3.6.25

MUDELLI W IDEALI

1. F’ħafna, wieħed għandu jqabbel soċjetajiet varji. Dawk li għaddejna minnhom fil-passat u dawk li qegħdin ngħixu fihom fil-preżent. F’ħafna ninsabu f’dinja fejn it-teknoloġija qegħda tagħmel lill-bniedem inqas ħawtiel, inqas lest li jfittex, inqas mimli bil-ħerqa li jitgħallem u jsir jaf, salv dak biss li huwa għalih essenzjali. Nafu li dan huwa proċess li fih il-ktieb qed jitpoġġa iktar fil-ġenb. Kif nafu, naqsu dawk li jfittxu, jixtru jew jissellfu ktieb. Naqas, fuq kollox, l-Istat demokratiku li jkollu fil-prijorità tiegħu x-xiri akbar, ferm akbar, ta’ kotba u li jkollu poplu li huwa nfurmat. Darba fis-sena forsi nisimgħu bl-istatistika li xi librerija kellha xi żieda marġinali ta’ qarrejja imma huwa fatt li s-soċjetà tagħna qed tħalli warajha l-għerf. Tħalli l-boxxla fundamentali tagħha u għalhekk timxi ma’ kull riħ li jiġi.

Plutarch

2. Fost il-wirt ta’ għerf li d-dinja klassika għadditilna hemm kitbet dan il-bniedem. Jingħad li għex bejn is-sena 40 W.K. sal-120 W.K. u ismu hemm min jidentifikah bħala dak li ġej minn Chaeronea, jew Lucius Mestrius Plutarchus. Imma l-fatt jibqa’ li huwa responsabbli għal żewġ kotba importanti. L-ewwel, il-ħajjiet paralleli ta’ diversi bnedmin mid-dinja Griega u Rumana wara l-famuża Moralia. It-tnejn kotba mill-isbaħ u ntenzjonati mhux biss li jiġbru informazzjoni storika imma aktar minn hekk li jgħallmu lill-bniedem kif għandu jġib ruħu fil-ħajja ta’ kuljum. Forom varji ta’ dak li wieħed jista’ jqabbel ma’ ‘eroj’ li jiggwidaw lil dak li jkun. Dawk il-bnedmin li fil-preżent nara li s-soċjetà m’għadhiex tfittex jew tipprova ssib.

X’jgħid

3. L-awtur jispjega dan meta jiddikjara: “My intent is not to write history, but only lives. For, the noblest deeds do not always show men’s virtues and vices, but oftentimes a light occasion, a word, or some sport maketh men’s natual dispositions and manners appear more plain, than the famous battles won, wherein are slain ten thousand men, or the great armies, or cities won by siege or assault.” (L-intenzjoni tiegħi mhijiex li nikteb l-istorja, imma biss dwar il-ħajjiet. Għax, l-azzjonijiet l-aktar nobbli ma jurux dejjem il-virtujiet u d-difetti tal-bnedmin, imma ħafna drabi mument mhux tant importanti, kelma, jew xi aljenazzjoni juru aħjar il-bniedem fl-aspett naturali u fil-manjieri tiegħu, ferm iktar minn battalji mirbuħa, jew jekk mietu għaxart’elef persuna, jew il-battalji l-kbar, jew l-ibliet mirbuħa b’assedji jew attakk.) U f’dan, minn dak li rajt u qrajt jidher li għal ġenerazzjonijiet twal, irnexxielu.

Sekli

4. Għal sekli twal, awturi u bnedmin fil-ħajja, l-iktar dawk li kienu litterati, jaf jaqraw, ħaduh f’idejhom. L-ewwel ktieb ta’ Plutarch kien miktub tajjeb u popolari, mimli bid-deskrizzjoni tal-ħajjiet ta’ persuni importanti fid-dinja Griega u Rumana u wara, f’forma ta’ konklużjoni, dawn kienu jitqabblu. Taqra ħajjet Alessandru l-Kbir jew dik ta’ Ġulju Ċesri, jew il-ħajjiet ta’ Demostene u Ċiċerun u tarahom jitqabblu b’intelliġenza u għaqal politiku u uman. Proprju minħabba dan li ħafna mexxejja qrawhom. Diversi, bħall-Ġeneral u Imperatur Franċiż Napuljun Bonaparte (1769-1821), jingħad li kienu jġorruhom magħhom fil-kampanji belliċi u l-vjaġġi tagħhom. Diversi oħra kienu jassiguraw li l-uffiċjali militari tagħhom u wliedhom jinxeħtu jaqraw dan il-ktieb twil u voluminuż. Dan proprju għax l-awtur verament jirnexxilu jwelled f’diversi mhux biss rispett lejn il-passat imma aktar li wieħed jieħu direzzjoni. Eżempji tajba fuq naħa u gwida sabiex ma jittieħdux direzzjonijiet żbaljati li jkunu ħadu dawn il-mexxejja kbar.

Lista twila

5. Fil-fatt nafu li l-lista ta’ dawn il-bnedmin hija twila. Dan l-aktar għax fir-Rinaxximent reġa’ ġie skopert mill-ġdid. Fl-elenku hemm, fost l-oħrajn, Erażmu ta’ Rotterdam, li l-awtur iqiegħdu fit-tielet post wara l-Bibbja. Jew il-Qaddis Tumas More, Shakespeare, Montesquieu, Voltaire, Rousseau: ilkoll bnedmin li ġew influwenzati u li wara ħadu ħsieb jinfluwenzaw lil oħrajn warajhom. Dawk li qrawh fehmuh, l-ewwel meta jiddikjara: “Il vero uomo politico si affida invece alla parola, che è il mezzo più idoneo e congeniale per persuadere e governare il popolo.” (Il-politiku ta’ veru jrid jafda fl-abbiltà tal-kelma t-tajba, li hija l-mezz l-iktar indikat u konformi biex tipperswadi u tmexxi ’l-poplu.) Fit-tieni, li minn kliemu stess il-politiku għandu juża lingwaġġ dinjituż u li jgħolli ’l fuq il-bniedem lejn l-aħjar, lejn dak li huwa sewwa u mhux, minflok, imur għal dak teatrali jew bombastiku.

Illum

6. F’dan, numru ta’ drabi nisma’ lil min isemmi politiċi passati u jfaħħarhom. Hekk jixirqilhom. Ħafna li servewna kienu bnedmin ta’ stoffa u determinazzjoni. Ippreparati jaħdmu għal ideal veru u mhux għall-interess personali. Bnedmin li ġew huma wkoll iffurmati f’dinja li kienet tagħti ġieħ lil kitbiet bnedmin bħal Plutarch. Kitbiet il-letteratura klassika li tathom ħafna eżempji li setgħu jsegwu fl-imġieba tagħhom. Jieħdu toroq tajba u attenti milli jaqbdu dawk żbaljati. Nifhem f’dan li jista’ jkun hemm min jopponi għal kitbieti u jiddikjara li dak iż-żmien għadda. Jista’ jkun, imma nemmen dejjem aktar li hawn ġenerazzjoni ġdida ta’ bnedmin fil-ħajja pubblika li jridu u jixtiequ direzzjoni tajba.

Nemmen

7. Nemmen aktar li għadna fil-mument li mmorru lura u naqbdu dak li qabdu oħrajn. Nemmen li għandna dmir, fid-deżert li ninsabu fih, li nfakkru u nindikawlhom li hemm boxxliet tajba li jistgħu, jekk iridu, jsegwu. Nemmen li għandi dmir inkompli nitkellem u niddikjara minn fejn ġej u dak li jien. Il-bażi fl-għeruq tal-politika kulturali tiegħi li sa issa għadha ma telqitnix. Dawk li huma, fil-fatt, il-mudelli w ideali li jiffurmawna bħala soċjetà demokratika u li huma wkoll dawk li kapaċi jkomplu jkunu sodi għal futur politiku aħjar tagħna.

No comments:

IMTIEĦEN - RAPPORTI

29302. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-misto...