Showing posts with label Papa Ġwanni Pawlu II. Show all posts
Showing posts with label Papa Ġwanni Pawlu II. Show all posts

10.4.26

ID-DIFFERENZA

1. Hemm bnedmin li f’dawn iż-żminijiet qed jieħdu sehem iktar sehem attiv fil-ħajja tal-Knisja. Dawk li qabel ma setgħux jidħlu jagħmlu parti miċ-ċirku ta’ importanza li ġustament nagħtu lil dawk li jiddedikaw ħajjithom għal dik reliġjuża. Il-bnedmin li assiguraw li dan iseħħ kienu fil-fatt żewġ Papiet li ħallew warajhom wirt ta’ ideat, kotba u żvilupp li mmarkaw dan is-seklu. Kienu, l-ewwel, dak iż-żmien il-Kardinal Joseph Ratzinger, u kważi kontemporanjament il-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II, li fetaħlu l-kapitolu. Għażlu li jiftħuh pass pass ma’ ġurnalist u awtur ta’ numru ta’ kotba. Għażlu li waqt li jkunu viċin jifhmu, fl-istess ħin, il-libertà tiegħu li jistaqsi. Iressaq dawk il-punti li l-bnedmin fid-dinja kienu qed jitolbu li jsibu tweġiba għalihom.

Kien ktieb

2. Kien ċertament intuwizzjoni u għarfien preċiż li dawn iż-żewġ Papiet kellhom biex imissu l-polz ħaj tad-dinja. Jifhmu li għandhom bżonn, ma jistgħux jiddependu biss minnhom infushom jew minn dawk li huma strettament madwarhom. Sejħa għall-oħrajn li jistgħu jkunu parti minn proġett akbar u iktar effettiv. Dan il-persuna speċjali li ġie magħżul kien kiteb hekk fl-introduzzjoni ta’ wieħed mill-aqwa kotba li messna lejn l-aħħar tas-seklu l-ieħor lejn dan: “I was told that I had been chosen to conduct the interview because of the many religious books and articles I have written over the years, with the freedom of a layman, but also as a believer who knows that the Church is given not only to the clergy but to each of the baptized.” (Qaluli illi ġejt magħżul biex nagħmel din l-intervista għaliex matul is-snin ktibt ħafna kotba u artikli reliġjużi, bil-libertà ta’ bniedem lajk, imma wkoll għaliex bħala Nisrani naf illi l-Knisja mhijiex tal-kleru biss imma wkoll ta’ dawk kollha li huma mgħammda.)

Vittorio Messori

3. Forsi ftit indunaw li tul dawn il-jiem ġie nieqes proprju dan il-bniedem. Imwieled fl-1941 fi żmien il-gwerra ġewwa familja mill-iktar anti-klerikali. Bniedem li fl-1964, wara li qara l-Vanġeli, ikkonverta għall-Kattoliċeżmu u minn hemm beda proċess interessanti. Wieħed li ġiebu viċin il-Knisja u li minnha għażel li jaqra u jistudja iktar. Il-pinna tiegħu sabiħa u li togħġob lil diversi li jaqrawh. Proprju f’dan, il-karriera u l-użu tat-talenti tiegħu mmarkawh bħala dak li jaf x’inhuwa jiġri barra u kif jista’ jixħtu lura ’l ġewwa. Il-Knisja sabet fih interlokutur determinanti. Sabet dak li jċaqlaq ’il quddiem il-vuċi tagħha. Sabiex tinbidel u ssir aktar rilevanti fil-mod ta’ kif tikkomunika mal-bnedmin tal-lum fid-diffikultajiet u l-kurrenti li kien hawn, u li għad hawn, bħalissa.

F’dan iż-żmien

4. F’dawn l-erbgħa u tmenin sena ta’ eżistenza, Messori ħalla legat uniku mifrux. Fil-fatt ftit ilu, qisu b’xi messaġġ, tul il-Ġimgħa l-Kbira ħabib silifni l-ktieb sabiħ tiegħu li għadni ma qrajtx, bit-titolu Patì sotto Ponzio Pilato? (un indagine storica sulla passione e morte di Cristo (1992). Kont diġà naf bih, sija għax kont qrajt il-ktieb Il Miracolo (1998), indaġini xjentifika mill-iktar rigoruża u riċerkata dwar bniedem fi Spajna, Miguel Juan Pellicer (1937), li kien tilef sieq u din, midfuna, ingħaqdet lura fil-ġisem tiegħu. Biss, iktar minn dan, f’dak li huwa komunement imsejjaħ The Ratzinger Report (1985), u wara, Crossing the Threshold of Hope (1994). Żewġ dokumenti mibnija fuq diskussjoni u mistoqsijiet, liberi u diretti, li huwa seta’ jagħmel lil żewġ persuni li ġew maħtura Papiet.

Rilevanza

5. Fl-ewwel ktieb jiltaqa’ ma’ dak li kien il-Prefett tal-Fidi, il-Kardinal Joseph Ratzinger. Tkellem miegħu u staqsieh kwantità kbira ta’ domandi, li minnhom twieled ktieb ta’ mitejn faċċata. Dokument uniku li nħoss ħafna li għadu rilevanti sal-lum, dejjem jekk xi ħadd ikollu l-ħin biex jaqrah. Fil-każ tiegħi, mill-ġdid. Idur dawramejt ma’ diversi temi li mhux kull bniedem fil-Knisja jħossu komdu li jwieġeb. Imma Messori, ġurnalist iffurmat u mbaskat sew, jirnexxilu jikkonsolida kollox f’linja ċara u mhux diffiċli biex tinqara. L-istess awtur, fil-bidu jgħidilna: “As a longstanding journalist, one who is used to every kind of interlocutor (including high Vatican prelates), I must confess that I was often amazed that I received a clear and direct answer to each one of my questions, even the most delicate.” (Bħala ġurnalist li servejt fit-tul, wieħed li hu mdorri b’interlokuturi varji (inklużi prelati għolja fil-Vatikan), għandi nistqarr li diversi drabi kont impressjonat bil-fatt li kont nirċievi tweġibiet ċari u diretti għal kull waħda mid-domandi li kont nagħmel, anki dawk l-iktar delikati.) Ngħid li dan il-ktieb serva sabiex ikun hemm kunsens ġenerali fid-dinja Kattolika fl-għażla ta’ Ratzinger iktar tard.

Pass ieħor

6. Imma f’dan serva wkoll għal pass ieħor. Tant kien suċċess dak il-ktieb, li l-istess Papa Ġwanni Pawlu II, permezz tal-Uffiċjal tal-Istampa tiegħu, Dr Joaquin Navarro-Valls (1936-2017) ried li ssirlu intervista li tiġi mxandra fuq il-mezzi moderni. Minħabba l-impenji tal-Papa dan ma seħħx, imma l-ġurnalist kien bagħat diġà d-domandi, u dawn Ġwanni Pawlu II mhux talli ma ttraskurahomx, talli weġibhom bil-miktub. Għal dan, Messori jfaħħar lill-Papa li fl-umiltà u l-ġenerożità tiegħu kien ħadu b’tant serjetà bħala vuċi tal-Insara fit-triq. Mhux biss, imma li ried iwassal il-messaġġ li hemm it-tama, li hija konfermata għal dawk li jridu jaċċettawha. Dokument ieħor li għalija jibqa’ wieħed rilevanti, li taqrah kemm-il darba taqrah, fih issib il-ġdid. Imma li baqa’ jolqotni hu li Messori jikkonkludi l-introduzzjoni tiegħu b’dan il-kliem, li jibqgħu jħabbtuni: “In such a climate all abstractions vanish. Dogma becomes flesh, blood, life. The theologian becomes witness and shepherd.”

Insellmulu

7. Vittorio Messori ser iħalli warajh numru ta’ kitbiet u esperjenzi li jgħinu lil kull persuna li jrid jgħix ħajja aħjar milli huwa. Waħda miftuħa dejjem iktar sabiex iwettaq il-ġid mal-proxxmu fil-jum u l-ħin li huwa mogħti. Nittama li jkun hemm min jifhem li dawk il-kotba tiegħu li għandu fuq l-ixkafef, u li forsi nesa, jerġa’ jaqbadhom lura mill-ġdid. Ċert li jsib gwidi diretti fid-dinja li trid issir taf imma ma tafx fejn taqbad tfittex. Aħna, flimkien mal-Knisja Kattolika, f’dan għandna nagħrfu li filwaqt li tlifna moħħ ċar u dixxiplinat, fuq l-oħra napprezzaw li huma bnedmin bħalu li huma verament dawk li kapaċi jwettqu d-differenza.

 

11.6.25

MINN SOLIDARNOSC

1. Diversi minna niftakru s-snin li bidlu l-Ewropa minn dik mimlija bit-theddid Sovjetiku għal dik libera. Jiftakru wkoll l-eventi li mexxew lill-Polonja biex tkun fattur ta’ bidla. F’ħafna, dak li ġara hemm kien marbut magħna. Niftakru f’Diċembru tal-1981. Fit-12 ta’ dak ix-xahar, f’pajjiżna, kien hemm riżultat elettorali li ġieb maġġoranza ta’ voti lill-Partit Nazzjonalista u aktar siġġijiet lill-Partit Laburista li baqa’ fil-Gvern imexxi kontra r-rieda tal-poplu. L-għada, fit-13 tax-xahar, fil-Polonja b’Unjoni tal-Ħaddiema ġdida tkaxkar b’appoġġ u r-reġim jiddikjara liġi marzjali. It-tnejn proċessi li m’għandhomx jiġu kkwotati f’kif għandek tmexxi demokratikament.

Għeruq uniċi

2. F’dan il-Polonja għandha esperjenza twila u diffiċli sabiex tirbaħ u tirrenja l-indipendenza tagħha. Ikkumbattiet ħafna u kienet maħkuma fis-sekli. Proprju għalhekk li nfetaħ bieb demokratiku li għadu hemm sal-lum, meta fl-4 ta’ Ġunju 1989, fl-ewwel forma ta’ elezzjonijiet liberi, Solidarność rebaħ kważi s-siġġijiet kollha. Dan il-Moviment tal-klassi tal-ħaddiem, ispirat aktar u mimli b’kuraġġ u determinazzjoni aqwa wara l-elezzjoni tal-illum qaddis Papa Ġwanni Pawlu II, beda proċess ta’ bidla. Minnu nistgħu llum, wara ħamsa u tletin sena skorruti nifhmu li f’dak il-pajjiż hemm għeruq partikolari li jirbħu fuq kunsiderazzjonijiet oħra.

Demokrazija

3. Il-Ħadd li għadda din l-esperjenza żiedet bl-elezzjoni presidenzjali mill-aktar kumbattuta. Il-proċess elettorali wassal għall-għażla bejn Rafal Trzakowski (1972) u Karol Nawrochi (1983). It-tnejn mhux wisq ’il bgħid mill-ideat ta’ ċentru u ċentru-lemin. Elezzjoni kumbattuta bħal ma kienet dik tal-2020, meta l-istess Rafal Trzakowski tilef għal Andrzey Duda (1972) b’marġini żgħir ħafna. Kif ġara ħames snin ilu, hekk seħħ illum. Karol Nawrochi rnexxielu, li għan-nom ta’ ideat aktar fuq il-lemin, jirbaħ bi ftit. Il-verità hija ċara: li l-pajjiż huwa maqsum kważi ugwalment (għaxar miljun votant fuq kull naħa) bejn il-kandidat tal-Partit tal-Liġi u l-Ġustizzja (PIS) u l-Koalizzjoni Ċivika mmexxija minn Donald Tusk. Mhux biss, imma Rafal Trzakowski, li għalkemm deher fuq quddiem fl-ewwel round ta’ voti, ingħata t-tieni telfa presidenzjali tiegħu. Sinjal ċar li fil-pajjiż hemm ideat demokratiċi qawwija li ma huma lura xejn.

Avvanz

4. Kif ingħad reċentement f’The Economist, il-pajjiż mexa ’l quddiem: “For the past three decades, Poland has shown how much a country can achieve by European Integration and good economic policy. Since 1995 income per person has more than trebled. Since it joined the EU in 2004 Poland has never known recession apart from briefly at the height of the Covid-19 shutdown. During those two decades, its average annual growth has been almost 4%. The fruits of that growth are on display across the country.” Id-demokrazija u l-isħubija fl-Unjoni Ewropea mexxew lill-poplu ’l quddiem minn dak li kien jinsab fih fl-1981. F’dan, kif ukoll pajjiżna. Mhux biss, imma l-Polonja nvestiet ferm iktar fl-ispiża militari tagħha, sforz dak li għaddiet minnu. Punt li jindika ferm aktar li l-pajjiż huwa demokratikament u ekonomikament sod.

Punti differenti

5. F’dan il-pajjiż jidher però li hemm żewġ kunsiderazzjonijiet importanti. L-ewwel: li l-poplu jħossu komdu li l-Parlament ikollu kontra bilanċ ta’ President li mhux dejjem lest li jimxi u jaqbel miegħu. It-tieni: li għad hemm min ma jaqbilx ma’ dak li qiegħed jiġi prospettat mill-Gvern li l-liġijiet, bħal dawk fir-rigward tal-abort, jiġu liberalizzati aktar. Hemm f’dan koalizzjoni elettorali li temmen fid-demokrazija imma mhux ma’ numru ta’ liġijiet li saru f’pajjiżi oħra. Dawk li huma identifikati ma’ kunċetti u ideat liberali. L-għeruq tal-pajjiż għadhom, wara dawn is-snin kollha, marbuta ma’ prinċipji etiċi Nsara li bażikament jiffurmaw il-pajjiż u lill-elettorat sħiħ. Dawk li anki aħna għandna. F’dan, jingħad x’jingħad, jibqa’ punt ċert li l-Polonja huwa pajjiż kbir u minn Solidarność, f’ħamsa u tletin sena avvanzat sew, kemm demokratikament, kif ukoll ekonomikament.

8.4.25

GRAZZI KAROL WOJTYLA

1. Tul din il-ġimgħa ftakarna f’anniversarju importanti. Għax dawn ma jiġux ta’ xejn imma biex ifakkruna mill-ġdid. Ifakkruna fi bnedmin li għexu qabilna u fi żmienna li ħallew impatt fuq ħajjitna u dik ta’ oħrajn bħalna. F’ħafna sens, aħna li għexna miegħu ma nistgħux nemmnu li m’għadux magħna, jew li m’għadniex inqumu jum wara jum nisimgħu b’ħidmietu. Bniedem li għal diversi ma kienx b’xi mod magħruf. Imħajjar u mrobbi fil-valuri Nsara b’mod u manjiera li kull ma kien iwettaq kien ġej minn raġuni preċiża: skop li għalkemm f’dak il-mument seta’ jidher u anke jekk le, konna ċerti li kien jaf x’inhuwa jgħid. F’dan ħalla wirt uniku warajh li aħna fortunati li konna parti minnu.

L-Awtorità

2. Il-persuna li kiteb dwaru fit-tul huwa fil-fatt dak li kont qiegħed insegwi f’kitbiet oħra tiegħu, George Weigel (1951). Dak li, fil-bijografija bit-titolu Witness to Hope (1999) irnexxilu jispjega ħafna lill-bniedem. Ktieb voluminuż (’il fuq minn 886 paġna) li nittama li aktar ’il quddiem ikolli l-ħin li naqrah minn qoxra sa qoxra. F’dan huwa jibda b’dawn il-kliem: “When Pope John Paul II died on April 2, 2005, the extraordinary global outpouring of affection and regards for this old and in recent years, increasingly crippled Polish priest and Bishop suggested that Karol Wojtyla had, in fact, influenced more lives in more diverse circumstances than any human being of his time.” (Meta l-Papa Ġwanni Pawlu II miet fit-2 ta’ April 2005, il-messaġġi straordinarji ta’ mħabba li ġew mid-dinja kollha għal dan is-saċerdot, Isqof Pollakk li maż-żmien ġie iktar imxekkel bil-mard, issuġġerew li Karol Wojtyla kien, fil-fatt, influwenza lil diversi bnedmin f’ċirkostanzi varji iktar minn kull persuna oħra li għexet fi żmienu.)

Personali

3. Għaddew diġà għoxrin sena u aħna stess ma nistgħux nemmnu li dan fil-fatt seħħ. Għadda ż-żmien minn dak il-mument li diversi kienu fehmu li kien ser ifisser bidla fil-ħajja personali tagħna, kif ukoll f’dik tal-Knisja u s-soċjetà fuq dawn il-gżejjer. Il-fatt li kien l-ewwel Papa li qatt ġie hawn kien ġieb rabtiet qawwija ma’ diversi li ħassew li mal-mewt tiegħu, parti minnhom kienet ġiet nieqsa. Kellu l-abbiltà li jfiehem, li jikteb tajjeb ħafna u li jersaq biex imiss direttament il-qlub tal-bnedmin. Kien kalamita umana partikolari. Kull min rah quddiemu, jew f’xi ritratt mill-varji sbieħ li kellu, kien iħossu viċin ħafna tiegħu. Meta kien jiddikjara li billi Sidna Ġesù Kristu ma kienx niżel minn fuq il-Kurċifiss ħaj daqshekk ieħor hu, fil-mard m’għandux iċedi, kien hemm qbil ġenerali miegħu. Stima, u fl-istess ħin tama li dan il-bniedem ser jibqa’ jkun hemm. Gwida unika li ma kellniex sostitut għaliha.

Rajtu

4. Kont ukoll grat għax-xorti li kelli li niltaqa’ miegħu. Anke jekk kien ra diversi bnedmin, meta messejt miegħu ħassejt rabta li riedet tikber ferm iktar minn qabel. Kien il-Papa tagħna verament. Aktar u aktar meta ħafna bħali kienu jaqraw il-best sellers tiegħu. Ktieb wara ktieb li ma tkunx trid titlaq minn idejk u li jmexxuk ’il quddiem. Għandi wħud li qrajt ħafna drabi, għax jibqgħu mimlija għerf. F’ħafna nammetti li l-bniedem sħiħ illum ikun hekk jekk ikun qara kitbietu. Li n-nuqqas tal-qari ta’ kitbietu huwa dgħjufija kulturali, soċjali, spiritwali u politika. Kien, u f’ħafna jibqa’ gwida qawwija għal dawk li, bħali, huma fil-politika. U jekk hemm min qiegħed jaqra u jixtieq ikun Demokratiku Kristjan sewwa, jagħmel aktar milli tajjeb li jibda triqtu b’kitbietu.

Sens komun

5. Kien il-persuna mimli b’talenti uniċi, tant li Weigel jiddeskrivih bħala: “... was a thoroughly, indeed radically, convinced Christian disciple. It was the passion of his discipleship that made him the most influential man of his time.” Kien dak li nfluwenza sew fuq kull livell, u d-dinja nbidlet lejn is-sewwa. Bidla li seħħet proprju għax kien dak li kien kapaċi jagħti importanza lill-valuri Nsara. Ma jċedix fuqhom, taħt ebda ċirkostanza, anke jekk l-istess diplomazija Vatikana kienet tipprova tasal f’kompromessi, huwa ma kienx. Kien il-bniedem tas-sens komun, tar-raġuni, u fuq kollox xhud għall-verità. Il-verità tibqa’, għal dawk li jridu jwettqu s-sewwa, id-dawl li jmexxina ’l quddiem. L-enċiklika tiegħu Fides et Ratio (1998) tibqa’ dawl li jiċċara ħidmet il-bniedem fis-soċjetà. Tiċċara aktar dik tan-Nisrani impenjat fil-politika. Għax jgħaddi kemm jgħaddi żmien, tibqa’ gwida unika. Dik li tinfluwenza biex bnedmin jibqgħu ispirati jwettqu l-ġid u s-sewwa. Jibqgħu dawk li jiftakru li minkejja dak kollu li jgħaddu minnu, il-ferħ qiegħed fil-ħidma li jixhdu għall-verità. Jgħaddu kemm jgħaddu snin, nibqgħu nduru lura u nirringrazzjawh għal dak kollu li kien u dak li għadu għalina llum. Grazzi Karol Wojtyla!

14.11.24

ĦITAN TA' APPOĠĠ

1. Ftit jiem ilu, dawk li semgħu l-aħbarijiet ġew imfakkra b’dak li seħħ ħamsa u tletin sena ilu. Ġiebu lura quddiemhom, għal dawk li kienu ġarrbuhom, dawk il-jiem li bdew mid-9 ta’ Novembru 1989. Kif f’daqqa waħda, dak li kien jidher tant sod, beda jitmermer f’daqqa quddiemna. Ir-renji, il-poteri politiċi filli jkunu jidhru invinċibbli u filli jikkrollaw quddiemna. Ħadd ma kien jaħseb li dan kien ser iseħħ, għalkemm diversi kellhom dejjem it-tama. Forsi ftit aktar, ċertament ħadd ma basar li dak kien il-mument, wisq inqas li dik kellha tkun it-triq. Dik li twassal, l-ewwel għall-waqgħa ta’ dak li beda jinbena fit-13 ta’ Awissu 1961, il-Ħajt ta’ Berlin, u li fired il-belt fi tnejn. Wara, it-tmiem tal-imperu li kien inbena mill-Unjoni Sovjetika wara r-Rivoluzzjoni.

Straħna

2. Waqt li ċertament ħafna ma ħasbux li ser iseħħ, ladarba twaqqa’ min-nies u l-fruntieri li qabel kienu miżmuma b’saħħa spiċċaw, kienu diversi li straħu. Kien hemm mewġa kbira ta’ arja ta’ libertà. Dik umana. Dik li tippermetti lill-bnedmin jgħixu u jilliberaw ruħhom mill-ħakma Sovjetika. Dik li welldet it-tama li issa stajna ngħixu fil-paċi, ’il bgħid mill-biża’ ta’ gwerra nukleari bejn iż-żewġ potenzi li kellna. Bieb għal futur isbaħ u ħarsa lejn dak li d-dinja issa setgħet tmur fih mhux ixekkla. Forsi f’dan, diversi skoprew realtajiet differenti. Iktar minn hekk kien hemm ukoll min, fil-vantaġġi politiċi tas-sitwazzjoni, mexa u wettaq dak li ma kellux. Biss, f’ħafna, ma konniex ippreparati għaliha.

Riżentimenti

3. F’dan, iktar twieldu riżentimenti, speċjalment fil-mod ta’ kif popli ġew trattati u sfruttati ekonomikament. Kien hemm prezz għal-libertà, imma kien għoli ferm aktar milli dawk li kienu maħkuma setgħu jaħsbu. Is-snin ta’ wara l-liberazzjoni kienu iebsa ħafna, u s-soċjetà nqasmet iktar. Dawk li ġew mid-dinja demokratika damu biex fehmu x’kellhom jagħmlu, u wħud ħasbu li setgħu jumiljaw lil min ma kellhomx. Twieldet żerriegħa li minnha kibru kumplikazzjonijiet oħra. F’dan, ċertament illum qed naraw il-konsegwenzi ta’ dawn l-iżbalji politiċi. Forsi ma flaħniex ngħinu kemm kellna sabiex ikun hemm tisħiħ ekonomiku f’dawk l-Istati. Forsi wkoll ma kienx proprju l-istaġun. Forsi iktar, kien hemm attenzjoni akbar lura lejn l-unifikazzjoni tal-Ġermanja.

Konsegwenzi

4. F’dan illum qed inbatu l-effetti ta’ dawk is-sentimenti ta’ riżentiment. Min b’xi mod ħassu umiljat, aktar tard sab iż-żmien biex jillivella l-pożizzjoni. Dawn il-ħamsa u tletin sena jimmeritaw attenzjoni u studju storiku, iktar fl-aspetti soċjali u ekonomiċi. L-Oċċident Ewropew u Amerikan f’daqqa ma rawx, u ma tawx każ, ta’ dak li kien ġej. Ikkonċentraw fuq ċerti partijiet tal-istrateġija ġeo-politika. L-iktar f’dan kienet l-Unjoni Ewropea, li rat kif tipprova tibni Stati fi ħdanha bħala forma ta’ ħlas lura lejn dawk li batew f’ħamsin sena, mill-1939 sal-1989. Dak li l-kefrija Nażista u Komunista taw. Imma l-fruntieri politiċi ġew mibdula mill-ġdid u baqa’ wkoll naħa kontra l-oħra.

Fil-Ġermanja

5. Forsi f’dawn is-snin, nistgħu ċertament naċċettaw li l-għaqda lura tal-Ġermanja kienet pass politiku determinanti. Wieħed li ġieb ħafna sodisfazzjon, minkejja li fl-Ewropa ta’ dak iż-żmien kien hemm min ma kienx proprju qiegħed jifraħ. Kien bid-determinazzjoni u l-kuraġġ tal-Kanċillier ta’ dak iż-żmien Helmut Kohl (1930-2017) li sar dan. Forsi f’dan inkisru ftehim, l-iktar f’dak li jolqot id-dħul ta’ Stati fin-NATO, li kien hemm fil-proċess tad-diżintegrazzjoni Sovjetika. Imma l-fatt jibqa’ li kontra kull oppożizzjoni, seħħ. Mhux biss, imma s-saħħa fl-Unjoni Ewropea tal-pajjiżi żdied sew. Anki f’dan, għalhekk, fl-istess Unjoni ċ-ċentru nbidel, bil-konsegwenza iktar ċara politikament li fejn il-Ġermanja tmur, hemm l-Unjoni ssegwi.

Fil-preżent

6. Huwa minnu li wieħed illum irid jaħseb mill-ġdid fejn qegħdin u fejn sejrin. Fl-Unjoni Ewropea, bil-Ġermanja li għaddejja minn forma ta’ kriżi politika. B’Olaf Scholz (1958), il-Kanċillier preżenti jagħraf li l-koalizzjoni li kien qiegħed imexxi ġiet fix-xejn u għaldaqstant l-elezzjonijiet ġenerali mhumiex fil-bogħod. Min ser jiġi elett u min ser ikollu f’dan, dejjem jekk ikollu, maġġoranza stabbli huwa iktar importanti. Aktar proprju fil-fatt li Donald Trump, ta’ 78 sena, ġie ri-elett President tal-Istati Uniti tal-Amerika. Dan għax għalkemm fil-mument diversi jinsabu mitlufa jispjegaw x’ġara fir-rebħa elettorali tiegħu, wara, minn Jannar 2025 hemm il-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet tiegħu. Hemm bnedmin li jinbidlu frott l-esperjenza politika, imma meta tqis dak li ilu jiddikjara f’dawn l-aħħar erba’ snin u dak li wettaq qabel, ma tantx hemm wisq aħbarijiet tajba għall-Ewropa. Il-memorja tal-Ħajt ta’ Berlin, għat-tmexxija tiegħu ma naħsibx li ser tkun għolja ħafna.

Min jista’ jaħseb

7. Hemm min qiegħed jikteb fil-ġurnali ekonomiċi Ewropej li dan ser ikun mument li jibdel u jissoda lill-Unjoni, għax ser titneħħa l-ħela u jista’ jimxi biss min huwa b’saħħtu. Hemm min jista’ jimmaġina li biż-żidiet fit-tariffi fuq il-kummerċ liberu jew fuq in-nuqqas t’appoġġ militari lill-istess Ewropa u lill-Ukrajna ta’ Vladimir Zelensky ser naraw xi forma ta’ tkabbir. Naħseb li teoriji mod jistgħu jidhru sbieħ, imma l-prattika hi ħaġa oħra. F’dan iż-żmien ma nkunux wisq ’il bogħod milli nifhmu li l-piżijiet fuq il-popli Ewropej ser jiżdiedu. Wisq inqas milli nagħrfu li t-tentazzjonijiet lejn iktar tmexxija awtoritarja milli demokratika jikbru.

Nagħrfu

8. Biss f’dan, ċertament, dawn huma iktar bidliet fir-rabtiet li qabel żammew l-Oċċident għaddej. Hemm, f’dan, l-għarfien ċar li kien iktar faċli li nirċievu l-għajnuna u s-sostenn waqt l-eżistenza tal-Ħajt ta’ Berlin. F’dawn il-ħamsa u tletin sena nistgħu biss nirreġistraw li l-burdata nbidlet; l-opinjonijiet inqalbu ta’ taħt fuq. F’mumenti ngħid u nistaqsi x’jaħsbu minn hemm fuq, proprju jekk humiex japprovaw il-Papa, illum San Ġwanni Pawlu II u Ronald Reagan, il-President Repubblikan, li taħthom seħħet il-waqgħa tal-Ħajt. Ma naħsibx, imma dak kien żmien ieħor, li llum m’għadux. F’dan għandna naċċettaw li dak li qabel kien Ħajt ta’ Appoġġ sod u li tista’ tiddependi fuqu, illum mhuwiex aktar hekk.

ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET

35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...