħidma politika ta’ dan it-trio. Senjatament il-punt l-iktar diffiċli. Dak li huwa marbut ma’ kif u għala ntagħżel Tony Blair biex imexxi lill-Partit Laburista Ingliż u mhux Gordon Brown. Tqajmu diversi kumplikazzjonijiet u Brown fil-bidu, u naħseb għadu sal-lum, b’xi mod ħadha kontra Mandelson. Wara, meta eventwalment sar Prim Ministru fl-2007, Brown ipprova jibni mill-ġdid u fl-2009 sejjaħ lil Mandelson sabiex jgħinu jidħol lura fil-Kabinett.

Ġlied intern

4. Ma’ dan tmiss Theresa May (1956), bint saċerdot fil-Knisja Anglikana, parti mill-Partit Konservattiv Ingliż, li hija wkoll saret Prim Ministru fl-2016. Din il-persuna intelliġenti, preċiża u diretta, sirt nafha meta kienet Ministru tal-Intern u kelli l-opportunità niltaqa’ magħha. Hija titkellem ukoll u tilmenta fuq l-aġir żleali ta’ politiċi oħra, kif jindika l-ktieb tagħha The Abuse of Power (2023). Boris Johnson (1964) ma kienx l-aqwa fil-lealtà magħha u ma’ oħrajn. Dan huwa l-punt determinant li għadu miftuħ sew fil-ħidma korretta jew le. Għalkemm Mandelson kien kiteb hekk: “Whatever my other failings, I am a loyal person, and I rate loyalty above all qualities. There were many times in my political life when it would have been simpler for me either to keep my head down, or to change sides at an opportune moment.” (Huma x’inhuma d-difetti li għandi, jiena bniedem leali, u nagħti importanza lil dan fuq kwalitajiet oħra. Kien hemm diversi mumenti fil-ħajja politika tiegħi meta kien ikun eħfef għalija li nżomm rasi baxxuta, jew li nibdel il-pożizzjoni fil-mument opportun.) Ma naħsibx li Brown emmnu jew jemmnu. Aktar u aktar meta f’diversi mumenti fil-ktieb hemm il-messaġġ li Brown kien suspettuż fuq dak li ma kellux ikun.

Qalu tagħhom

5. F’dan kollu, wara dawn is-snin wieħed għandu l-vantaġġ li dawn it-tlett politiċi, bl-ideat u l-iskopijiet personali u soċjali tagħhom kitbu dwar l-eventi li seħħew. Blair bil-ktieb tiegħu A Journey (2010), fl-istess żmien dak ta’ Mandelson, li jikteb iktar fit-tul u dak ta’ Brown, li narah li huwa iktar attent u juri stima u rispetto. Wara kellhom jgħaddu seba’ snin sabiex Brown ra l-awtobijografija tiegħu My Life. Our Times tiġi pubblikata. Hemm ħareġ aktar il-ħsieb li huwa ma ngħatax l-istima li kien ħaqqu, sija bħala Prim Ministru, kif ukoll bħala l-Ministru tal-Finanzi. Saret però l-kritika lejh li ħalla wisq żmien jgħaddi biex jitkellem. Hemm iwieġeb: “I think this is the right time, seven years on, to explain what you have been doing, how you saw the events of the time, what lessons you learnt and how the past shapes our future.” (Naħseb li dan huwa l-mument it-tajjeb, seba’ snin wara, biex wieħed jispjega dak li kont qiegħed inwettaq, dak li rajt fl-eventi taż-żminijiet, x’lezzjonijiet tgħallimt u kif il-passat jagħġen il-futur tagħna.)

Il-ktieb

6. Illum Brown, wara riflessjonijiet pubbliċi varji, u naħseb iktar fuq dak li hu għaddej b’Mandelson, huwa l-iktar ex-Prim Ministru popolari. Hemm process interessanti fejn fil-konfront ta’ oħrajn ingħadu l-aħħar kelmiet, mentri dwaru għad fadal iktar. Aktar x’wieħed jiskopri dwar u dwar kif ħares, jew għadu jħares, lejn il-politika. Għadu proprju suġġett għall-attenzjoni politika. Fdan iktar fil-bidu ta’ din is-sena ġie pubblikat il-ktieb Gordon Brown: Power with Purpose tal-awtur James Macintyre. Huwa wieħed minn dawk il-kotba li għadni ma qrajtx, però li nixtieq li naqra aktar ’il quddiem. Sibt riċensjoni fil-London Review of Books ta’ Andy Beckett (1969), li tiftaħ preċiżament fuq dan il-punt u tħares fil-fond lejn bniedem li kien kapaċi imma li ma sabx biżżejjed għajnuna u l-appoġġ li kien ħaqqu. Il-ktieb imiss u jibni fuq il-popolarità ta’ Brown u jikteb li din hija r-riżultat ta’: “Some of this discovery is a matter of personal integrity.” (Parti sew minn din il-bidla hija riżultat ta’ integrità personali.) Macintyre jikteb hekk dwaru: “The thing which is distinctive about Gordon Brown was that he didn’t see being a politician as an end to itself, (but) as an opportunity to do things in government at the highest level, things which had been his purpose for all his life such as tackling poverty or investing in the NHS or being tough with public finances.” (Dak li kien jiddistingwi lil Gordon Brown huwa l-fatt illi ma kienx jara l-fatt li tkun politiku bħala għan fih innifsu imma bħala opportunità li l-ħidma tiegħu fil-gvern kellha tkun dik tal-ogħla livell, ħidma illi kienet l-iskop sħiħ ta’ ħajtu, bħal dik li jara li jonqos il-faqar u iktar investiment fis-servizz tas-saħħa pubblika jew li jkun iktar iebes fejn jidħol infiq tal-finanzi pubbliċi.)

Boxxla morali

7. Fil-verità l-bniedem, iben saċerdot u influwenzat sew miċ-Church of Scotland, dejjem ħa ħsieb jiddikjara li huwa għandu ‘moral compass’ li jmexxih fil-ħidma tiegħu. Persuna li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar fil-fatt tifhem kemm influwenza sew il-politika tal-Partit Laburista Ingliż fil-Gvern għal tlettax-il sena sħaħ. Waħda li ngħata minnha ħafna kredtu Tony Blair għal ħanfa żmien, però f’dawn il-kotba reċenti qed joħorġu aktar fid-dawl ħidmietu. Dawl politiku interessanti. Iktar fl-għarfien ċar li Brown ma firidx il-kuxjenza morali u soċjali tiegħu, iffurmata fis-snin u mertu ta’ prinċipji etiċi Nsara, minn ħidmet il-politiku.


27.11.24

DAK LI L-POPLU JIPPRETENDI

1. Il-politika ssir fuq livelli varji. Hemm livelli li jsiru bis-serjetà u hemm dawk li jsiru b’ferm inqas. Il-preparazzjoni għall-ħidma f’dan is-settur, fil-fehma tiegħi titlob żewġ fatturi: qari sod u esperjenza. Il-qari, li llum mhuwiex daqshekk moda. Anzi, minn dak li qed naraw sena wara sena, l-infieq fuq il-kotba mhuwiex jiżdied. La mill-Gvern biex ikompli jibni l-libreriji pubbliċi tiegħu, u lanqas mill-bnedmin fuq dawn il-gżejjer li jagħżlu ktieb bħala rigal għalihom jew għall-oħrajn. L-użu tal-kotba naqas, mentri rridu naċċettaw li f’dan is-settur, il-materjal miġbur biex jibni kultura politika jinsab fl-esperjenzi umani u fir-rakkonti storiċi miktuba. Hemm min jaħseb li l-ħażen personali, jew l-għaqal kbir tiegħu huwa biżżejjed, mentri mhuwiex. Iżda l-poplu jippretendi politiċi tajba, kif kienu ta’ qabilhom.

M’għandux bżonn

2. F’dan hemm l-għarfien ulterjuri li wieħed jiddikjara li jaqra. Hemm min jaħseb li dan mhuwiex ser iżidlu bil-ħafna l-appoġġ elettorali. Iktar minn hekk hemm min, b’mod żbaljat iktar jafda fl-immaġini tiegħu, kif jilbes, ma’ min jidher, milli fil-bżonn li jifforma ruħu internament. Nagħraf li l-politika mhijiex faċli, u għalkemm għal xi wħud tidher li hija hekk, fil-fatt mhijiex. Titlob ħafna sagrifiċċji u attenzjoni għad-dettalji. Titlob impenn u dedikazzjoni, li ħafna jaħsbu li jistgħu jaħarbu minnhom. Jaħsbu li hija biss kif tressaq id-diskorsi, kif tiġġestikula u fl-istess ħin kif taqra dak li ħaddieħor ikunu kitiblek biex taqra. Imma l-politika mhijiex hekk. Hija ferm aktar. Trid determinazzjoni u element konsistenti ta’ passjoni. Dan, il-poplu jippretendih iktar.

Għala trid dan?

3. Il-politika titlob li bniedem jaħdem fiha għall-oħrajn. Jiddedika ħafna mill-ħin tiegħu biex jifhem sewwa kif jista’ jagħmel ħidma tajba. Dik li twasslu jirbaħ iktar lilu nnifsu biex jibqa’ għaddej, anke jekk ikun għadda minn ħafna matul il-ġurnata tiegħu. Dan jista’ jwettqu b’din il-linja perseveranti għax fih ikollu l-passjoni li jħobb sew dak li qiegħed jagħmel, u l-iktar, għal min qed iwettqu. Mingħajr dan l-element essenzjali, wieħed ikun id-dell ta’ politiku li għandu jkun. Jispiċċa fl-artifiċjalità, fil-kliem sabiħ, fid-diskors diplomatiku attent, mimli b’tifħir vojt li bih la jinbagħad minn naħa u lanqas minn oħra. Fejn jispiċċa mingħajr pożizzjoni. F’dan hemm dawk li jieħdu pjaċir b’min jinċensahom. Dawk li jidhru li jridu jibilgħu l-lixka billi jaħsbu li min qiegħed jindirizzahom qed iqishom bħala l-aqwa u l-aktar tajbin. Mentri fil-fatt dan kollu jressaq lejn l-artifiċjalità li titwieled mill-punt li għax għandi bżonnok, għax għandek il-poter f’idejk, allura nieħu ħsieb infaħħrek. Mhux biss, imma din il-kwalità essenzjali taqta’ barra l-politika mill-ekonomija. M’hemmx prezz f’din il-ħidma, jew unur li jistgħu jinxtraw. Hemm separazzjoni ċara li l-poplu jippretendi.

Awtentiċità

4. Il-politika titlob verità. Titlob li wieħed ikun dak li huwa, u mhux dak li ħaddieħor jippretendih li jkun. F’dan jitlob li ma tkunx kopja ta’ oħrajn. Tkun, fil-fatt, awtentiku. Tgħid li trid u li taħseb li huwa ġust li jingħad għax taf li qiegħed taqbeż għall-ġustizzja. Kif f’dan tista’ sservi sabiex tgħin li jitwelled is-Sewwa f’soċjetà li hija mxennqa għal dak li huwa bbażat fuq il-prinċipji fundamentali tal-ħajja. Kif, fil-pożizzjoni li għandna ta’ Stat Demokratiku li jaċċetta li għandu ħafna x’jibdel u jimplimenta, dan jibqa’ ma jwettqux. Jibqa’ għaddej fl-amministrazzjoni ta’ kull ġurnata mingħajr ma jirreġistra passi ’l quddiem lejn il-ġid komuni. L-Istat immexxi mertu taċ-Ċivil tiegħu iktar milli tal-viżjoni li għandu jkun hemm tal-politiċi. Proprju l-kontra ta’ dak li l-poplu jippretendi minna.

Eżempji żbaljati

5. Hemm, iva, f’dawn l-aħħar għaxar snin skorruti, l-eżempju żbaljat ta’ politika li saret fil-paraventu estern. Iva, hemm politiċi li żbaljaw u għadhom fejn m’għandhomx ikunu, u fejn ta’ qabilhom ma waqgħux. Imma dan ma jfissirx li l-politika t-tajba spiċċat. Anqas ma jfisser li ma hemmx politiċi serji fil-Parlament. Wisq inqas li ma hemmx min huwa mħajjar, u għandu jiġi mħajjar jieħu sehem politiku. Persuna jkollha fiha elementi essenzjali li l-esperjenza tkabbar u tikkoltiva. Ma’ din l-esperjenza hemm l-intuwizzjoni, l-għarfien taċ-ċirkostanzi u l-mument ideali. Kif jgħid Tony Blair, li jaħseb li la l-intelliġenza u anqas l-ideat, li huma kwalitajiet importanti, imma: “... none of that is the most important thing for a politician. It is intuition – what to do, when to do it, how to say it, how to bring people along.” Dan jiġi b’taħlit ta’ talenti, imma tikber aktar meta tterraq it-triq politika tiegħek.

Tweġiba

6. Fuq kollox, f’dan kollu hemm il-formazzjoni ta’ prinċipji. Tagħraf li għandek programm politiku li huwa bbażat fuq direzzjoni ideoloġika ċara. Tagħżel jekk intix Demokristjan, Soċjalist, Konservattiv, Liberali, jew le. Tifhem li jekk ma jkollokx boxxla politika ċara ġewwa fik, tmur fejn tmur ser jieħdok ir-riħ u jkaxkrek il-kurrent. Tispiċċa bla valur. Tispiċċa dak bla ebda sustanza vera: dik li l-poplu jippretendi li jkollok. Tispiċċa bħala parti minn dak il-melħ li m’għadx għandu iktar togħma. Fejn hemm tkun missejt l-agħar pożizzjoni li politiċi oħra f’pajjiżna messew magħha u li għalhekk ġew imkasbra. Din hija t-tweġiba tiegħi għal persuna li għadha fil-bidu ta’ ħajjitha fil-politika u li staqsietni, skont jien, x’inhuma l-kwalitajiet essenzjali ta’ politiku u x’jippretendi l-poplu li jkollu.

20.9.24

LEZZJONIJIET TAJBA

1. Tul dan is-sajf ħassejt li għandi nsir naf aktar dwar dak li għaddej fit-Renju Unit wara l-aħħar elezzjoni ġenerali. Waħda li biddlet il-Gvern minn dak immexxi mill-Konservattivi għal wieħed immexxi mill-Partit Laburista. Il-figuri huma ċari u jitolbu ċertament analiżi politika f’dak li wassal għal dan ir-riżultat. Sabiex wieħed ikun jista’ jifhem iktar il-polz soċjali u ekonomiku f’dak il-pajjiż li f’ħafna għadna, minħabba l-passat tagħna, marbuta miegħu. Però xtaqt aktar li flok nillimita ruħi għall-figuri u statistika varja nifhem ftit iktar il-bnedmin li hemm illum fir-responsabbiltà tal-Gvern. X’jaħsbu, x’qed jaraw u xi kwalità ta’ bnedmin huma. Proċess iktar twil u forsi wkoll ikkumplikat.

Proprju f’dan


2. Ħassejt li m’għandix nillimita ruħi għall-Partit Laburista u ġibt ukoll tnejn min-naħa Konservattiva. Memorji ta’ Teresa May (1956) u min kien imexxilha l-uffiċċju tagħha. Deherli però li għandi nitlaq minn dawk fil-Gvern biex nagħtihom preċedenza u fl-istess ħin nagħrbilhom xi ftit aħjar. F’kelma waħda, x’tip ta’ politiċi u ministri hemm. Huma dawk li għandhom ideat, li għandhom kultura, li għandhom formazzjoni politika. Inkella humiex persuni popolari li daqu wkoll il-velenu tal-populiżmu u sabu ruħhom bil-poter f’idejhom minħabba dan. B’hekk forsi wieħed jifhem xi ftit aktar sewwasew min ser imexxi: jekk huwiex il-ministru jew il-potenti Civil Service Ingliż. Mhux biss, imma aħjar, il-metodoloġija u d-direzzjoni ġenerali fil-konflitti li invarjabbilment f’kull soċjetà tal-bnedmin jinqalgħu u diġà nqalgħu.

Lisa Nandy

3. Bdejt f’din it-triq minn kitbet din il-politiku ta’ ħamsa u erbgħin sena magħluqa. Twieldet fl-1979 u tirrappreżenta parti mill-ġenerazzjoni l-ġdida fi ħdan il-Partit Laburista. Bħalissa qegħda tokkupa l-kariga xejn faċli ta’ Secretary of State for Culture, Media and Sport. Ħajja interessanti, okkupata b’impenn kostanti favur il-batut u dawk li huma l-iktar ’l isfel fis-soċjetà. Fix-xellug, imma forsi ferm aktar lejn iċ-ċentru xellug li Tony Blair (1953) kien u għadu jadvoka. Qrajt f’din it-triq il-ktieb tagħha All in. How we build a country that Works (2023), li ġie stampat ftit qabel l-elezzjoni ġenerali. Fih hemm diversi kapitoli li minnhom tista’ tifhem mill-ewwel li hija politiku ta’ kwalità. Taffronta l-problemi soċjali u ekonomiċi b’onestà u trasparenza diretta. Tħares lejn id-deċiżjoni Brexit b’attenzjoni u responsabbiltà. Tgħarbel dak li għadda u dak li jista’ fil-fatt isir mingħajr wegħdi fiergħa, u anzi, b’rabta kostanti mar-realtà. Kważi biża’ li tiddikjara li ser issir xi ħaġa li għada pitgħada tista’ ma sseħħx.

Qari

4. Tul il-ktieb stajt nosserva aktar li hija persuna li qrat u li għamlet ħafna riċerka. Ma titkellimx qabel tkun taf il-fatti u dak kollu li hemm fuq wara ta’ ċirkostanzi partikolari. L-isbaħ turi li għandha, fil-fatt, kultura politika. Tiċċita numru ta’ awturi li llum jiffurmaw u jsawru lil dawk li jridu politika serja, ’il bgħid mill-ipokresija. Waħda li torbot aktar ma’ trasparenza fid-deċiżjonijiet u r-responsabbiltà tagħhom. F’ħafna mumenti tiddeskrivi l-impenn soċjali tagħha flimkien ma’ diversi li raw it-tessut soċjali tagħhom jitmermer. Bnedmin li minħabba raġunijiet ekonomiċi jsibu li jingħalqu serviċċi bażiċi proprju jew għax il-Gvern naqqas l-ispiża, inkella għax kumpanniji kbar għamlu l-istess. Banek, uffiċċji tas-servizzi soċjali, dawk tal-posta, dawk fejn jinġabru l-bnedmin filgħaxija. Dak kollu li kien jikkostitwixxi ġabra u fl-istess ħin post ta’ diskussjoni.

Demokrazija

5. Il-ktieb jimmerita li jinqara minn dawk li jridu analiżi friska u differenti tax-xenarju politiku fil-pajjiż u fid-dinja wkoll. Hemm numru ta’ punti li joħorġu f’dan il-proċess. Bħal meta titkellem dwar demokrazija aħjar. Hija tgħid hekk: “Britain, a country that once was emulated across the world for its model of democracy, is failing at its own game. As we struggle to define who we are in the world after leaving one of the world’s biggest trading blocs, our democracy and our values should be our best export. Instead, we are in crisis. For all the lip service paid to moving power closer to the people, it remains too remote and too unaccountable to too many.” Proprju dan huwa wieħed mill-punti ċentrali tagħha: kif id-demokrazija ssir strument aqwa għall-ġid komuni tal-poplu.

Fiċ-Ċentru

6. Iktar interessanti huwa li hi li hi ġejja mix-xellug tal-Partit Laburista, fil-fatt taqbel mal-filosfu Amerikan Michael Walzer (1953) li jgħid li: “We have to stand in the centre and on the left at the same time. That may be complicated but it is our historical task.” Iċ-ċentru fih ħafna vantaġġi li l-istorja tgħallem u tagħti lezzjonijiet dwarhom.

X’inhija l-politika

7. Biss f’dan tiddikjara aktar, kważi bi proċess ulterjuri, x’inhija l-politika għaliha ’l quddiem. Hija tgħid hekk: “For me, politics is about negotiating shared challenges in the interest of the many. It is rarely straightforward. Just like life, it requires give and take, compromise and the ability to change your mind. Politics is complicated because life is complicated. We need a political system that doesn’t try to erase that complexity and messiness at the heart of the human condition but embraces it and finds the way through.”. Pożizzjoni politika mill-iktar interessanti u li tmiss direttament mar-realtà tal-ħajja.

Hemm iktar

8. Il-ktieb fih ferm iktar x’taqra minn dawn il-punti, imma ċertament jimmarka kwalità aqwa ta’ bnedmin fis-servizz tal-ħajja pubblika. Ovvjament, altru tikteb u altru tipprova tqiegħed fil-prattika dak li taħseb. Fis-snin li ġejjin ser inkunu nistgħu nagħrfu aħjar kemm ilkoll f’daqqa, fejn “All in”, naraw jekk irnexxiex il-pjan sabiex wieħed jara “How we build a country that Works.” Lezzjonijiet tajba anki għalina fil-Partit Nazzjonalista.

7.5.24

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi riżultati fl-elezzjonijiet amministrattivi li saru f’dak il-pajjiż. Jidher ċar li għalih, fil-Kunsilli Lokali, kien hemm telf qawwi madwar il-pajjiż kollu. Il-futur tal-Gvern ta’ Rishi Sunak ma tantx ser ikun tajjeb, anke jekk jista’, b’xi mod, jitwal. F’dawk l-elezzjonijiet, nazzjonalment, il-partit fil-Gvern tilef madwar 397 kunsillier, mentri l-Laburisti ta’ Keir Starmer (1962) żiedu b’232 u dawk tal-Partit Liberal-Demokratiku b’98. Il-pożizzjoni llum hija li l-Laburisti għandhom 1,158 kunsillier, fil-konfront tal-522 tal-Liberal-Demokratiċi u 515 għall-Konservattivi. U waqt li l-Konservattivi tilfu l-kontroll ta’ għaxar kunsilli, il-Laburisti żiedu tmienja u l-Liberal-Demokratiċi tnejn.

F’Londra

2. F’dan ingħaqad ukoll ir-riżultat aktar iebes li f’Londra, is-Sindku tal-Partit Laburista Sadiq Khan (1970) ġie ri-elett għat-tielet darba. Ikkonfermat mill-2015 fil-pożizzjoni prestiġġjuża u li l-esperjenza politika Ingliża turi li hija kapaċi tibdel il-burdati u l-effetti elettorali fil-pajjiż kollu. Ikkunsidrat bħala Laburist moderat u soċjal-demokratiku, is-sitwazzjoni ġiet għalhekk iktar ikkonsolidata fl-għarfien li tul din is-sena elettorali ser naraw tibdiliet oħra. B’abbiltà, Khan irnexxielu jirreġistra 1,088,225 vot, 43.8% favur il-partit kontra l-kandidata Konservattiva Susan Hall (1955), li ġiebet 812,397 vot, 32.7%, li jfisser distakk ta’ kważi 276,000 vot. Pożizzjoni li tindika iktar kemm is-sitwazzjoni hija gravi u issa, wara li f’Mejju 2010, erbatax-il sena ilu daħlu fil-Gvern, waslu fil-venda tagħhom huma ukoll. Ma’ dan żdied ukoll ir-riżultat iktar iebes u soffert fil-West Midlands, fejn il-Konservattivi, taħt is-Sindku Andy Street, tilfu b’1,508 vot għal dak Laburist ta’ Richard Parker.

Prim Ministri

3. F’dan ukoll, l-instabilità li rajna fin-numru ta’ persuni li sabu ruħhom fir-responsabbiltà li jmexxu lil dan il-pajjiż f’dan il-perjodu iebes post-Brexit, ma tantx għen. Minn David Cameron (1966), għal Teresa May (1956), għall-perjodu l-iktar ikkumplikat ta’ Boris Johnson (1964), għad-diżastru ta’ Liz Truss (1975) u issa fil-Gvern bħalissa b’Rishi Sunak (1980). F’dan iż-żmien kien hemm wisq tibdil u wisq deċiżjonijiet li ħallew effetti negattivi u li minħabba fihom, diversi f’elettorat, mhumiex konvinti. Ir-Renju Unit għadda, u jinsab għaddej minn wisq problemi li jitolbu iktar stabilità. Huwa iktar ċar li l-Partit Konservattiv, fis-sistema interna li bena fil-kunflitti tiegħu, il-gwerer ċivili tagħhom, juru li m’għandux paċi u wisq inqas politika vera għal dan il-pajjiż. Iktar u iktar fl-aħħar deċiżjoni marbuta mal-immigrazzjoni irregolari. Pass ċertament perikoluż u ferm lura minn dak kollu li din iċ-ċiviltà tirrappreżenta fis-sħiħ tagħha.

Deċiżjoni xejn tajba

4. F’dan jidher li kien hemm reazzjonijiet xejn pożittivi għad-deċiżjoni tal-Gvern Konservattiv li jgħaddi liġi li tippermettilu jibgħat immigranti irregolari fl-Istat tar-Rwanda. Iktar u iktar meta sar l-iżball politiku akbar li waqt il-kampanja joħroġ filmat ta’ persuni li jidhru effettivament jittieħdu hemm. Fil-kuntrarju ta’ dak li ilu jiġri f’dawn is-snin, li kull pajjiż firmatarju jrid jeżamina u jiddeċiedi fuq it-talbiet għall-ażil, hawn ser ikun dak il-pajjiż, ir-Rwanda, bil-liġijiet tiegħu, li jiddeċiedi. Il-Gvern, wara ħafna biddel il-Human Rights Act li kien ġieb fis-seħħ il-Partit Laburista ta’ Tony Blair (1953) b’mod u manjiera li l-Qrati Ingliżi ma jibqgħux legalment permessi li jiddeċiedu fuq dawn il-każijiet. Dan qiegħed jinkwieta iktar lil dawk li jridu li dan jibqa’ pajjiż li jirrispetta d-drittijiet fundamentali fil-livelli li kellu u f’dawk iktar li jista’ jilħaq.

Iktar ser jikkumplikaw


5. Dan huwa iktar u iktar ikkumplikat għax ir-Renju Unit fil-fatt, għalkemm ħareġ minn ħdan l-Unjoni Ewropea, għadu sa issa parti mill-Kunsill tal-Ewropa. Għalhekk għadu taħt il-konvenzjonijiet tagħha. Fosthom, l-iktar importanti, il-poteri li l-Qorti Ewropea tagħti bil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (European Convention on Human Rights). Aħna wkoll, bħalhom, parti minn din is-sistema legali, li tiggarantixxi aħjar il-protezzjoni tal-bniedem fid-dinjità u d-drittijiet tiegħu. Biss, din il-pożizzjoni trid iktar ħsieb għax, kif inhuwa mistenni, ser ikun hemm kawżi ippreżentati fuq l-illegalità ta’ din il-liġi quddiem il-Qorti Ewropea kontra r-Renju Unit. Ma naħsibx li ser jiġu miċħuda; anzi, milqugħa.

Vladimiro Zagrebelsky (1940)


6. Dan il-punt ġie sottolinjat f’artiklu li kiteb riċentement, nhar is-Sibt 4 ta’ Mejju, li deher fil-gazzetta Taljana La Stampa, bit-titolu ‘Così Londra Dimentica La Protezione dei Migranti’. Wieħed li huwa miktub minn ġurista, imħallef għal ċertu żmien iservi fi ħdan dik il-Qorti Ewropea. Bniedem li huwa stmat sew, flimkien ma’ ħuħ Gustavo (1943), fid-dinja legali l-iktar avvanzata. F’dan l-artiklu, l-awtur jiġbed l-attenzjoni ċara għall-fatt li b’dak li hu għaddej, u bl-effetti ta’ sentenza Ewropea kontra r-Renju Unit, il-konsegwenzi jistgħu jkunu dawk li dak il-pajjiż jispiċċa huwa wkoll barra. Daqqa ta’ ħarta, li tiżdied ma’ dik tal-Federazzjoni Russa u li żżid fil-moviment anti-demokratiku ta’ dawk li jridu jċekknu u jżarmaw dak li l-proġett politiku Ewropew stabbilixxa f’dawn l-aħħar ħamsin sena.

Bidla

7. Dan huwa ta’ nkwiet għalina wkoll. Ħadd m’għandu jaħseb li d-deċiżjoni estremista tal-Gvern Konservattiv Ingliż hija tajba. Apparti l-pożizzjoni ovvja li qegħda ċċekknu, dan jiżdied iktar u iktar fil-kuntest li f’dawn il-mijiet ta’ snin dak il-pajjiż kien forma ta’ mudell ta’ demokrazija u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali għal diversi pajjiżi. Pajjiżna għandu għalfejn jinkwieta għax din mhix politika li tkabbar ’l-Ewropa u tmexxi ’l quddiem din iċ-ċiviltà li aħna parti minnha. Il-ħsara f’dak li hu għaddej, u li nara fil-prestiġju tal-pajjiż, tista’ tiġi ikkontrollata lura meta jissejħu elezzjonijiet ġenerali f’dak il-pajjiż.

Tul din is-sena

8. M’hemmx dubju li l-piż u r-responsabbiltà fuq dan il-mexxej ġdid, Keir Starmer, li daħal in segwitu għall-aħħar elezzjoni ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2019 li fiha Jeremy Corbyn (1949 tilef, m’huma faċli xejn. Diġà r-Renju Unit qiegħed ibati mill-effetti iebsa li ġieb il-ħruġ tiegħu mill-Unjoni Ewropea sija fl-ekonomija, kif ukoll fil-ħajja soċjali. Ma jiflaħx, għalhekk, għal daqqa oħra fid-demokrazija. Sa issa, minn meta fl-24 ta’ Ottubru 2022 daħal fil-kariga Rishi Sunak, il-pożizzjoni marret għall-agħar. Ipprova kemm seta’, ċertament, però l-partit ma tantx qiegħed jgħinu, fil-kumplikazzjonijiet interni li għandu. Huwa ċar li hemm proċess li huwa issa ferm u ferm iktar inevitabbli. Huwa f’dan iktar ċar li b’dan ir-riżultat ser ikun hemm maġġoranza għall-Partit Laburista fil-House of Commons. Ir-riżultati li fil-fatt juru li l-Partit Konservattiv sejjer, biċċa biċċa, lejn li jaqla’ tkaxkira tajba.

9.11.23

KIF JILBSU L-POLITIĊI

1. Kull żmien iġib miegħu modi differenti. L-ilbies estern jinbidel spiss kull staġun u ħafna jippruvaw iżommu ruħhom mal-mument, mal-moda fil-kelma sħiħa tagħha. Fil-ħajja mod u fil-politika, magħha hemm toroq differenti oħra. Għax ma’ dan hemm dak li jistennew mill-ilbies tal-politiċi tagħhom il-bnedmin li jivvutaw. Hemm ukoll il-kategorija ta’ dawk il-politiċi li jdaħħlu f’rashom huma dak li għandhom ixiddu. Daqqa għal raġuni u daqqa għal oħra, ħafna drabi għax jaħsbu li sejrin, b’dan, proprju b’ilbieshom jibgħatu messaġġ politiku naħa jew oħra. Hemm esperjenzi varji dwar dan li jolqtu u jiġbdu l-interess tagħna.

Mexxejja fuq ix-xellug

2. F’dan, mingħajr ma nonqos b’xi mod, jiġi f’moħħi l-magħruf ilbies tal-Perit Dom Mintoff waqt li kien Prim Ministru. Il-ġlekk kien jitqiegħed fuq l-ispalliera u minflok kien jilbes bl-istil tiegħu. Ma kienx xi wieħed antik, anqas modern, imma dak partikolari tiegħu. Kien ġie bi kwalità karatteristika li jrid jibdel id-drawwiet, imma li bihom ċertament ried jibgħat messaġġ politiku. Dak li jiddikjara ruħu mal-poplu, imma mhux biss, għax ma’ dan kien hemm ukoll dak li kien evidenti: li l-poter kien ikkonċentrat f’idejh. Dawk li qrawh u rawh jiftakru ċertament fil-bokkla, anzi, il-bokkli varji li kien jilbes u li kien iġorr maċ-ċintorini varji tiegħu. Kien il-Kap tax-xellugin u ma setax jilbes differenti mill-klassi tal-ħaddiem. Anzi, forsi f’dan kien iktar ħaddiem mill-ħaddiema nfushom.

Dixxendenti tax-Xellug

3. Mingħajr ma trid, anzi tiftakar f’kemm dan huwa kollu sensittiv u importanti. Ftit forsi jiftakru kemm daħal f’inkwiet Fausto Bertinotti (1940) ftit tas-snin ilu, wara li libes flokk tal-kaxmir aħmar ta’ ditta identifikata mal-kapitaliżmu, wieħed li martu kienet għaddietlu b’rigal. Il-Kap tal-Partit Komunista, anzi tar-Rifondazzjoni tal-Komuniżmu ġie kkritikat bl-aħrax proprju minħabba din l-eleganza ġdida tiegħu. Biss kien iddefenda ruħu sew. Dan anki jekk ftit ’il bgħid, fl-istess arja kien hemm Tony Blair (1953), avukat u l-Kap tal-Partit Laburista Ingliż, li beda jidher bi ħwejjeġ iktar eleganti mill-mexxejja ta’ qabel jew dawk fil-Partit Konservattiv. Qomos, ingravajjet varji u ġlekkijiet ukoll. Rari ħafna mingħajrhom. Identifika ruħu magħhom. Ma tarax ritratti tiegħu jekk mhux bil-ġlekk u l-ingravata. Dieħel u ħiereġ mingħand il-magħruf Armani.

Oħrajn warajhom

4. Dak li sarraf fil-famuż New Labour ried b’dan juri li x-xellug iċċaqlaq sew. Kien irnexxilu. Maġġoranza, waħda wara l-oħra għal tlett darbiet infila. L-ideat u l-politika tiegħu għenu, imma magħhom l-ilbies tipiku ta’ dik li kienet il-ġenerazzjoni l-ġdida tal-Partit Laburista Ingliż. Dan, bħal ma jiġri, kabbar iktar il-ħajra sabiex il-Partit Laburista f’pajjiżna jimxi fuq l-istess linja. Kif hekk rajna proprju lil Joseph Muscat (1974) li beda jilbes ġlekkijiet kemm jista’ u ngravajjet li kemm jista’ jkun ikunu fiċ-ċelest. Eleganza li ma’ kull sena kienet trid tissupera lil ta’ qabilha. Wirt politiku interessanti ħafna, li m’inix ċert kif qiegħed jieħu, jew jiċħad, il-Partit Laburista llum warajh.

Qed jerġgħu jitħajru

5. Biss il-modi jiġu, u kif nafu jmorru imma għal dawk li jsegwu, ħafna drabi jippruvaw jiġu lura b’xi mod jew ieħor. Hekk qed naraw lura fil-Partit Laburista Ingliż, issa mmexxi mill-avukat ukoll Keir Starmer (1962) wara Jeremy Corbyn (1949). Dak li kien kollox barra xempju tal-eleganza. Anzi kien apposta l-kontra fejn l-immaġini ma kinitx tgħoddx għalih imma kienu jgħoddu biss kitbietu u diskorsu. B’dak in-nuċċali li ġej mis-seklu l-ieħor u b’ilbiesu miegħu. Estremi bħal b’ħafna mill-ideat politiċi tiegħu. Imma issa r-riħ qiegħed jinbidel lura. Kif irrappurtat il-Corriere della Sera li f’pajjiż fejn l-eleganza politika hija neċessità, għalhekk hija attenta għal dan ukoll. Ingħad li l-pożizzjoni hija “Giacca e cravatta”. Fejn, anzi, qed jingħad li huwa: “Anni luce dai furori ideologici di ultra sinistra dell’era Corbyn, sotto la guida del suo successore Kier Starmer il labour si è ora saldamente riposizionato al centro.” (Snin twal ’il bgħid mill-estremi ideoloġiċi tax-xellug ultra ta’ żmien Corbyn, taħt it-tmexxija ta’ Keir Starmer il-Partit Laburista ġie sod lura fiċ-ċentru.)

Kawtela

6. Bil-Partit Laburista fuq quddiem fl-elettorat u bil-Partit Konservattiv tas-simpatiku Rishi Sunak (1980) sejjer dejjem lura jħallas tal-passat riċenti tiegħu, l-affarijiet fir-Renju Unit huma interessanti. Wara t-tmexxijiet traġiċi ta’ Boris Johnson u Liz Truss, qiegħed biċċa biċċa jħallas il-prezz huwa għalkemm qiegħed jipprova jidher jaħdem kontra l-kurrent waqt li hemm għajta għal dak li The Economist sejjaħ riċentement “the country needs a fresh team of leaders” (il-pajjiż għandu bżonn ġabra ta’ mexxejja friski fl-ideat). F’xenarju fejn hemm l-għarfien li l-fażi Konservattiva spiċċat u li l-pajjiż ser jagħżel, tajjeb jew ħażin, b’mod differenti. Kif jgħid dan il-ġurnal b’ittra ċarissimi: “Wiser Tories appreciate that their time is probably up. Banking on dumb luck is their best best. Things happen so mindless optimism becomes the only option.” (Membri aktar għaqlin fil-Partit Konservattiv jifhmu li żmienhom probabilment wasal. Li jistgħu hu li jafdaw f’xorti stramba. L-affarijiet jiġru, u għalhekk ottimiżmu razzjonali jsir għażla.)

Il-pożizzjoni hemm hi

7. Fid-dellijiet passati, il-Partit Konservattiv li jkompli jħares lejn żmien Margaret Thatcher (1925-2013) u l-Partit Laburista lejn żmien Tony Blair, l-ilbies estern ġie iktar rilevanti. Biss, minn dak li qed jingħad fil-partit ta’ Keir Starmer, barra minn dan hemm bini ta’ programm elettorali serju. Fl-aħħar laqgħat tiegħu jidher li kien hemm iktar dożi ta’ dak li qed jissejjaħ bħala “Bidenomics”, kif deskritt fost l-oħrajn bħala “a mixture of vast subsidies and trade restrictions with the aims of boosting domestic manufacturing, reducing and tackling climate change.” Pożizzjoni li qed tikber proprju fl-aħħar diskors ta’ dak li jidher ċar li fi żmien sena ser ikun il-Prim Ministru Ingliż, li ddikjara: “Every new era of growth must start with an expansion of the country’s productive capabilities. That is an iron law.

Biex tmexxi

8. Ċertament, biex tmexxi programm politiku ekonomiku f’din id-direzzjoni trid tikkonvinċi lill-elettorat. Biss, quddiem l-iżbalji tal-Gvern, it-triq hija iktar wiesgħa biex jasal. Diskorsu huwa aħjar minn dak ta’ qablu, jew ta’ dak li kien jgħid qabel hu stess imma l-ġlekk u l-ingravata qed jgħinuh. Warajhom hemm ukoll sustanza politika. Dan aktar għax jidher li huwa l-ilbies li dak li l-elettorat irid jara lill-mexxejja tiegħu jilbsu, anke jekk huma fiċ-ċentru xellug u mhux fuq il-lemin lemin.

ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET

35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...