14.4.26

THE WAR OF THE ROSES

1. Bħalissa ninsab qiegħed naqra l-ktieb mill-iktar interessanti tal-mibki Professur Ingliż John Gillingham (1940), magħruf fil-linja storika tiegħu. Il-ktieb The Wars of the Roses (1981) jittratta din il-gwerra twila interna msejħa ‘ċivili’ fir-Renju Unit fil-kumplikazzjonijiet sħaħ tagħha. Ingliżi kontra Ingliżi, imwiet u distruzzjoni twila u sħiħa. Dawk li għażlu li jkunu naħa jew oħra skont il-valur tal-ward. Ktieb deskritt bħala wieħed mill-iktar ċari u riċerkati. Miexi f’din id-direzzjoni proprju sija minħabba l-kurżità li ilni snin inżomm u nfittex f’kitba tajba f’dak li kont qrajt fl-iskola primarja. Ktieb li mingħajr ma rrid fakkarni fil-ġlied kostanti bejn il-bnedmin. Bejn l-aħwa, li flimkien jistgħu jwettqu ħafna. Imma kontra xulxin kapaċi ferm u ferm iktar ikissru lilhom infushom. Forsi minnu nista’ nkompli nislet riflessjonijiet sija dwar dak li għaddej barra minn pajjiżna kif ukoll hawn, issa fil-klima politika attwali.

L-Individwaliżmu

2. Forsi f’dan ninsabu ulied ta’ ġenerazzjoni, ta’ soċjetà li trid tafferma din li hija d-dominanza tal-kultura preżenti. Dik marbuta mal-ħsieb li l-individwaliżmu jgħodd f’kollox. Ibda minn ideat kontra l-ġid tal-bniedem marbuta mal-kunċetti ta’ kummerċ fejn ir-regoli ma jiġux rispettati. Kull bniedem għal rasu. Jimxi skont dak biss li jaħseb li jaqbillu materjalment, finanzjarjament u ma jħarisx iktar ’il bgħid. Dawk li huma l-kontra tal-persuni li jagħrfu, mill-esperjenza personali tagħhom, li iktar ma tagħti, iktar ma tkun impenjat għall-oħrajn, iktar tkattar u twettaq opri siewja. L-altruwiżmu jibqa’ l-pedestall veru li fuqu tkabbru soċjetajiet, nazzjonijiet, pajjiżi u ġnus. Dan fl-għarfien li l-gwerra nfisha, sija dik soċjali, politika jew militari hija frott tal-ħsieb li hemm min huwa aqwa minn ieħor tant li jista’ jimponi ruħu fuqu, li jeliminah jew jiddominah.

Alġerija

3. Linja li ma naqblux magħha imma li direttament u indirettament tmiss mal-ideat fis-soċjetà tagħna. Mingħajr ma nafu, aħna influwenzati u rridu nikkumbattu sew, internament l-iktar, sabiex immorru kontra l-kurrent biex b’hekk niqfulha. Niddistingwu ruħna f’aġir differenti, diffiċli wkoll, li jħajjar lejn il-paċi, id-djalogu u r-rikonċiljazzjoni. Anki jekk f’mumenti nistgħu nħossuna mwaħħla u ma nistgħux nimxu f’forma ta’ lega iebsa ta’ sadid, xorta għandna eżempji madwarna li nistgħu nisperaw ruħna minnhom. Nikteb aktar dan fl-għarfien li l-Papa Ljun XIV, mimli b’għerf u intelliġenza, ilbieraħ beda vjaġġ appostoliku ta’ għaxart’ijiem f’erba’ pajjiżi ġewwa l-kontinent Afrikan. F’dawn il-jiem ser jibda fl-Alġerija, fejn missierna Santu Wistin għex u ħalla wirt uniku. Għażla viċin il-qalb, imma l-iktar dikjarazzjoni li anki jekk l-art tidher ostili u li fiha diversi Nsara f’dawn is-snin inqatlu martri, bħall-qaddis Charles de Foucauld u s-seba’ patrijiet Trappisti ta’ Tibhirini, xorta hekk bżonn preżenza soda u ftuħ lejn il-paċi.

Responsabbiltà

5. F’dan il-kuntest, Gillingham ifakkarna li: “The evil that men do lives after them.” (Il-ħażen li l-bnedmin iwettqu jibqa’ ħaj warajhom). Proprju f’dan, ir-responsabbiltà tagħna bħala bnedmin, u aktar minn hekk ta’ dawk fil-politika, tinsab fuqna u rridu nġorruha tajjeb. Jew ser nippermettu li kollox jibqa’ kif kien qabel u nħallu dan il-proċess uman ikompli jirkibna kif kien għamel qabel, u anzi li jissoda fuqna stess, jew inkella mmorru kontra tiegħu. Niħdux sehem fil-battalji aggressivi li nbdew minn oħrajn. Nilbsux il-ward abjad jew aħmar, kif għamlu bnedmin biex niżlu fil-kontinwazzjoni ta’ dan iċ-ċirku vizzju fir-Renju Unit bejn l-1455 u l-1485. Dan jiddependi mill-ħidma tagħna. Minn dak li lesti li nwettqu biex inwaqqfu din l-arja żbaljata li fil-fatt toħnoq l-iżvilupp siewi tal-bniedem u tal-ambjent sħiħ tiegħu.

Viċin tagħna

6. Jista’ jkun li issa, malajr, ġejja elezzjoni ġenerali fuqna, u jista’ wkoll li din tiġi aktar tard, fi żmienha. Dan, sa ċertu punt huwa irrelevanti fl-argument li qiegħed inressaq. Dan għax, sfortunatament, ninnota li diġà bdejna b’diskors iebes fuq xulxin. Fuq dawk li huma suppost l-estremisti ta’ naħa. Fuq dawk li huma identifikati bħala ta’ kontra tagħna. Fuq kemm l-oħrajn iridulna l-ħsara u kemm għandhom intenzjonijiet ħżiena. Preludji ta’ xenarji li jħallu l-marki ta’ ħsara. Diġà qed nara bnedmin li bdew jiġu kkargati kontra xulxin. Ninsew li għandna l-benefiċċju li ngħixu f’demokrazija. M’għadniex ngħixu fil-passat u minn fuq dawk il-bnedmin issa għaddew ħames mija u sebgħin sena. Ninsew li dawk fil-politika ċertament għandhom l-ambizzjonijiet personali tagħhom, imma jridu l-ġid lil pajjiżhom, fejn ħadd m’għandu jimmaġina li għandu l-monopolju.

Fil-Partiti

7. Argument li jrid jittieħed pass ieħor ’il quddiem fil-frammentazzjoni li jidher li ilna nġorru fi ħdan il-partiti politiċi rispettivi. Dan fid-dawl tal-kunflitti nterni f’taħlita ta’ personalitajiet u pożizzjonijiet. Iktar u iktar meta tara żewġ fatturi: l-ewwel, l-individwaliżmu qawwi li jirrenja u li jiddomina fil-kampanji elettorali, fejn kull persuna huwa maqtugħ għal rasu u ttentat jagħti bil-minkeb lil dawk li huma fil-partit tiegħu stess biex jirbaħ; u t-tieni, fil-politika żbaljata ta’ dawk li meta jmexxu, flok jaraw il-partit magħmul minn bnedmin varji, jaqblu jew ma jaqblux miegħu, minflok jagħżlu li jingħataw l-iktar importanza dawk li huma ‘miegħu’. F’dan il-kunflitt qed ninnutaw iktar li bnedmin varji li servew fl-Eżekuttiv tal-pajjiż, għal xi raġuni jew oħra diġà ngħataw x’jifhmu li m’għandhomx il-possibilità li jidħlu lura. Parti integrali mill-partit, imma kkunsidrati barra minnu.

Pendlu

8. F’dan il-kuntest, flok qed nieħdu ħsieb li mmorru lejn ċentru moderat ta’ naħa jew oħra, hemm tentazzjonijiet oħra. Flok niftakru li għalkemm dawn wara Lancaster kienu ħomor u ta’ York bojod, ir-rebbieħa finali Tudor għaqqdu ż-żewġ wardiet. Kif Francesco Rutelli (1954), politiku li serva fuq ix-xellug u li ġie iktar lejn iċ-ċentru ddikjara li hemm il-biża’ li l-politika tal-estrem ta’ dawk li flok għandhom programm ideoloġiku, jiddikjaraw il-preżenza tagħhom: “Esiste quando ti combatto e esisto quando ti odio” (Neżisti meta nikkumbattik u neżisti meta nobogħdok). F’dan irridu nifhmu aktar kemm id-demokrazija titlob aġir tajjeb mingħandna. Nifhmu wkoll kemm dawk li jkunu jidhru l-iktar b’saħħithom jitilfu huma wkoll il-poter. Lezzjoni fil-politika, li kif Viktor Orban (1963) qiegħed fl-Ungerija jagħraf kif isseħħ il-bidla bl-użu tar-raġuni. F’dan aktar irridu nikkumbattu proprju li b’xi mod immorru lura lejn il-kuntesti u l-mentalitajiet ta’ dak li ġiebu ’l hekk magħrufa “Wars of the Roses”.

TELLIEFA U REBBIEĦA

1. Bil-waqfien mill-ġlied li nittamaw li jinżamm fl-Iran, id-dinja tista’ tifhem u tistaqsi. Tifhem sewwasew x’ġara u kemm kien hemm tifrik. Tistaqsi jekk xi parti fil-kunflitt ħarġitx rebbieħa jew telliefa. Dawn il-ġimgħat twal li rajna u smajna sa ċertu punt huma indikazzjoni li meta jitkellmu l-armi, id-dinja tmur komplessivament lura. Min daħal direttament effettwa direttament u indirettament lil diversi oħra, li fl-għaqal politiku tagħhom għażlu li ma jidħlux. Diġà d-diversi stati paċifiċi fir-reġjun sabu ruħhom attakkati b’telf ta’ bnedmin u tal-infrastrutturi rispettivi tagħhom. Primarjament żieda konsiderevoli fil-prezz taż-żejt u l-gass u wkoll daqqiet lill-industrija marittima u tat-turiżmu.

Fuq min tista’ tiddependi

2. F’dan iktar wieħed irid jistaqsi u jipprova jifhem min huma dawk li huma stabbli fil-politika barranija tagħhom. L-alleat tradizzjonali, l-Istati Uniti tal-Amerika, f’dawn il-mumenti mhuwiex proprju dak li tista’ taħlef fuqu. Id-deċiżjonijiet li ttieħdu, u kif ġew meħuda iqegħduna fil-pożizzjoni fejn mhux biss niddubitaw imma nibqgħu passi lura. Anki jekk hemm min irid iżarma, jew żbaljatament jattakka pajjiżi li jinsabu ġewwa n-NATO, xorta sewwa għamlu dawk li ma segwewx din l-azzjoni militari. Il-kawtela kienet ispirata mill-għaqal u l-għarfien li hemm storja politika twila li tfakkar li passi bħal dawn f’dak ir-reġjun huma, aktar u aktar u fl-aħħar mill-aħħar, kontro-produċenti.

Alleanzi oħra

3. F’dan ix-xenarju, fejn ilkoll qed naraw l-effetti ekonomiċi negattivi għall-popli. Dawk li ma ħadux sehem, kif ukoll f’dawk li ħadu, id-dinja ser tara iktar tbatijiet minn dawk li ċertament m’għandha ebda forma ta’ bżonn. Wara dak li għaddejna minnu qabel, fis-snin ta’ qabel, wieħed kien qiegħed iħares sabiex ikun hemm iktar stabilità u l-prezzijiet, speċjalment fuq l-ikel, jinżammu l-iktar ’l isfel possibbli. Jista’ ma jkunx hemm limitu jew jista’ jkun hemm permessi varji, imma jidher ċar li iktar pajjiżi ser jiddejnu. Ser isiru fil-fatt iktar ekonomikament vulnerabbli u fil-kważi impossibilità li jieħdu l-arloġġ lura.

Hormuz jew le

4. F’dan, anki jekk il-passaġġ marittimu effettivament jinfetaħ lura u l-prezzijiet taż-żejt u l-gass jinżlu, xorta hemm l-effetti. Dak li ntilef u dak li ntefaq minħabba dak li seħħ sa issa mhuwiex ser jinġieb lura. Minflok ninsabu fil-pożizzjoni li issa li l-Iran u diversi oħra fehmu kemm din ir-rotta ekonomika hija importanti, ma hemm xejn li jżomm, fil-futur, l-użu politiku tagħha. Jekk xi ħadd irid jattakka l-ekonomija mondjali, kull ma jrid jagħmel hu li jassigura li din ir-rotta tiġi perikolata. Jista’ f’dan li dawk li kellhom isofru l-attakki jagħmlu l-kontijiet fi bnedmin u distruzzjoni, imma hemm il-futur. Dan mhuwiex ser ikun kif taħseb il-mentalità ta’ xi wħud. Bidla fir-reġim ma kienx hemm; anzi ġie prodott aktar ir-riskju li din tiġi ssudata iktar minn qabel bi bnedmin li jidħlu fil-vojt li ġie maħluq fis-setturi marbuta mal-estremiżmu. Mhux ser ikun hemm klima differenti milli kellna qabel.

Id-dadi ma jaħdmux

5. Id-dinja politika, għal ħafna snin tagħraf li deċiżjonijiet ta’ din il-portata jitolbu aktar ħsieb. Jitolbu aktar għarfien tal-konsegwenzi tal-passi li wieħed jieħu. Dan jidher ċar li ma ġiex meħud. Ħafna mxew bil-ħsieb li jekk tneħħi lil min jikkmanmda fl-Iran, allura kollox kien ser jikkrolla. Direzzjoni sempliċistika f’settur mill-iktar ikkumplikat. Mhux biss, imma għada pitgħada, dejjem jekk l-attakki effettivament jieqfu, ser naraw l-Unjoni Ewropea aktar b’saħħitha. Dan għax uriet li hija stabbli u ma tistax tinġibed f’kunflitti li ma temminx fihom. B’attenzjoni ser tkun benefiċjarja aktar u aktar għax uriet li hemm distinzjoni bejnha u bejn l-amministrazzjoni tal-President attwali. F’dan wieħed jifhem għala hemm daqshekk interess fl-elezzjonijiet li se jsiru fl-Ungerija. Jekk il-Gvern ta’ hemm jinbidel, allura l-Unjoni Ewropea tkun tista’ timxi aktar ’il quddiem u ma tibqax bi stat fil-pożizzjonijiet li huwa sa issa ħaddan.

Anki jekk

6. Anki jekk ikun hemm lura xi forma ta’ ftehim u aġir fil-paċi, xorta nibqgħu bil-problema tal-kunflitt fl-Ukrajna. Għalkemm minn dan li rajna waqafna nisimgħu bl-istess intensità u f’ċertu sens, intesiet. Imma fil-fatt din hija determinant sabiex l-affarijiet jiġu f’pożizzjoni aħjar. Xenarju fejn, kif inhuwa quddiemna, l-Istati Uniti, bl-iskuża li l-membri l-oħra tan-NATO ma tawhiex appoġġ, ser tkompli tirtira milli tgħin lil dan il-poplu. Rigal fuq platt għal naħa u fl-istess ħin ukoll rikonoxximent li l-armi moderni jiswew flus kbar u trid il-fondi biex issostnihom. Dak li ntefaq fl-Iran hemm prezz ekonomiku għalih anke hawn. F’dan ser naraw xenarju ġdid li jitlob aktar stabilità u viżjoni fit-tul ta’ fejn irridu nkunu u mmorru fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

Għad fadal

7. Fl-erba’ snin ta’ din l-amministrazzjoni fl-Istati Uniti għad fadlilna aktar minn sentejn u nofs tagħha. Bdejna nduqu dak li bnedmin f’politika mhux iffurmata fl-istorja tad-dinja u fil-kultura li nġabret, qed jiddeċiedu. Deċiżjonijiet li jżidu ħafna fil-gravità tagħhom proprju għax hemm armament li stati u mexxejja oħra li jista’ jkollhom dawn l-ideat, m’għandhomx. Huwa evidenti li ma hemmx vuċijiet li jwaqqfu u jikkoreġu sabiex ma jkollniex dak li qed naraw. Anzi, huwa ċar quddiemna li kull min b’xi mod kien kontra, jew huwa, tneħħa jew ser jitneħħa. F’dan l-ekonomiji mondjali ser isofru ferm aktar. Għax fir-realtà, quddiem dak li għaddejna minnu u dak li ser ngħaddu minnu f’xenarji oħra, f’kumplikazzjonijiet oħra ma hemmx rebbieħa. Hemm biss telliefa.

10.4.26

ID-DIFFERENZA

1. Hemm bnedmin li f’dawn iż-żminijiet qed jieħdu sehem iktar sehem attiv fil-ħajja tal-Knisja. Dawk li qabel ma setgħux jidħlu jagħmlu parti miċ-ċirku ta’ importanza li ġustament nagħtu lil dawk li jiddedikaw ħajjithom għal dik reliġjuża. Il-bnedmin li assiguraw li dan iseħħ kienu fil-fatt żewġ Papiet li ħallew warajhom wirt ta’ ideat, kotba u żvilupp li mmarkaw dan is-seklu. Kienu, l-ewwel, dak iż-żmien il-Kardinal Joseph Ratzinger, u kważi kontemporanjament il-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II, li fetaħlu l-kapitolu. Għażlu li jiftħuh pass pass ma’ ġurnalist u awtur ta’ numru ta’ kotba. Għażlu li waqt li jkunu viċin jifhmu, fl-istess ħin, il-libertà tiegħu li jistaqsi. Iressaq dawk il-punti li l-bnedmin fid-dinja kienu qed jitolbu li jsibu tweġiba għalihom.

Kien ktieb

2. Kien ċertament intuwizzjoni u għarfien preċiż li dawn iż-żewġ Papiet kellhom biex imissu l-polz ħaj tad-dinja. Jifhmu li għandhom bżonn, ma jistgħux jiddependu biss minnhom infushom jew minn dawk li huma strettament madwarhom. Sejħa għall-oħrajn li jistgħu jkunu parti minn proġett akbar u iktar effettiv. Dan il-persuna speċjali li ġie magħżul kien kiteb hekk fl-introduzzjoni ta’ wieħed mill-aqwa kotba li messna lejn l-aħħar tas-seklu l-ieħor lejn dan: “I was told that I had been chosen to conduct the interview because of the many religious books and articles I have written over the years, with the freedom of a layman, but also as a believer who knows that the Church is given not only to the clergy but to each of the baptized.” (Qaluli illi ġejt magħżul biex nagħmel din l-intervista għaliex matul is-snin ktibt ħafna kotba u artikli reliġjużi, bil-libertà ta’ bniedem lajk, imma wkoll għaliex bħala Nisrani naf illi l-Knisja mhijiex tal-kleru biss imma wkoll ta’ dawk kollha li huma mgħammda.)

Vittorio Messori

3. Forsi ftit indunaw li tul dawn il-jiem ġie nieqes proprju dan il-bniedem. Imwieled fl-1941 fi żmien il-gwerra ġewwa familja mill-iktar anti-klerikali. Bniedem li fl-1964, wara li qara l-Vanġeli, ikkonverta għall-Kattoliċeżmu u minn hemm beda proċess interessanti. Wieħed li ġiebu viċin il-Knisja u li minnha għażel li jaqra u jistudja iktar. Il-pinna tiegħu sabiħa u li togħġob lil diversi li jaqrawh. Proprju f’dan, il-karriera u l-użu tat-talenti tiegħu mmarkawh bħala dak li jaf x’inhuwa jiġri barra u kif jista’ jixħtu lura ’l ġewwa. Il-Knisja sabet fih interlokutur determinanti. Sabet dak li jċaqlaq ’il quddiem il-vuċi tagħha. Sabiex tinbidel u ssir aktar rilevanti fil-mod ta’ kif tikkomunika mal-bnedmin tal-lum fid-diffikultajiet u l-kurrenti li kien hawn, u li għad hawn, bħalissa.

F’dan iż-żmien

4. F’dawn l-erbgħa u tmenin sena ta’ eżistenza, Messori ħalla legat uniku mifrux. Fil-fatt ftit ilu, qisu b’xi messaġġ, tul il-Ġimgħa l-Kbira ħabib silifni l-ktieb sabiħ tiegħu li għadni ma qrajtx, bit-titolu Patì sotto Ponzio Pilato? (un indagine storica sulla passione e morte di Cristo (1992). Kont diġà naf bih, sija għax kont qrajt il-ktieb Il Miracolo (1998), indaġini xjentifika mill-iktar rigoruża u riċerkata dwar bniedem fi Spajna, Miguel Juan Pellicer (1937), li kien tilef sieq u din, midfuna, ingħaqdet lura fil-ġisem tiegħu. Biss, iktar minn dan, f’dak li huwa komunement imsejjaħ The Ratzinger Report (1985), u wara, Crossing the Threshold of Hope (1994). Żewġ dokumenti mibnija fuq diskussjoni u mistoqsijiet, liberi u diretti, li huwa seta’ jagħmel lil żewġ persuni li ġew maħtura Papiet.

Rilevanza

5. Fl-ewwel ktieb jiltaqa’ ma’ dak li kien il-Prefett tal-Fidi, il-Kardinal Joseph Ratzinger. Tkellem miegħu u staqsieh kwantità kbira ta’ domandi, li minnhom twieled ktieb ta’ mitejn faċċata. Dokument uniku li nħoss ħafna li għadu rilevanti sal-lum, dejjem jekk xi ħadd ikollu l-ħin biex jaqrah. Fil-każ tiegħi, mill-ġdid. Idur dawramejt ma’ diversi temi li mhux kull bniedem fil-Knisja jħossu komdu li jwieġeb. Imma Messori, ġurnalist iffurmat u mbaskat sew, jirnexxilu jikkonsolida kollox f’linja ċara u mhux diffiċli biex tinqara. L-istess awtur, fil-bidu jgħidilna: “As a longstanding journalist, one who is used to every kind of interlocutor (including high Vatican prelates), I must confess that I was often amazed that I received a clear and direct answer to each one of my questions, even the most delicate.” (Bħala ġurnalist li servejt fit-tul, wieħed li hu mdorri b’interlokuturi varji (inklużi prelati għolja fil-Vatikan), għandi nistqarr li diversi drabi kont impressjonat bil-fatt li kont nirċievi tweġibiet ċari u diretti għal kull waħda mid-domandi li kont nagħmel, anki dawk l-iktar delikati.) Ngħid li dan il-ktieb serva sabiex ikun hemm kunsens ġenerali fid-dinja Kattolika fl-għażla ta’ Ratzinger iktar tard.

Pass ieħor

6. Imma f’dan serva wkoll għal pass ieħor. Tant kien suċċess dak il-ktieb, li l-istess Papa Ġwanni Pawlu II, permezz tal-Uffiċjal tal-Istampa tiegħu, Dr Joaquin Navarro-Valls (1936-2017) ried li ssirlu intervista li tiġi mxandra fuq il-mezzi moderni. Minħabba l-impenji tal-Papa dan ma seħħx, imma l-ġurnalist kien bagħat diġà d-domandi, u dawn Ġwanni Pawlu II mhux talli ma ttraskurahomx, talli weġibhom bil-miktub. Għal dan, Messori jfaħħar lill-Papa li fl-umiltà u l-ġenerożità tiegħu kien ħadu b’tant serjetà bħala vuċi tal-Insara fit-triq. Mhux biss, imma li ried iwassal il-messaġġ li hemm it-tama, li hija konfermata għal dawk li jridu jaċċettawha. Dokument ieħor li għalija jibqa’ wieħed rilevanti, li taqrah kemm-il darba taqrah, fih issib il-ġdid. Imma li baqa’ jolqotni hu li Messori jikkonkludi l-introduzzjoni tiegħu b’dan il-kliem, li jibqgħu jħabbtuni: “In such a climate all abstractions vanish. Dogma becomes flesh, blood, life. The theologian becomes witness and shepherd.”

Insellmulu

7. Vittorio Messori ser iħalli warajh numru ta’ kitbiet u esperjenzi li jgħinu lil kull persuna li jrid jgħix ħajja aħjar milli huwa. Waħda miftuħa dejjem iktar sabiex iwettaq il-ġid mal-proxxmu fil-jum u l-ħin li huwa mogħti. Nittama li jkun hemm min jifhem li dawk il-kotba tiegħu li għandu fuq l-ixkafef, u li forsi nesa, jerġa’ jaqbadhom lura mill-ġdid. Ċert li jsib gwidi diretti fid-dinja li trid issir taf imma ma tafx fejn taqbad tfittex. Aħna, flimkien mal-Knisja Kattolika, f’dan għandna nagħrfu li filwaqt li tlifna moħħ ċar u dixxiplinat, fuq l-oħra napprezzaw li huma bnedmin bħalu li huma verament dawk li kapaċi jwettqu d-differenza.

 

6.4.26

F'JUM IL-LIBERTÀ

1. Il-bniedem idum biex jifhem. Anzi hemm drabi meta, minkejja dak kollu li jwettaq u jipprova jaqra, jibqa’ ma jifhimx. Irid fil-fatt jaċċetta: l-ewwel, li hemm dak li ma jifhimx, u wara, fit-tieni jifhem li ser jifhem meta ma jkunx għadu fehem. Jista’ jingħata farkien sbieħ f’mumenti partikolari jew f’okkażjonijiet diretti għalih. Hemm proċess li fih irid jimxi b’rasu ’l isfel, tħares lejn dak li qed jirfes, attent li ma jaqax iktar milli għandu fl-injoranza li jġorr kontinwament miegħu. Fil-prudenza li huwa mistieden jaqbad sabiex fl-umiltà li hija mistennija minnu jifhem aktar milli jista’ imma inqas milli jixtieq.

Ħadd differenti

2. F’dan nibqa’ pass fil-ġenb, inħares u nipprova nifhem il-bniedem f’dan il-jum partikolari. Kemm persuni f’dawn il-gżejjer, minkejja kull mewġa kuntrarja li s-sekulariżmu ateu ġieb miegħu, jibqgħu jridu. Jibqgħu konvinti minnha. Jibqgħu dawk li jagħrfu li hemm triq li huma jistgħu jaqbdu sabiex isibu l-verità. Sabiex isibu tweġiba għad-domandi li kull ġurnata jiltaqgħu magħhom waqt li jkunu ftit fis-silenzju jew waqt li jsibu ruħhom jistaqsu lilhom infushom. Meta nibqa’, sena wara sena, nara bnedmin barra apposta, libsin bl-aħjar li għandhom, bit-tbissima fuq wiċċhom, jifirħu b’xulxin u jiftakru lura f’dak li sawwarhom, forsi għandi nifhem aktar.

Gratitudni


3. Tul dawn il-jiem tar-Randan nammetti li fil-qari u fir-riflessjoni mxekkla tiegħi ħassejt li parti kbira tal-poplu Lhudi kienet grata lejn Sidna Ġesù Kristu. Dawk li huwa qabeż għalihom. Dawk li huwa fejjaq. Dawk li biddel minn ġewwa. Dawk li kienu mingħajr vuċi, bħar-rgħajja, il-lebbrużi, in-nisa saru xhieda u ħabbara ta’ ħidmietu u kliemu. Meta taqra l-Vanġeli tmiss direttament mal-fatt li l-pajjiż kien jaf bih u kien tkellem dwar dak kollu li wettaq. Ma kellu xejn kontra tiegħu u anzi, mar fejn mar, wettaq ġid biss. Fejjaq, kif nafu, diversi li kienu ilhom snin twal morda b’atti miftuħa, diretti, perfetti, u ta’ dak il-ħin. Ma kontx timla xi applikazzjoni twila u kkumplikata; anqas ma kont tintbagħat id-dar tistenna xi telefonata mingħandu. Diversi fiequ billi biss messewh u ma kellmuhx jew talbuh.

Forsi nifhem

4. F’dan nifhem il-fiduċja li wieħed għandu jkollu fil-parti t-tajba tal-bniedem. Meta wieħed jikkunsidra mill-ġdid il-proċess legali Lhudi quddiem is-Sanedrin, li għalkemm fl-aħħar kien taħt idejhom, wara ma setgħux isibu xhieda biex isibuh ħati. Il-qassisin il-kbar li kienu jikkomponuh kellhom aġenda li l-poplu ma kienx lest li jsostni. Kienu jafu li kien ġid biss li għaddielhom. Biddel il-ħajja ta’ diversi: familji, komunitajiet raw kif fih sabu l-ferħ u l-paċi. Ħadd ma kellu xi jgerger kontra tiegħu. Il-popolarità pożittiva u veritiera tiegħu kienet xterdet u ma kinitx, b’xi mod, ser tieqaf. Ilkoll nafu li aħna diġà nibqgħu nirriflettu fuq il-mirakli li wettaq, li hemm miktuba fil-Vanġeli. Nafu wkoll li San Ġwann l-Evanġelista jagħlaq kitbietu billi jafferma li hemm ħafna x’tirrakkonta. Niftakru li fl-aħħar nett kiteb hekk: “Hemm ħafna ħwejjeġ oħra li għamel Ġesù li kieku kellhom jinkitbu waħda waħda, naħseb li d-dinja kollha ma tkunx tesa’ l-kotba li jinkitbu.”

Ħafna

5. Fiċ-ċert ma kinux il-‘ftit’ li nkiteb dwarhom, imma l-ħafna li aħna ma nafux imma li huma kienu jafu. Bnedmin varji messew miegħu u ħassew il-ferħ ta’ kliemu u ta’ għemilu. Tlett snin sħaħ, jum wara jum, ta’ laqgħat u aġir ma persuni differenti. Bnedmin li kienu grati għalih fil-mod li bih, għalihom, inbidel kollox. Anki jekk qatluh u ppruvaw jeliminawh mill-istorja, xorta baqa’ hemm. Xorta l-messaġġ tiegħu baqa’ jitkattar u jagħti ferħ lill-oħrajn. Baqa’ dak li jmexxi lill-bniedem sabiex ikun strument tas-sewwa. Messaġġ li kull min jimxi miegħu u fih jifhem iktar l-iskop ta’ ħajtu. Jifhem aktar kemm ma nħalaqx ta’ xejn. Kemm hemm raġuni ċara li ġie msejjaħ għaliha sabiex ikun rilevanti. F’Ħadd il-Għid il-Kbir, dan l-ispirtu ta’ Ferħ, wara tant sekli għadu jidwi, u b’saħħtu. Il-poplu ngħata l-libertà tal-ferħ u għadu grat, japprezzaha.

Mill-qalb nawgura l-Għid il-Kbir it-Tajjeb lilek, Sur Editur, kif ukoll lil dawk li jgħinu sabiex din il-gazzetta toħroġ u lid-diversi li jaqrawha.

1.4.26

IL-PROĊESS LEGALI

1. Tul din il-ġimgħa, ’il bgħid mill-politika sservi lili u lil diversi sabiex wieħed jirrifletti. Iħares lejn dak li dawn il-jiem imexxuna fih sabiex nifhmu, forsi ftit aktar, dak li Sidna Ġesù Kristu għadda minnu fil-passjoni u l-mewt tiegħu. Ħafna drabi jkun hemm attenzjoni mogħtija lill-vjolenza li bniedem li f’ħajtu wettaq biss ġid kellu jgħaddi minnha. Vjolenza fil-kliem, fl-aġir doppju: l-ewwel il-flaġellazzjoni sproporzjonata u wara l-kruċifissjoni daqshekk ieħor qawwija. Pieni ndirizzati lil dawk li kienu l-inqas nett fis-soċjetà, lil dawk li kienu skjavi, kif jikteb il-ġurista magħruf Paulo fid-Digesto (48.19,38.2). Vjolenza wkoll fl-akkużi li ġew imressqa kontra tiegħu. Is-sistema umana mibnija sabiex twettaq ġustizzja mal-bnedmin narawha fil-fatt tassigura inġustizzja fl-illegalità sħiħa tagħha.

Minn żmien

2. F’dan kollu, minn żmien għal żmien, speċjalment dwar dan sibtu utli għalija li naqra ktieb. Fil-parti interessanti bħala bniedem li studjajt il-liġi, il-parti legali tal-proċedura li ġiet użata. Linja li aktar ma taqra kotba varji, li wkoll ħafna drabi jiċċitaw lil xulxin, aktar tifhem kemm kollox kien żbaljat. Kemm il-liġi ma ġiet osservata xejn, la fil-proċess skont il-liġi Lhudija, kif ukoll lanqas f’dik Rumana. Anzi huwa osservat u aċċettat li sentenza ta’ kundanna għall-mewt, Pilatu ma tax. Minflok, f’diversi mumenti nsibuh jiddikjara li ma jsib ebda ħtija f’dak li ġie indikat bħala l-akkużat. Jiddikjarah innoċenti u li ma wettaqx id-delitt li skont il-Lhud kien ikkommetta. Tant li jassigura li għall-kuntrarju ta’ dak li kien isir li flok jinkiteb fuq nett tas-salib id-delitt li kien jiġġustifika dik il-piena ħarxa, fi tlett lingwi jikteb li kien is-Sultan tal-Lhud.

Din is-sena


3. Sabiex nerġa’ naqra mill-ġdid dan kollu, tul dawn l-aħħar jiem użajt il-ktieb ta’ Davide Romano, Il Processo di Gesù (1992). Ktieb interessanti ħafna, fis-sens li ma jmurx direttament għall-proċeduri li ġew addottati, imma jidħol fil-kuntest sħiħ tad-dinja reliġjuża u politika ta’ dawk iż-żminijiet. Imur direttament għall-fonti ta’ diversi. It-Testment l-Antik, dak li diversi kittieba Lhud ħallew warajhom, l-awtur magħruf Flavio Giuseppe. Kitbet l-Esseni huma fost dawn. Riċerka sabiħa u li tmexxik tifhem aktar il-kuntest sħiħ ta’ dak li l-Insara u l-Knisja kellhom jgħaddu minnu. Kemm kellhom kontra u kemm il-messaġġ xorta mhux biss wasal, imma biddel l-istorja u l-prinċipji etiċi li llum huma l-bażi tal-Kostituzzjoni u l-liġijiet demokratiċi tagħna.

Ix-xhieda

4. Il-ktieb mhuwiex voluminuż, imma wisq inqas ma tista’ tgħid li huwa qasir. Mimli b’għerf u informazzjoni u proprju għalhekk li għalkemm inħajjarkom taqrawh, hawnhekk ser nislet xi punti li laqtuni. Meta taqra dak li ġara quddiem is-Sinedriju ssib konfużjoni. Fuq naħa l-proċeduri ma sarux kif tistabbilixxi l-liġi, u fuq l-oħra kien hemm problema bil-prova. L-awtur, huwa li hu avukat u għalliem tad-dritt penali, jirrimarka fit-tul dwar dan. Kif jistaqsi li kien hemm tant li semgħu dak li qal Kristu, inkluż membri stess, iżda ma setgħux isibu xhieda. Jikteb: “... e ci sembra quanto mai strano che non fossero capaci di esprimere almenu in due un racconto concordante.” (... u jidhirli li huwa stramb fih innifsu li ma kinux kapaċi li jisbu almenu tnejn li jaqblu.) Osservazzjoni f’postha, ċertament, imma li fiha hemm forsi aktar.

Mattew

5. Fil-fatt, fl-Evanġelju ta’ San Mattew insibu li diversi marru biex jixhdu l-falz, imma ma kien hemm ħadd li qabel. Forsi f’dan wieħed jista’ jiddikjara li dawk li raw u li semgħu lil Ġesù ma kellhomx raġuni jew ħeġġa sabiex jixhdu l-falz kontrih. Lanqas, minkejja l-fatt li ppruvaw jaqbduh qabel u li jsibu lil min jgħinhom f’dan, ma sabu lil ħadd salv lil Ġuda. Il-kundanna tiegħu fl-istorja u fuqu nnifsu tikber għax il-poplu ċertament li kien jaf fejn qiegħed Ġesù, imma ma riduhx maqbud. Diversi marru għandu biex jinqdew, ifejqu dak li kien impossibbli li jitfejjaq iżda li ġew imfejqa. Il-messaġġ jidher li l-iżgħar fis-soċjetà ma riedx jittradixxi. Għalhekk it-tradiment ta’ Ġuda huwa ikbar quddiemhom, għax il-poplu ma wettaqx dan u kienhu li kien lest li jinxtara sabiex ibigħ kawża li ma baqax jemmen aktar fiha hu imma l-oħrajn iva. Ma’ dan wieħed irid ukoll ifakkar li għalkemm fl-aħħar sabu tnejn biex jixhdu kontra, dawn xorta kienu ċerti li ma kinux ser jaqblu bejniethom. Dawn huma indikazzjonijiet ċari li fil-poplu kien hemm l-għarfien li l-proċess li kien qiegħed isir ma kellux isir u li fih innifsu kien immorali, inġust u illegali.

Żewġ proċessi

6. F’dan l-awtur, iktar tard jislet spunt ieħor. Huwa jikteb hekk: “Chiaramente non può trattarsi di un avallo della decisione del tribunale giudiaco, quanto di un nuovo processo, celebrato dall’autorità romana con le proprie procedure in applicazione alle proprie leggi.” (Kjarament ma setax ikun li jkun hemm biss ir-ratifika tad-deċiżjoni li ttieħdet fit-Tribunal Lhudi imma li kien hemm bżonn proċess ġdid miżmum taħt l-awtorità Rumana bil-proċeduri u l-applikazzjoni tal-liġijiet tagħha.) Kien hemm min ipprova dan: li jġib mingħandu kundanna mingħajr proċess, li hija indikazzjoni akbar tal-għarfien li dak li wettqu kien żbaljat. Imma ma rnexxilhomx. Pilatu jfittex f’dan l-att li bih kienu qed jakkużaw lil Ġesù Kristu. Huma jiddikjarawh li huwa bniedem kundannabbli u jgħidulu: “Se costui non fosse un malfattore, non l’avremmo tradotto dinanzi a te.” (Li kieku dan il-bniedem ma kienx delinkwent ma konniex ser inressquh quddiemek). U jersqu lejn dik li kien ir-reat tar-rewwixta u t-tradiment ta’ Ruma: Lex Iulia Maiestatis, li f’dak iż-żmien kienet estiża u mkabbra f’atti varji.

Għalhekk

7. F’dan proprju għalhekk minħabba s-suppervja, jew aqwa, is-superjorità ta’ Ruma kif ukoll f’dan li Pilatu nnfisu ried, kif kellu d-dmir li jifhem jekk dan kienx minnu jew le. Il-proċedura legali ta’ dak iż-żmien, kif mibdula kienet tagħtih il-poter li jisma’ lill-akkużat u wara jifformula huwa stess “delatio nominis”, jiġifieri akkuża formali. Punt li meta taqra fihem li taħt is-sistema penali Rumana, il-proċess anqas beda għax Pilatu kull darba jiddikjara li ma jsibx ħtija f’Ġesù Kristu. Dan jidher ċar anki jekk l-Evanġelisti, kif l-awtur Romano jfakkarna, ma kellhom: “... la benché minima preoccupazione di darci una ricostruzione storica e dettagliata di quanto era accaduto al Sinedrio, il loro era un testo di fede che serviva per la lettura e la catechesi nelle comunità cristiane per le quali era scritto.” (... ebda ħsieb li jressqulna rikostruzzjoni storika u dettaljata ta’ dak li seħħ fis-Sinedriju, tagħhom kien dokument ta’ fidi li serva għall-qari u l-katekeżi tal-komunitajiet Insara li għalihom kien miktub.) Fil-fatt wieħed jista’ jistudja u jikteb ħafna imma naħseb li f’dawn is-sekli huwa ċar. Ċar li r-rappurtaġġ ‘reliġjuż’ kien aktar effettiv minn dak ‘legali’ għax jispjega u jeħodna direttament għas-sustanza tal-affarijiet.

Hemm iktar

8. Fil-ktieb u fil-kitba sħiħa dwar dan is-suġġett hemm ferm dejjem iktar x’tifhem u tirrifletti dwaru. Imma wieħed irid ifakkar li fil-verità, Sidna Ġesù Kristu m’għadda minn ebda proċedura legali ġusta u ma setax f’dan jiġi b’xi mod misjub ħati. Hemm ċertament nagħrfu finalment li minkejja d-dikjarazzjonijiet kontinwi tal-awtorità Rumana li tiddikjarah innoċenti, kontra tagħha għandha li xorta ppermettiet li jseħħ att ta’ illegalità, immoralità u ta’ inġustizzja.

F’dan nawgura lilek, Sur Editur, u lill-bnedmin li jgħinuk, kif ukoll lilkom li tixtru u taqraw din il-gazzetta, l-Għid il-Kbir it-Tajjeb.

ANDORRA - LOGĦOB TAL-PAJJIŻI Ż-ŻGĦAR - AIMS

35554. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 34938 u 35352 u jgħid min kienu l-persuni fi ħdan l-Awtorità dwar l-Integrità fl-Isport Malta (AIMS) li attendew għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Andorra? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm minnhom li kienu akkumpanjati mill-konjuġi tagħhom u jekk sarux xi spejjeż relatati ma’ dan?

 

26/03/2026

 

ONOR. CLIFTON GRIMA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

 

Seduta Numru 451

30/03/2026

AIMS - CEOS - KUNTRATTI TAL-IMPJIEG

35517. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 34935 u 35177 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratti tal-impjieg tas-CEOs tal-Awtorità dwar l-Integrità fl-Isport Malta (AIMS) li saru s’issa?

 

25/03/2026

 

ONOR. CLIFTON GRIMA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

 

Seduta Numru 451

30/03/2026

AIMS - DIRETTURI - KUNTRATTI TAL-IMPJIEG

35516. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 34936 u 35176 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratti tal-impjieg tad-Diretturi tal-Awtorità dwar l-Integrità fl-Isport Malta (AIMS) li saru s’issa u jindika jekk dawn humiex full-time jew part-time?

 

25/03/2026

 

ONOR. CLIFTON GRIMA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

 

Seduta Numru 451

30/03/2026

ARTIKOLI 28A - PERSUNI LI NGĦATAW SENTENZI

35383. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34955 u jgħid kemm persuni ngħataw sentenzi fejn il-ħati tqiegħed taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 28A tal-Kodiċi Kriminali u ċjoè sentenzi sospiżi, matul is-sena 2025?

 

20/03/2026

 

ONOR. JONATHAN ATTARD: Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ persuni li ngħataw sentenza sospiża fis-sena 2025 huma 308.

 

Seduta Numru 451

30/03/2026

ATT DWAR IL-PROBATION - PERSUNI LI NGĦATAW SENTENZI

35382. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34954 u jgħid kemm persuni ngħataw sentenzi matul is-sena 2025, fejn il-ħati tqiegħed taħt id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Probation?

 

20/03/2026

 

ONOR. JONATHAN ATTARD: Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fis-sena 2025 kien hemm 213 persuna li ngħataw sentenza fejn ġiet imposta Ordni ta’ Probation.

 

Seduta Numru 451

30/03/2026

QORTI TAL-FAMILJA - TALBIET GĦALL-MEDJAZZJONI

35354. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34943 u jgħid kemm ġew reġistrati talbiet għall-medjazzjoni fil-Qorti tal-Familja matul is-sena 2025?

 

18/03/2026

 

ONOR. JONATHAN ATTARD: Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul is-sena 2025 ġew ippreżentati 1,459 talba għall-medjazzjoni fil-Qorti tal-Familja.

 

Seduta Numru 451

30/03/2026

DIN IL-ĠIMGĦA

1. B’Ħadd il-Palm nidħlu bis-sħiħ fl-aħħar jiem tar-Randan u niftħu jiem ta’ ġabra u ta’ mħabba li diversi minna jieħdu sehem attiv fihom. Mumenti fejn il-bniedem jipprova jsib lilu nnifsu. Ħafna drabi ġranet ta’ riflessjoni dwar dak li wieħed ikun għaddej minnu. Iqiegħed lilu nnifsu fil-pożizzjoni li jaħseb li huwa u jimxi lejn fejn jittama li huwa ’l quddiem għalih. Anki jekk ma jaqtax, jew aħjar, ma jkunx daqshekk ċert, xorta jibqgħu parti minn deċiżjonijiet umani. Dawk li wieħed jieħu daqqa b’għaġġla u daqqa b’inqas, imma f’dan almenu jista’ forsi jdum iktar itella’ u jniżżel.

Fil-ħajja

2. Dan huwa wkoll parti mill-ġabra li wieħed jislet fil-qari tal-Passjoni. Anki jekk ma temminx, ngħid li xorta dan il-mument tal-istorja tad-dinja jgħin sabiex timxi ’l quddiem. Tiftakar f’dak li Sidna Ġesù Kristu għadda minnu u fl-istess ħin tagħraf li hemm oħrajn li b’xi mod messew ma’ parti mill-kalċi tal-imrar li ġie misqi. Iktar u iktar meta l-istorja stess, mill-fonti sħaħ ta’ dak il-perjodu u wara, wieħed jagħraf li ċertament ġid biss wettaq. Fil-perfezzjoni sħiħa tiegħU nagħrfu li fil-mirakli li seħħew kien hemm persuna unika, u li bil-kliem li ngħad minnu kien daqstant ieħor fil-livell għoli ta’ ideat u pariri. Min irid jipprova jibdel ħajtu jista’ jipprova jisma’ u jieħu dawk l-ideat.

Talb

3. Però f’dan kollu, ħafna drabi, speċjalment dawk li huma fil-ħajja attiva jinsew li parti essenzjali ta’ żmienu kien dedikat mhux biss lill-bniedem imma lit-talb. Kull persuna, b’xi mod, hi x’inhi l-fehma reliġjuża tiegħu, jieqaf jitlob. It-talb jista’, kif nafu, jkun marbut ma’ mument partikolari li dak jkun ikun għaddej minnu. Jista’ jkun mument ta’ tama f’dak li jixtieq għalih innifsu jew għal oħrajn. Imma l-fatt huwa li t-talb huwa parti essenzjali tal-bniedem, li ma jistax jaħrab minnu fid-dinja interna tiegħu. F’dawn il-ġranet, waqt li wieħed ikun qiegħed jisma’ l-Vanġeli, jew jara l-wirjiet, il-purċissjonijiet li jkunu għaddejjin, jista’ jifhem aktar kemm huwa f’postu li l-bniedem, hu min hu, jinġabar ġewwa fih u jitlob.

Fil-perfezzjoni

4. F’dan aktar meta sena wara sena tgħarbel ir-rakkonti tal-Passjoni u b’xi mod tislet punti li qabel ma kinux laqtuk. Xi drabi mill-kliem stess, u oħrajn minn dak li jiġi spjegat lilek. Tagħraf li kull persuna jgħaddi mill-passjonijiet tiegħu. Kull wieħed jgħaddi mill-mumenti tal-prova. Fejn irid jagħżel bejn il-verità jew le, u f’dan jibqa’ sod fil-prinċipji u l-ideat tas-sewwa li jħares lejhom b’determinazzjoni. Dak li għaddew lil Ġesù Kristu minnu bnedmin oħra qabilna jfakkarna li anki jekk twettaq il-ġid ser issib lil min irendilek lura bid-deni. Ifakkarna wkoll li Ġesù Kristu għadda minn dak il-mument meta ġie tradut, miċħud u abbandunat minn dawk li kienu l-aktar viċin tiegħu. Iġibna lura nifhmu li m’għandna xejn speċjali jekk ngħaddu minn dan aħna wkoll, b’livelli u proporzjonijiet differenti.

Dak li seħħ

5. Fil-qari sħiħ tal-erba’ Vanġeli u l-Atti tal-Appostli wieħed jieħu aktar għarfien li hemm dak il-punt meta wieħed jgħaddi mill-prova. Anki jekk ma temminx, xorta tista’ tifhem u tieħu qies minn dak li l-bniedem jgħaddi minnu. Fir-rakkonti tifhem li wieħed jagħraf dak li ġej fuqu u għalih. Jifhem li anki jekk ma jixtieqx jgħaddi minn dak li jridu jgħadduh, xorta jrid jimxi dik it-triq iebsa li sservih għalih innifsu. F’għajnejn oħra jista’ jkun li joħroġ tellief, imma fir-realtà ma jkunx hekk. Jitlef il-pożizzjoni, imma jirbaħ iktar lilu nnifsu fil-qies li huwa wettaq. Jagħti eżempju ta’ kif il-bniedem għandu jġib lilu nnifsu u jimxi ’l quddiem, huma x’inhuma l-isfidi u d-diffikultajiet tiegħu.

Jikkonċentraw

6. Diversi drabi, f’dawn il-jiem niftakar f’persuna li kont iltqajt magħha tixtri l-kotba dwar il-vari tal-Passjoni f’pajjiżna. Kien Taljan u l-kitba kienet bil-Malti. Staqsejtu għala, u kien spjegali li kien qiegħed jikteb dwar il-fatt li aħna fid-dinja Ewropea nagħtu valur lis-sofferenza u t-tbatija li kulturi oħra m’għandhomx. Fil-kuntrast qawwi għalih f’dak li kien qiegħed jara bejn dawk li jaħarbu minn dan u dawk li jidħlu għalih fl-għarfien li huwa parti inevitabbli tal-ħajja. Għax fil-fatt għandna din il-kultura li tagħraf li minn din il-linja wieħed jista’ jimxi ’l quddiem u jsir persuna aħjar milli kien qabel. Il-valuri tal-ħajja, dawk fundamentali ssibhom meta ssib lilek innifsek fil-mumenti tal-prova. Iservuk, ibasktuk, u fl-istess ħin jassugurawk f’dak li tkun qiegħed twettaq f’ħajtek. Effettivament issir bniedem aħjar milli tkun. Timxi ’l quddiem, anke jekk neċessarjament ma jkun hemm ħadd miegħek jew warajk.

F’dan il-Jum


7. Huwa proprju f’dan il-jum li wieħed iħares iktar ’il quddiem sabiex jifhem il-ħajja u dak li huwa għaddej minnu. Jagħraf jislet id-direzzjonijiet tiegħu u l-konsegwenzi ta’ dak kollu li seħħlu u li ser iseħħlu. Dak li jidher avvers għalih jew kuntrarju għall-volontà tiegħu jieħdu minflok bħala parti mill-proċess intern tiegħu biex jinbidel aktar. Inqas iktar f’dan ma jorbot ruħu ma’ linja waħda imma jkun lest li jibdel. Din hija ġimgħa importanti għalina f’pajjiżna, proprju għax twassal għal dawn ir-riflessjonijiet. Hija maħbuba minn ħafna minħabba din il-ġabra li ġġib magħha. F’dan nittama li diversi jagħrfu aktar is-sabiħ ta’ dan kollu u jużawh kif mogħti lilna għall-ġid effettiv tagħhom.

ITTRI UFFIĊJALI U PROTESTI ĠUDIZZJARJI

35353. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34939 u jgħid kemm ġew preżentati ittri uffiċjali u protesti ġudizzjarji matul is-sena 2025?

 

18/03/2026

 

ONOR. JONATHAN ATTARD: Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul is-sena 2025 ġew ippreżentati disat elef disa’ mija u ħamsa u għoxrin (9925) ittra uffiċjali u mitejn sitta u disgħin (296) protesti ġudizzjarji.

 

Seduta Numru 450

25/03/2026

ANDORRA - LOGĦOB TAL-PAJJIŻI Ż-ŻGĦAR - AIMS

35352. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34938 u jgħid min kienu l-persuni fi ħdan l-Awtorità dwar l-Integrità fl-Isport Malta (AIMS) li attendew għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Andorra? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm minnhom li kienu akkumpanjati mill-konjuġi tagħhom u jekk sarux xi spejjeż relatati ma’ dan?

 

18/03/2026

 

ONOR. CLIFTON GRIMA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

 

Seduta Numru 450

25/03/2026

ARKIVJU NAZZJONALI - LOK ĠDID

35351. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34083 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32667, jista’ l-Ministru jgħid jekk instabx lok ġdid għall-arkivju nazzjonali kif preċedentement kien ippjanat?

 

18/03/2026

 

ONOR. OWEN BONNICI: M'għandix xi nżid mat-tweġibiet li tajt fis-seduti riċenti dwar l-istess suġġett.

 

Seduta Numru 450

25/03/2026

DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1801

35182. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33526, jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar l-impatt u l-implikazzjonijiet għas-suq tagħna u dawk marbuta ma’ spejjeż relatati mat-trasport?

 

13/03/2026

 

ONOR. CHRIS BONETT: Ninforma lill-Onor.  Interpellant li l-miżura proposta, kif riflessa fit-traspożizzjoni nazzjonali tad-dispożizzjonijiet ta’ infurzar tal-ADR (*), tistabbilixxi b’mod strutturat il- klassifikazzjoni ta’ ksur relatati mat-trasport ta’ merkanzija perikoluża bit-triq f’tliet kategoriji ta’ riskju distinti, li jvarjaw minn riskju għoli (Kategorija I) għal riskju baxx (Kategorija III).

Mill-perspettiva nazzjonali, l-impatt fuq Malta huwa mistenni li jkun primarjament ta’ natura regolatorja u operattiva aktar milli strutturali. Fil-konfront tal-ispejjeż relatati mat-trasport, kwalunkwe impatt huwa mistenni li jkun limitat u indirett.

B’mod ġenerali, din il-miżura tikkontribwixxi b’mod pożittiv għas-sigurtà fit-toroq, għall-protezzjoni ambjentali u għall-kjarifika regolatorja, filwaqt li tiżgura kundizzjonijiet ekwi fis-suq tat-trasport u allinjament sħiħ mar-rekwiżiti tal-Unjoni Ewropea.

 

Seduta Numru 450

25/03/2026

DIRETTIVA TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2449

35181. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33525, jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar l-impatt u l-implikazzjonijiet għas-suq u l-bdiewa f’dawn il-gżejjer minħabba din id-direttiva?

 

13/03/2026

 

ONOR. ANTON REFALO: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li d-Direttiva tal-Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2449 tirrigwarda protokolli għall-eżami ta’ varjetajiet ta’ diversi speċi ta’ pjanti fosthom tal-lift tal-Iżvezja, tal-kaboċċi għall-magħlef, tar-ross, tal-grupp tal-kaboċċi tal-weraq, tal-grupp tal-kaboċċi tat-Toskana, tal-grupp tal-kaboċċi Portugiżi (Tronchuda), tal-kaboċċi Ċiniżi, tat-tadam u tal-ispinaċi. Din l-eżami tiddetermina li varjetà hi distinta minn oħrajn magħrufa u li jinsabu fuq is-suq. Ukoll, hi marbuta mar-reġistrazzjoni ta’ varjetajiet ġodda fil-katalgi tal-Unjoni Ewropea tal-varjetajiet ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli u ta’ ħxejjex tal-ikel.

Malta m’għandhiex faċilitajiet fejn jista’ jsir eżami ta’ dan it-tip. Barra minn hekk, produzzjoni taż-żrieragħ, kif ukoll ta’ xitel fil-każ ta’ ħaxix tal-ikel, skont ir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta’ dan il-materjal tal-pjanti ma ssirx. Għaldaqstant, Malta timporta materjal minn Stati Membri oħra u li hu eżaminat, irreġistrat u ċċertifikat.

 

Seduta Numru 450

25/03/2026

RAĦAL ĠDID – TRIQ GĦAJN DWIELI – XOGĦOL

35180. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9432 dwar in-nefqa fuq ix-xogħlijiet li saru fi Triq Għajn Dwieli, f’Raħal Ġdid, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni tad-dipartiment issa li jidher li din reġgħet għandha bżonn ta’ tiswijiet serji u possibbilment li ssir mill-ġdid?

 

13/03/2026

 

ONOR. OWEN BONNICI: Nirreferi lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta Numru 450

25/03/2026

26.3.26

RAĦAL ĠDID – TRIQ GĦAJN DWIELI – XOGĦOL

35179. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9432 dwar in-nefqa fuq ix-xogħlijiet li saru fi Triq Għajn Dwieli, f’Raħal Ġdid, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni tad-dipartiment issa li jidher li din reġgħet għandha bżonn ta’ tiswijiet serji u possibbilment li ssir mill-ġdid?

 

13/03/2026

 

ONOR. CHRIS BONETT: Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba li ngħatat lill-mistoqsija parlamentari 9432 kienet qed tirreferi primarjament għax-xogħlijiet fuq il-mina u x-xaft, u xogħol ta’ rikostruzzjoni ta’ parti biss minn Triq Għajn Dwieli. Fejn sar l-investiment fuq it-triq, li kien relatat mal-proġett innifsu tal-mina, it-triq in kwistjoni llum tinsab f’kundizzjoni tajba u mingħajr ħsarat.

 

Seduta Numru 449

24/03/2026

KONSULENTI - KUNTRATTI TAL-IMPJIEG

35178. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34934 fl-intier tagħha u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratti tal-impjieg tal-konsulenti preżenti li hemm ingaġġati fil-Ministeru tiegħu?

 

13/03/2026

 

ONOR. ANTON REFALO: Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34934.

 

Seduta Numru 449

24/03/2026

AIMS - CEOS - KUNTRATTI TAL-IMPJIEG

35177. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34935 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratti tal-impjieg tas-CEOs tal-Awtorità dwar l-Integrità fl-Isport Malta (AIMS) li saru s’issa?

 

13/03/2026

 

ONOR. CLIFTON GRIMA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

 

Seduta Numru 449

24/03/2026

AIMS - DIRETTURI - KUNTRATTI TAL-IMPJIEG

35176. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34936 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratti tal-impjieg tad-Diretturi tal-Awtorità dwar l-Integrità fl-Isport Malta (AIMS) li saru s’issa u jindika jekk dawn humiex full-time jew part-time?

 

13/03/2026

 

ONOR. CLIFTON GRIMA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

 

Seduta Numru 449

24/03/2026

AIMS - VJAĠĠI MINN UFFIĊJALI

35175. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34937 u jgħid kemm-il vjaġġ sar minn uffiċjali varji tal-Awtorità dwar l-Integrità fl-Isport Malta (AIMS) minn meta twaqqfet sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ wkoll jindika kemm kienet in-nefqa u min kienu l-uffiċjali li attendew?

 

13/03/2026

 

ONOR. CLIFTON GRIMA: Infurmat li mil-2022 s’issa saru 49 vjaġġ u n-nefqa totali kienet ta’ €66,578.94.

 

Seduta Numru 449

24/03/2026

IX-XATT TAX-XGĦAJRA - ĦSARAT IKKAWŻATI BIL-MALTEMP

34962. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 34071 u 34074 fir-rigward tal-ħsarat ikkawżati bil-maltemp fix-Xatt tax-Xgħajra, jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret jew hemm ippjanata li ssir f’dawn ix-xhur?

 

06/03/2026

 

ONOR. OWEN BONNICI: Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34074.

 

Seduta Numru 449

24/03/2026

IL-GIDBA ANTIKA

1. F’dawn il-jiem fejn ikun sew li d-dinja tieqaf u twaqqaf dak li hu għaddej, wieħed għandu jirrifletti. Filgħodu nisimgħu aħbarijiet li l-paċi għandna naħdmu għaliha; filgħaxija nitgħallmu li minflok il-gwerra ħraxet iktar. Jekk filgħaxija tlabna u ttamajna li d-distruzzjoni umana u ċivili tieqaf, filgħodu qomna naraw il-frott tat-tifrik tal-lejl. X’sitwazzjoni gravi sħiħa ninsabu fiha, il-mezzi tal-aħbarijiet ma jgħidulniex. Insibu ruħna aljenati u misqija raġunijiet li ma hemmx u motivazzjonijiet li huma għalkollox foloz. Qisu għall-ewwel darba qegħdin f’ċirkostanzi fejn il-vjolenza tiġi ġustifikata fuq dak li wisq tajjeb nafu li ma tistax.

Suldati

2. F’dan aktar ftakart f’dawk is-suldati li esprimew dawn l-ideat f’kitbiethom. Ġie lura quddiemi l-poeta Wilfred Owen (1893-1918), li ġejt mgħallem il-poeżiji tiegħu li baqgħu miegħi. Dak li kien qiegħed jifhem kemm kollox huwa inutli f’dik l-Ewwel Gwerra Dinjija. Kemm bnedmin kienu sejrin għall-mewt mingħajr ma kien hemm bidu jew tmiem f’dak li kien qiegħed isir. Wilfred Owen twieled fit-18 ta’ Marzu 1893, mija u erbgħin sena ilu skorruti, u ġie nieqes fil-kamp tal-battalja fl-4 ta’ Novembru 1918, ftit jiem qabel il-11 ta’ Novembru, meta siktet l-Ewwel Gwerra Dinjija. F’dak il-kunflitt imdemmi fejn l-Ewropa u l-Istati Uniti tal-Amerika lkoll raw il-fjur tal-ġenerazzjoni tagħhom maqtula u midfuna. Għadna sal-lum infakkru dak is-sagrifiċċju u telf. Owen, dak il-poeta mill-aqwa, miet ta’ ħamsa u għoxrin sena u ħalla warajh numru ta’ poeżiji li jibqgħu jispiraw u jfakkru lil dawk li jridu l-ġid u jixhdu kemm il-gwerra hija żbaljata.

Dulce et Decorum Est

3. F’dan niftakarni nistudja dik il-poeżija li għandha dan it-titolu, li akkumpanjatni tul ħajti kollha. Fejn il-poeta jispjega tant tajjeb dak li s-suldati, mhux il-kmandanti tagħhom, għaddew minnu. Niftakar fil-kliem li ċerti li oħrajn bħali jiftakru: “Men marched asleep. Many had lost their boots. But limped on, blood-shot. All went lame; all blind; drunk with fatigue; deaf even to the hoots.” Jiddeskrivi dak li sofrew ulied dawn il-popli b’attenzjoni, preċiżjoni u qawwa kbira li tolqot lil dawk li jħossuhom komdi. Jikkonkludi l-poeżija hekk: “My friend, you would not tell with high zest to children ardent for some desperate glory. The old Lie; Dulce et decorum est Pro patria mori.” (Ħabib, ma kontx tgħid b’tant saħħa lil uliedek li jfittxu xi forma ta’ glorja. Il-gidba l-antika: Huwa ġust, sabiħ u dekoruż u sewwa li tmut għal pajjiżek). Kliem li jfakkruna kemm kliem il-poeti huwa effettiv.

X’vuċijiet

4. Il-kultura komuni Ewropea tiġi fix-xenarju preżenti tagħna. Aktar u aktar meta f’dan għandna nistaqsu: xi bnedmin huma dawk li għandhom il-kuraġġ li jiddikjaraw li dak li hu għaddej m’għandux ikun? Min huma dawk li għandhom is-saħħa interna u l-konvinzjoni li jmorru kontra dak li qed jisimgħu u jopponu għalih? Huma persuni li jingħaqdu f’daqqa fl-għarfien li dak li huwa żbaljat ma jistax jiġi ġustifikat. Anzi, żbalji jkattru oħrajn, u dak li ma jistax jiġi solvut jispiċċa iktar ikkumplikat. Tgħoddhom fuq subgħajk dawk tal-lum fid-dinja politika preżenti. U għalhekk, ċertament jispikkaw fid-direzzjonijiet u d-deċiżjonijiet li jieħdu. Pedro Sanchez, il-Prim Ministru Spanjol, kien ċar ħafna f’dan. Kiteb: “No to war. No to unilateral violation of International law. No to repeating the mistakes of the past. No to the idea that the world’s problems can be solved with bombs.” (Le għall-gwerra. Le għall-vjolazzjonijiet unilaterali tal-liġi internazzjonali. Le li nirrepetu l-iżbalji tal-passat. Le għall-ħsieb li l-problemi tad-dinja jiġu solvuti bl-użu tal-bombi.)

Warajh

5. Ftit jiem ilu, ma’ din il-pożizzjoni li sabet ħafna appoġġ, qrajna dak li Joe Kent, li kien id-Direttur tan-National Counterterrorism Centre u nominat mill-istess President, iddikjara: “I cannot in good conscience support the ongoing war in Iran.” (Ma nistax, fil-kuxjenza, nagħti appoġġ lil din il-gwerra li għaddejja fl-Iran). U jkompli: “As a war veteran who was deployed to combat 11 times and as a Gold Star husband who lost his beloved wife Shannon in a war manufactured by Israel, I cannot support sending the next generation off to fight and die in a war that serves no benefit to the American people nor justifies the cost of American lives.” (Bħala veteran tal-gwerra mibgħut għal ħdax-il darba fuq il-kamp tal-battalja u bħala raġel li rċieva l-medalja Gold Star li tilef lill-għażiża martu Shannon fi gwerra maħluqa minn Iżrael, ma nistax nagħti appoġġ lill-pożizzjoni li tintbagħat il-ġenerazzjoni li jmiss biex tiġġieled u tmur fi gwerra li ma sservix lill-poplu Amerikan u li ma tiġġustifikax il-prezz tal-ħajjiet tal-Amerikani.) Kliem sorprendenti imma ċari u diretti, li fuq naħa jfakkruna fil-ħruxija tal-gwerra u fuq l-oħra jagħtuna l-konfort li għad hawn kuxjenza u għad hawn bnedmin li lesti li jitkellmu fil-miftuħ kontra kull kurrent u interess personali.

Ta’ fuq u ta’ taħt

6. F’dan hemm il-vuċijiet ta’ dawk li jmexxu, li jridu jieħdu deċiżjonijiet politiċi, u hemm dawk li huma minn taħt. Dawk li jridu jobdu dak li ma jridux jobdu. Dawk li jittamaw li ma jingħatawx direzzjonijiet li ma jridux jieħdu. Il-vuċi tagħhom hija iktar importanti. Hija dik li l-istorja tikkunsidra, forsi aktar tard mill-eventi rappurtati, kif għamlet b’dik ta’ Wilfred Owen. Il-medja indipendenti u kuraġġuża qed tipprova twettaq dan biex tmiss moħħ u qalb min qiegħed jiżbalja. Kemm għandha, jew kemm ser ikollha effett, għad irridu naraw. Biss huwa proċess li minnu nistgħu nagħrfu aktar li d-dinja ma tridx titgħallem. Trid, minflok, tibqa’ fejn hija: wieqfa, tħalli lilha nfisha titlef l-aqwa valuri li għandha biex tieħu dak li m’għandhiex. Il-paċi, il-ġustizzja, il-liġi huma iktar importanti biex il-bnedmin jgħixu u jsibu soluzzjonijiet mill-gwerer.

Inutilità

7. F’dan m’hemm xejn li jagħti xi forma ta’ glorja lill-bniedem. Hemm id-diżunur li toqtol oħrajn u li tkompli tikkomplika dak li qed immissu miegħu fid-dinja. Dan mhuwiex mod ta’ kif isiru l-affarijiet, iktar u iktar minn dawk li għandhom storja ta’ kif wieħed jasal permezz tad-diplomazija. Minn dan kollu huwa dejjem il-poplu li jbati. Sija fil-ħajjiet, kif ukoll fit-telf ekonomiku. Bi gwerra u iktar gwerra, l-għoli tal-ħajja mhuwiex ser jiġi kontrollat. Ser naraw iktar flus minfuqa f’armamenti li jiswew il-biljuni, li flok ikabbru d-dinja u l-ekonomija ser ikissru u jżarmaw dak li bnejna. Jekk qabel kien hemm min jiddikjara Dulce et decorum est Pro patria mori, illum niftakru biss li kif kien qalilna l-poeta, hija biss gidba kbira u antika.

IX-XATT TAX-XGĦAJRA - ĦSARAT IKKAWŻATI BIL-MALTEMP

34961. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 34071 u 34074 fir-rigward tal-ħsarat ikkawżati bil-maltemp fix-Xatt tax-Xgħajra, jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret jew hemm ippjanata li ssir f’dawn ix-xhur?

 

06/03/2026

 

ONOR. CHRIS BONETT: Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34074.

 

Seduta Numru 448

23/03/2026

IL-KALKARA - BAJJA TA’ RINELLA - ĦSARAT IKKAWŻATI BIL-MALTEMP

34960. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 34072 u 34075 fir-rigward tal-ħsarat ikkawżati bil-maltemp fil-Bajja tar-Rinella fil-Kalkara, jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret jew hemm ippjanata li ssir f’dawn ix-xhur?

 

06/03/2026

 

ONOR. OWEN BONNICI: Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Il-Kalkara li b’żieda mat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 34072 u 34411, twettaq xogħol ta’ tindif sabiex tneħħa ammont ta’ ġebel li nġabar fit-triq ta' madwar il-bajja kif ukoll minn fuq ir-ramel, filwaqt li r-ramel li tela’ fit-triq reġa’ tqiegħed lura f’postu fil-bajja.

 

Seduta Numru 448

23/03/2026

IL-KALKARA - BAJJA TA’ RINELLA - ĦSARAT IKKAWŻATI BIL-MALTEMP

34959. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 34072 u 34075 fir-rigward tal-ħsarat ikkawżati bil-maltemp fil-Bajja tar-Rinella fil-Kalkara, jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret jew hemm ippjanata li ssir f’dawn ix-xhur?

 

06/03/2026

 

ONOR. CHRIS BONETT: Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari. 34075.

 

Seduta Numru 448

23/03/2026

IX-XATT TA’ WIED IL-GĦAJN - ĦSARAT IKKAWŻATI BIL-MALTEMP

34958. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 34073 u 34076 fir-rigward tal-ħsarat ikkawżati bil-maltemp f’Wied il-Għajn, jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret jew hemm ippjanata li ssir f’dawn ix-xhur?

 

06/03/2026

 

ONOR. OWEN BONNICI: Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Wied il-Għajn li qed iżomm kuntatt dirett mal-periti ta’ Infrastructure Malta u x-xogħol miexi sew. Il-ħsarat ikkawżati mill-maltemp se jiġu rranġati kollha, peress li l-promenade qed issir mill-ġdid.

 

Seduta Numru 448

23/03/2026

IX-XATT TA’ WIED IL-GĦAJN - ĦSARAT IKKAWŻATI BIL-MALTEMP

34957. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 34073 u 34076 fir-rigward tal-ħsarat ikkawżati bil-maltemp f’Wied il-Għajn, jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret jew hemm ippjanata li ssir f’dawn ix-xhur?

 

06/03/2026

 

ONOR. CHRIS BONETT: Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari. 34076.

 

Seduta Numru 448

23/03/2026

WIED IL-GĦAJN - PJAN GĦAT-TURIŻMU

34956. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 4462 u 9420, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid jekk mit-12 ta’ Ġunju 2023 sal-lum, il-pjan għat-Turiżmu f’Wied il-Għajn huwiex finalizzat jew le? Jekk iva, meta ser ikun ippubblikat?

 

06/03/2026

 

ONOR. IAN BORG: Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn dak iż-żmien seħħ tibdil, li minn pjan ta’ riġenerazzjoni turistika trasforma ruħu fi pjan ta’ investiment infrastrutturali. Għaldaqstant nitolbu jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta Numru 448

23/03/2026

X'ĠEJ GĦALINA

1. Għall-kuntrarju ta’ dawk li jħobbu jgħixu fid-dinja tagħhom u ma jagħtux każ il-verità. Għall-kuntrarju ta’ dawk li jippreferu jgħixu illużjoni aktar milli r-realtà. Għall-kuntrarju ta’ dawk li jibqgħu ma jħarsux, ma jisimgħux u ma jitkellmux. Nagħżel li mmur fid-direzzjoni opposta, anki jekk inkun waħdi. Nagħżel li nibqa’ saqajja mal-art u anki jekk nara xquq ta’ tama, dawn nerġa’ nqishom billi nistaqsi u nivverifika. Ilni numru ta’ snin u f’leġislaturi biżżejjed biex nifhem li meta taħrab minn dan il-proċess kollu, ħsara lill-elettorat li tirrappreżenta tkun qed tagħmel. Mhux biss, imma tkun qiegħed tmur kontra tiegħek innifsek stess f’dak li dejjem tiftakar li l-bniedem jibqa’ dak li hu. Mhux biss, imma li l-poter jaħkem u jsir velenuż, jibdel lil min iġorru u jsir mhux aktar strument għall-oħrajn imma għan għalih innifsu.

Dak li qiegħed nara

2. Minn dak li hu għaddej, tul dawn l-aħħar xhur dħalna f’fażi demokratika mhux proprju l-aqwa. Minn meta ġie mħabbar u mxandar id-diskors tal-Budget tal-Ministru tal-Finanzi bdejna proċess li jrid jikkonvinċina li kollox huwa tajjeb. Irid iddaħħalna fil-forma mentali li, l-ewwel: ma jistax ikollna Gvern aqwa milli għandna; it-tieni: li ma jistax isir aħjar milli huwa jwettaq; u t-tielet li l-Oppożizzjoni mhijiex ippreparata. Qed isir infiq ta’ flejjes kbar mingħajr ebda skruplu ta’ xejn. Kull ġurnata nsibu li hemm fit-triq messaġġi ġodda biex, anki jekk weqfin fit-traffiku, naraw u nemmnu. Kull messaġġ huwa ġenerali imma dirett biex jgħidilna li huwa l-aqwa u l-aħjar. Ma’ dan iktar, kull ġurnata fil-mezzi tax-xandir nazzjonali u fuq dawk soċjali hemm biss id-dominanza, kważi assoluta tal-Gvern, jew ta’ dawk imqabbdin minnu, biex “jinfurmawna” kemm kollox huwa tant tajjeb li ma hemmx il-bżonn li tibdel.

Aħjar le

3. F’dan iktar il-ħsieb ossessjonanti u minn taħt li m’hemmx bżonn tibdel għax kollox huwa sewwa u li għalhekk, jekk tibdel, tkun qiegħed tissogra fix-xejn. Huwa ċar ħafna li dan irid jingħad lilna: aħjar kif int milli kif tista’ tkun. Bħalissa fil-Parlament ħerġin it-tweġibiet fuq kemm intefqu flus, u qed jintefqu ħafna, sabiex dan kollu jiġi msammar f’moħħna. Tant il-propaganda hija effettiva, u tant il-partit tal-Oppożizzjoni, u tant il-gazzetti tar-Raba’ Pilastru tad-demokrazija m’għandhomx mezzi jew aċċess veru, li dan qiegħed manifestament jitwemmen. L-istħarriġ tal-Maltatody tal-Ħadd 15 ta’ Marzu għandu jiftaħ l-għajnejn għax jipprova proprju dan. Jipprova, kjarament, li avolja hemm 45.6% li ddikjaraw li ser jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista, hemm biss 32.4% li jiddikjarawh ippreparat biex jiggverna, u terġa’, li 8% biss li għandu ċans li jirbaħ elezzjoni ġenerali. Din mhijiex riżultat ta’ opinjoni oġġettiva u infurmata, imma waħda meħuda wara xhur ta’ bumbardamenti medjatiċi. Nistgħu ninjorawha, imma dik hi. Ejja nifhmu dak li ġej għalina.

Għalija

4. Dan għalija huwa diġà ta’ ċerta gravità u li jġib fis-sogru d-demokrazija. U nibqa’ ma naqbilx ma’ min irid jelimina l-istazzjonijiet politiċi. Bihom hemm forma ta’ bilanċ li mingħajrhom ma jkun hemm xejn, salv vuċi totali u assoluta tal-partit fil-Gvern. M’hemmx garanziji għad-demokrazija f’xi kumitat jew xi għażla ta’ bnedmin suppost “indipendenti” fix-xandir, salv realtà waħda: li wieħed irid jissoda biss il-vuċi kuntrarja. Imma ’l bgħid minn dan hemm dak li qiegħed jiżviluppa fuq dak istituzzjonali. Għandek passi li sejrin biex jikkonsolidaw il-poter kontra l-bilanċ demokratiku li għandna, bi dritt, li nitolbu li jkollna. L-ewwel: flok qed inżidu fit-trasparenza, l-onestà u l-kontabilità qed nipproċedu sabiex il-Ministri ma jiddikjarawx l-assi tagħhom, kif bil-liġi huma obbligati li jagħmlu. Dan huwa żbaljat minnu nnifsu, perikoluż, u li jiftaħ il-bieb għal iktar tentazzjonijiet għax il-kontrolli jonqsu. Tberik indirett b’ommissjoni ta’ atti ta’ korruzzjoni futuri.

It-Tieni u t-Tielet


5. Fit-tieni: is-sitwazzjoni tal-għażla ta’ Prim Imħallef hija daqshekk iktar inutilment ikkumplikata u fiha l-perikolożità tagħha. Flok hemm ftehim loġiku, sempliċi u dirett bejn żewġ bnedmin, issa ser inżidu fl-istrutturi, fil-kumplikazzjonijiet ulterjuri sabiex kif inhuwa ovvju, finalment tgħaddi tal-Prim Ministru. Flok nosservaw il-Kostituzzjoni u l-emendi li saru mill-istess Gvern, qed inżommuhom lura, infixkluhom. Dan fih tiegħu iktar fil-konsegwenzi quddiem il-fatt li bħalissa diġà dħalna fis-sitwazzjoni fejn dak li huwa temporanju ġej, biċċa biċċa, permanenti. Wieħed li jfakkarna li qegħdin f’sitwazzjoni fejn qed inżommu lura l-proċess demokratiku normali li nagħżlu u wara, min jiġi, persuna ġdida li diversi qed jistennew li forsi jkun jista’ jibda l-passi tiegħu. It-tielet: fl-ostakli kontinwi sabiex l-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra ma jiġux emendati. Il-Parlament irid iwieġeb għar-realtà demokratika tal-lum u jekk dan il-proċess ma jsirx ser nibqgħu weqfin f’xenarju li huwa komdu ħafna għall-Gvern. F’dan hemm iktar x’jinkwetani, imma dawk il-pożizzjonijiet għandhom ifehmuna iktar dak li ġej għalina.

Fejn sejrin

6. Il-magna tal-Gvern tidher li hija fl-aqwa tagħha u l-pajjiż huwa bħalissa konvint fil-maġġoranza ta’ dawk li fl-aħħarnett jiċċaqalqu sabiex imorru jivvutaw. Mhux faċli biex tibdel dan li huwa llum iffurmat, u ċerti mumenti nara wkoll min fl-Oppożizzjoni huwa stess ma tantx jgħin. Dak li sejrin għalih jidher li għal diversi huwa diġà stabbilit. Il-konklużjoni hija lesta u anki jekk għadhom m’għaddewx il-ħames snin, hemm ħafna li qed jimbuttaw għal elezzjoni ġenerali qabel. Wieħed jifhem, għax hemm ħafna problemi ġejjin li huma marbuta ma’ diversi sitwazzjonijiet fejn iż-żieda tal-prezz taż-żejt u tal-gass u l-ftehim li jrid jiġi mġedded ser jippreżenta sfidi qawwija. Kif ukoll aħjar issa li jemmen li ċertament ser jirbaħ, milli jissogra. Hu x’inhu, mill-Oppożizzjoni, anki jekk l-ispazju huwa ristrett, xorta wieħed irid jibqa’ jikteb u jsemma’ l-vuċi tiegħu sewwa, anki jekk mhux utilizzat sewwa. It-triq f’dan tibqa’, u hija twila. Kampanja elettorali hija, kif nafu, leġislatura fiha nfisha. Nittama biss f’dawk li jridu jisimgħu, li wieħed jifhem dak li ġej għalina u kif għandu jirreaġixxi għalih biex effettivament jibdlu.

ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID - TRIQ IT-TARZNA - XOGĦLIJIET

34949. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru fi Triq it-Tarzna, f’Ħal Tarxien/Raħal Ġdid u kemm ser jiġu jiswew?

 

06/03/2026

 

ONOR. CHRIS BONETT: Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa mhux għaddejjin xogħlijiet minn Infrastructure Malta fit-triq imsemmija.

 

Seduta Numru 446

17/03/2026

KONTRO-MANDATI

34948. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew preżentati kontro-mandati matul is-sena 2025 u jindika skont il-kategorija rispettiva tagħhom?

 

06/03/2026

 

ONOR. JONATHAN ATTARD: Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Kontro-mandati Superjuri matul is-sena 2025 kien hemm is-segwenti:

 

 

Prim Awla

Familja

 

Sekwestru

654

44

Inibizzjoni

101

21

Qbid

32

5

 

Filwaqt li Kontro-mandati Inferjuri kien hemm is-segwenti:

Sekwestru

892

Qbid

40

 

Seduta Numru 446

17/03/2026

THE WAR OF THE ROSES

1. Bħalissa ninsab qiegħed naqra l-ktieb mill-iktar interessanti tal-mibki Professur Ingliż John Gillingham (1940), magħruf fil-linja ...