1. Bħalissa ninsab qiegħed naqra l-ktieb mill-iktar interessanti tal-mibki Professur Ingliż John Gillingham (1940), magħruf fil-linja storika tiegħu. Il-ktieb The Wars of the Roses (1981) jittratta din il-gwerra twila interna msejħa ‘ċivili’ fir-Renju Unit fil-kumplikazzjonijiet sħaħ tagħha. Ingliżi kontra Ingliżi, imwiet u distruzzjoni twila u sħiħa. Dawk li għażlu li jkunu naħa jew oħra skont il-valur tal-ward. Ktieb deskritt bħala wieħed mill-iktar ċari u riċerkati. Miexi f’din id-direzzjoni proprju sija minħabba l-kurżità li ilni snin inżomm u nfittex f’kitba tajba f’dak li kont qrajt fl-iskola primarja. Ktieb li mingħajr ma rrid fakkarni fil-ġlied kostanti bejn il-bnedmin. Bejn l-aħwa, li flimkien jistgħu jwettqu ħafna. Imma kontra xulxin kapaċi ferm u ferm iktar ikissru lilhom infushom. Forsi minnu nista’ nkompli nislet riflessjonijiet sija dwar dak li għaddej barra minn pajjiżna kif ukoll hawn, issa fil-klima politika attwali.
L-Individwaliżmu
2. Forsi f’dan ninsabu ulied ta’ ġenerazzjoni, ta’ soċjetà li trid tafferma din li hija d-dominanza tal-kultura preżenti. Dik marbuta mal-ħsieb li l-individwaliżmu jgħodd f’kollox. Ibda minn ideat kontra l-ġid tal-bniedem marbuta mal-kunċetti ta’ kummerċ fejn ir-regoli ma jiġux rispettati. Kull bniedem għal rasu. Jimxi skont dak biss li jaħseb li jaqbillu materjalment, finanzjarjament u ma jħarisx iktar ’il bgħid. Dawk li huma l-kontra tal-persuni li jagħrfu, mill-esperjenza personali tagħhom, li iktar ma tagħti, iktar ma tkun impenjat għall-oħrajn, iktar tkattar u twettaq opri siewja. L-altruwiżmu jibqa’ l-pedestall veru li fuqu tkabbru soċjetajiet, nazzjonijiet, pajjiżi u ġnus. Dan fl-għarfien li l-gwerra nfisha, sija dik soċjali, politika jew militari hija frott tal-ħsieb li hemm min huwa aqwa minn ieħor tant li jista’ jimponi ruħu fuqu, li jeliminah jew jiddominah.
Alġerija
3. Linja li ma naqblux magħha imma li direttament u indirettament tmiss mal-ideat fis-soċjetà tagħna. Mingħajr ma nafu, aħna influwenzati u rridu nikkumbattu sew, internament l-iktar, sabiex immorru kontra l-kurrent biex b’hekk niqfulha. Niddistingwu ruħna f’aġir differenti, diffiċli wkoll, li jħajjar lejn il-paċi, id-djalogu u r-rikonċiljazzjoni. Anki jekk f’mumenti nistgħu nħossuna mwaħħla u ma nistgħux nimxu f’forma ta’ lega iebsa ta’ sadid, xorta għandna eżempji madwarna li nistgħu nisperaw ruħna minnhom. Nikteb aktar dan fl-għarfien li l-Papa Ljun XIV, mimli b’għerf u intelliġenza, ilbieraħ beda vjaġġ appostoliku ta’ għaxart’ijiem f’erba’ pajjiżi ġewwa l-kontinent Afrikan. F’dawn il-jiem ser jibda fl-Alġerija, fejn missierna Santu Wistin għex u ħalla wirt uniku. Għażla viċin il-qalb, imma l-iktar dikjarazzjoni li anki jekk l-art tidher ostili u li fiha diversi Nsara f’dawn is-snin inqatlu martri, bħall-qaddis Charles de Foucauld u s-seba’ patrijiet Trappisti ta’ Tibhirini, xorta hekk bżonn preżenza soda u ftuħ lejn il-paċi.
Responsabbiltà
5. F’dan il-kuntest, Gillingham ifakkarna li: “The evil that men do lives after them.” (Il-ħażen li l-bnedmin iwettqu jibqa’ ħaj warajhom). Proprju f’dan, ir-responsabbiltà tagħna bħala bnedmin, u aktar minn hekk ta’ dawk fil-politika, tinsab fuqna u rridu nġorruha tajjeb. Jew ser nippermettu li kollox jibqa’ kif kien qabel u nħallu dan il-proċess uman ikompli jirkibna kif kien għamel qabel, u anzi li jissoda fuqna stess, jew inkella mmorru kontra tiegħu. Niħdux sehem fil-battalji aggressivi li nbdew minn oħrajn. Nilbsux il-ward abjad jew aħmar, kif għamlu bnedmin biex niżlu fil-kontinwazzjoni ta’ dan iċ-ċirku vizzju fir-Renju Unit bejn l-1455 u l-1485. Dan jiddependi mill-ħidma tagħna. Minn dak li lesti li nwettqu biex inwaqqfu din l-arja żbaljata li fil-fatt toħnoq l-iżvilupp siewi tal-bniedem u tal-ambjent sħiħ tiegħu.
Viċin tagħna
6. Jista’ jkun li issa, malajr, ġejja elezzjoni ġenerali fuqna, u jista’ wkoll li din tiġi aktar tard, fi żmienha. Dan, sa ċertu punt huwa irrelevanti fl-argument li qiegħed inressaq. Dan għax, sfortunatament, ninnota li diġà bdejna b’diskors iebes fuq xulxin. Fuq dawk li huma suppost l-estremisti ta’ naħa. Fuq dawk li huma identifikati bħala ta’ kontra tagħna. Fuq kemm l-oħrajn iridulna l-ħsara u kemm għandhom intenzjonijiet ħżiena. Preludji ta’ xenarji li jħallu l-marki ta’ ħsara. Diġà qed nara bnedmin li bdew jiġu kkargati kontra xulxin. Ninsew li għandna l-benefiċċju li ngħixu f’demokrazija. M’għadniex ngħixu fil-passat u minn fuq dawk il-bnedmin issa għaddew ħames mija u sebgħin sena. Ninsew li dawk fil-politika ċertament għandhom l-ambizzjonijiet personali tagħhom, imma jridu l-ġid lil pajjiżhom, fejn ħadd m’għandu jimmaġina li għandu l-monopolju.
Fil-Partiti
7. Argument li jrid jittieħed pass ieħor ’il quddiem fil-frammentazzjoni li jidher li ilna nġorru fi ħdan il-partiti politiċi rispettivi. Dan fid-dawl tal-kunflitti nterni f’taħlita ta’ personalitajiet u pożizzjonijiet. Iktar u iktar meta tara żewġ fatturi: l-ewwel, l-individwaliżmu qawwi li jirrenja u li jiddomina fil-kampanji elettorali, fejn kull persuna huwa maqtugħ għal rasu u ttentat jagħti bil-minkeb lil dawk li huma fil-partit tiegħu stess biex jirbaħ; u t-tieni, fil-politika żbaljata ta’ dawk li meta jmexxu, flok jaraw il-partit magħmul minn bnedmin varji, jaqblu jew ma jaqblux miegħu, minflok jagħżlu li jingħataw l-iktar importanza dawk li huma ‘miegħu’. F’dan il-kunflitt qed ninnutaw iktar li bnedmin varji li servew fl-Eżekuttiv tal-pajjiż, għal xi raġuni jew oħra diġà ngħataw x’jifhmu li m’għandhomx il-possibilità li jidħlu lura. Parti integrali mill-partit, imma kkunsidrati barra minnu.
Pendlu
8. F’dan il-kuntest, flok qed nieħdu ħsieb li mmorru lejn ċentru moderat ta’ naħa jew oħra, hemm tentazzjonijiet oħra. Flok niftakru li għalkemm dawn wara Lancaster kienu ħomor u ta’ York bojod, ir-rebbieħa finali Tudor għaqqdu ż-żewġ wardiet. Kif Francesco Rutelli (1954), politiku li serva fuq ix-xellug u li ġie iktar lejn iċ-ċentru ddikjara li hemm il-biża’ li l-politika tal-estrem ta’ dawk li flok għandhom programm ideoloġiku, jiddikjaraw il-preżenza tagħhom: “Esiste quando ti combatto e esisto quando ti odio” (Neżisti meta nikkumbattik u neżisti meta nobogħdok). F’dan irridu nifhmu aktar kemm id-demokrazija titlob aġir tajjeb mingħandna. Nifhmu wkoll kemm dawk li jkunu jidhru l-iktar b’saħħithom jitilfu huma wkoll il-poter. Lezzjoni fil-politika, li kif Viktor Orban (1963) qiegħed fl-Ungerija jagħraf kif isseħħ il-bidla bl-użu tar-raġuni. F’dan aktar irridu nikkumbattu proprju li b’xi mod immorru lura lejn il-kuntesti u l-mentalitajiet ta’ dak li ġiebu ’l hekk magħrufa “Wars of the Roses”.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
14.4.26
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
THE WAR OF THE ROSES
1. Bħalissa ninsab qiegħed naqra l-ktieb mill-iktar interessanti tal-mibki Professur Ingliż John Gillingham (1940), magħruf fil-linja ...
-
10922. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qegħdin...
-
9944. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza: Jista’ l-Ministru jgħid ke...
-
27921. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista’ d-Deputa...
No comments:
Post a Comment