1. Diversi minna niftakru s-snin li bidlu l-Ewropa minn dik mimlija bit-theddid Sovjetiku għal dik libera. Jiftakru wkoll l-eventi li mexxew lill-Polonja biex tkun fattur ta’ bidla. F’ħafna, dak li ġara hemm kien marbut magħna. Niftakru f’Diċembru tal-1981. Fit-12 ta’ dak ix-xahar, f’pajjiżna, kien hemm riżultat elettorali li ġieb maġġoranza ta’ voti lill-Partit Nazzjonalista u aktar siġġijiet lill-Partit Laburista li baqa’ fil-Gvern imexxi kontra r-rieda tal-poplu. L-għada, fit-13 tax-xahar, fil-Polonja b’Unjoni tal-Ħaddiema ġdida tkaxkar b’appoġġ u r-reġim jiddikjara liġi marzjali. It-tnejn proċessi li m’għandhomx jiġu kkwotati f’kif għandek tmexxi demokratikament.
Għeruq uniċi
2. F’dan il-Polonja għandha esperjenza twila u diffiċli sabiex tirbaħ u tirrenja l-indipendenza tagħha. Ikkumbattiet ħafna u kienet maħkuma fis-sekli. Proprju għalhekk li nfetaħ bieb demokratiku li għadu hemm sal-lum, meta fl-4 ta’ Ġunju 1989, fl-ewwel forma ta’ elezzjonijiet liberi, Solidarność rebaħ kważi s-siġġijiet kollha. Dan il-Moviment tal-klassi tal-ħaddiem, ispirat aktar u mimli b’kuraġġ u determinazzjoni aqwa wara l-elezzjoni tal-illum qaddis Papa Ġwanni Pawlu II, beda proċess ta’ bidla. Minnu nistgħu llum, wara ħamsa u tletin sena skorruti nifhmu li f’dak il-pajjiż hemm għeruq partikolari li jirbħu fuq kunsiderazzjonijiet oħra.
Demokrazija
3. Il-Ħadd li għadda din l-esperjenza żiedet bl-elezzjoni presidenzjali mill-aktar kumbattuta. Il-proċess elettorali wassal għall-għażla bejn Rafal Trzakowski (1972) u Karol Nawrochi (1983). It-tnejn mhux wisq ’il bgħid mill-ideat ta’ ċentru u ċentru-lemin. Elezzjoni kumbattuta bħal ma kienet dik tal-2020, meta l-istess Rafal Trzakowski tilef għal Andrzey Duda (1972) b’marġini żgħir ħafna. Kif ġara ħames snin ilu, hekk seħħ illum. Karol Nawrochi rnexxielu, li għan-nom ta’ ideat aktar fuq il-lemin, jirbaħ bi ftit. Il-verità hija ċara: li l-pajjiż huwa maqsum kważi ugwalment (għaxar miljun votant fuq kull naħa) bejn il-kandidat tal-Partit tal-Liġi u l-Ġustizzja (PIS) u l-Koalizzjoni Ċivika mmexxija minn Donald Tusk. Mhux biss, imma Rafal Trzakowski, li għalkemm deher fuq quddiem fl-ewwel round ta’ voti, ingħata t-tieni telfa presidenzjali tiegħu. Sinjal ċar li fil-pajjiż hemm ideat demokratiċi qawwija li ma huma lura xejn.
Avvanz
4. Kif ingħad reċentement f’The Economist, il-pajjiż mexa ’l quddiem: “For the past three decades, Poland has shown how much a country can achieve by European Integration and good economic policy. Since 1995 income per person has more than trebled. Since it joined the EU in 2004 Poland has never known recession apart from briefly at the height of the Covid-19 shutdown. During those two decades, its average annual growth has been almost 4%. The fruits of that growth are on display across the country.” Id-demokrazija u l-isħubija fl-Unjoni Ewropea mexxew lill-poplu ’l quddiem minn dak li kien jinsab fih fl-1981. F’dan, kif ukoll pajjiżna. Mhux biss, imma l-Polonja nvestiet ferm iktar fl-ispiża militari tagħha, sforz dak li għaddiet minnu. Punt li jindika ferm aktar li l-pajjiż huwa demokratikament u ekonomikament sod.
Punti differenti
5. F’dan il-pajjiż jidher però li hemm żewġ kunsiderazzjonijiet importanti. L-ewwel: li l-poplu jħossu komdu li l-Parlament ikollu kontra bilanċ ta’ President li mhux dejjem lest li jimxi u jaqbel miegħu. It-tieni: li għad hemm min ma jaqbilx ma’ dak li qiegħed jiġi prospettat mill-Gvern li l-liġijiet, bħal dawk fir-rigward tal-abort, jiġu liberalizzati aktar. Hemm f’dan koalizzjoni elettorali li temmen fid-demokrazija imma mhux ma’ numru ta’ liġijiet li saru f’pajjiżi oħra. Dawk li huma identifikati ma’ kunċetti u ideat liberali. L-għeruq tal-pajjiż għadhom, wara dawn is-snin kollha, marbuta ma’ prinċipji etiċi Nsara li bażikament jiffurmaw il-pajjiż u lill-elettorat sħiħ. Dawk li anki aħna għandna. F’dan, jingħad x’jingħad, jibqa’ punt ċert li l-Polonja huwa pajjiż kbir u minn Solidarność, f’ħamsa u tletin sena avvanzat sew, kemm demokratikament, kif ukoll ekonomikament.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
IMTIEĦEN - RAPPORTI
29302. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-misto...
-
9944. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza: Jista’ l-Ministru jgħid ke...
-
10922. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qegħdin...
-
1. Din il-ġimgħa, l-kriżi finanzjarja li ilna naraw l-effetti negattivi tagħha kompliet b’fażi differenti u li qabel ma konniex...
No comments:
Post a Comment