30.6.25

INTERVISTA F'IL-MUMENT - IL-GVERN PL KIEN UMILJAT BIL-KBIR FIL-PARLAMENT

Fil-jiem li għaddew Il-Mument tkellem mad-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici, ix-Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali, dwar dak li ġara nhar it-Tnejn li għadda fil-Parlament meta għadd ġmielu ta’ emendi imressqa mill-Gvern ta’ Robert Abela fallew milli jġibu iż-żewġ terzi tal-voti u allura dawn ma kinux approvati.

It-test sħiħ tal-intervista ma’ Carm Mifsud Bonnici hu:

Fil-jiem li għaddew kien hemm vot fil-Parlament dwar numru ta’ emendi kostituzzjonali li fuqhom l-Oppożizzjoni ħadet pożizzjoni kontra. Għaliex?

CMB: Ċertament mhux għall-pjaċir li nkunu kontra imma biex l-affarijiet jibdew isiru sewwa f’pajjiżna. Infakkar li bħala Oppożizzjoni ridna u għadna rridu li jsir proċess ta’ riforma kostituzzjonali sħiħ u maħsub sew, mhux bil-pezzi bukkuni u għalhekk ma nistgħux naqblu meta l-Gvern, mingħajr dan il-proċess, jiġi b’abbozzi mhux preparati sew imma b’forom ta’ emerġenza. It-tieni: li għalkemm l-Oppożizzjoni kienet u għadha lesta biex tiddiskuti u tasal fuq abbozzi kostituzzjonali tippretendi l-minimu li tiġi kkonsultata qabel.

Imma l-Gvern ma użax il-proċedura tas-soltu f’dan?

CMB: Il-proċedura hawn hija waħda ta’ natura speċjali. Il-Kostituzzjoni hija l-liġi suprema tagħna, u f’ħafna, ir-ruħ tal-pajjiż. Tibdil fiha jitlob li l-abbozz ikun diskuss qabel bejn il-partijiet u wara ppreżentat fil-Parlament. Ċertament mhux fil-forom ta’ impożizzjoni li qed naraw u li rajna b’dan l-abbozz.

Imma l-Oppożizzjoni kienet ċara f’dan mal-Gvern?

CMB: Konna iktar milli ċari mal-Gvern. Il-kollega Karol Aquilina u jien iddikjarajna li rridu r-riforma sħiħa u li nippretendu konsultazzjoni. Għidna li rridu li jsir il-proċess sew biex nużaw ir-raġuni u nifhmu sewwa fejn sejrin bil-possibilità li l-emendi jsiru ferm aħjar milli kienu mressqa. Dan però ġie njorat kontinwament mill-Gvern, li ddeċieda li jiġri u jimponi vot fuqna. Linja li ma stajniex naċċettaw b’ebda mod.

Biss, il-Gvern għandu maġġoranza kbira fil-Parlament u allura għandu dritt li jmexxi hekk?

CMB: Il-Gvern għandu l-ewwel dmir li jagħmel l-affarijiet sewwa u fil-qafas demokratiku u mhux anti. Għandu numru ta’ siġġijiet f’maġġoranza parlamentari imma m’għandux żewġ terzi. Mhux biss, imma fis-sistema demokratika tagħna, l-Oppożizzjoni hija vitali għat-tmexxija tal-pajjiż. Emendi bħal dawn jitolbu, min-natura tagħhom, il-kunsens tal-Oppożizzjoni. Jekk qed tipprova tinjora jew twarrab l-importanza tagħna allura għandna, l-ewwel, dmir sagrosant li nfakkru li neżistu; u t-tieni, li hemm linja ta’ prinċipju demokratiku li jorbotna niddikjaraw li ma naqblux. Infakkrek li r-raġuni ma tridx forza.

Imma fil-proċess sħiħ x’ġara sewwasew f’dan l-abbozz u għala hu differenti?

CMB: Ara, tkellimna fit-Tieni Stadju tal-abbozz u l-pożizzjoni kienet ċara. Sodi fuq naħa, miftuħa però għad-diskussjoni. Wara morna għal Stadju ta’ Kumitat li l-Gvern ried jiġri jiġri fih u ma ta lok għal ebda diskussjoni, bil-messaġġ kontinwu tiegħu li għalih m’aħniex importanti. F’dak l-istadju kien jaf diġà li ma kienx ser jirnexxilu jgħaddi l-maġġor parti tal-emendi għax riedu iż-żewġ terzi. Kellu messaġġ ċar li kellu jirtira dak li ma jistax jgħaddi u jżomm dawk li seta’, imma minflok, baqa’ għaddej.

X’jiġifieri?

CMB: Allura ddeċieda biex ikompli jwebbes rasu u li għamel kien li biddel ir-regoli tal-partita biex, kif ħaseb, jipprova jieħu xi vantaġġ. Mexxa mozzjoni biex fit-Tielet Stadju, flok nivvutaw għall-abbozz sħiħ, kif ilu jiġri minn meta ġie mwaqqaf il-Parlament ta’ pajjiżna, nivvutaw artikolu artikolu. Żball politiku, li minflok ikkumplika l-affarijiet u impona piż ta’ responsabbiltà żejda fuq l-Ispeaker biex ma’ kull vot fuq kull klawsola jagħti ruling dwar x’maġġoranza ta’ voti riedet iġġib dik il-klawsola partikolari.

Imma allura sewwasew x’ġara finalment?

CMB: Quddiem dan, l-Oppożizzjoni ħadet pożizzjoni soda u ċara li tkun kontra dan l-aġir żbaljat u bħala linja ta’ prinċipju tivvota kontra kull klawsola. Għalhekk ġara li l-Gvern ġie finalment umiljat minħabba l-attitudni żbaljata tiegħu. Dan għax mit-tlettax-il klawsola li kien hemm, għaddew biss żewġ klawsoli. It-tnejn li kien ċar ħafna mill-bidu li kien hemm bżonn ta’ maġġoranza sempliċi biss għalihom u seta’, bil-għaqal li ma tantx rajt f’dan l-abbozz li flok jippreżenta l-abbozz kif għamel seta’ rtira dak li kien ċar li ser jitlef u jippreżenta dawk li kienu ser jgħaddu.

Iżda l-istampa li ngħatat mill-medja tal-PBS u minn oħrajn kienet li saret vittorja tal-Gvern fuq l-Oppożizzjoni?

CMB: Tant kien hemm biża’ li ser toħroġ il-verità li l-Gvern tilef dawn il-voti kollha li kien hemm bżonn għajta ta’ propaganda kemm kollox mar il-kontra! Ftakart għal mument f’dak li rajna fis-sistemi Sovjetiċi u reġimi simili fejn it-telfiet jiġu mpinġija bħala vittorji kbar. Dan huwa skorrett fl-aġir. Il-verità li kellha tiġi rappurtata kienet proprju din: li minħabba l-aġir xejn għaqli tal-Gvern tilef il-ġurnata u bl-insistenza tiegħu għaddew żewġ klawsoli biss u m’għaddewx l-oħrajn.

Biss x’inhi l-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni issa wara li għadda dan kollu?

CMB: L-ewwel: li l-verità ta’ dak li ġara trid tingħad u tiġi reġistrata. It-tieni: li nibqgħu miftuħa sabiex issir konsultazzjoni kostituzzjonali kif għandha. Infakkar li aħna għandna numru ta’ proposti li qed jiġu konvenjentement injorati, u li hemm oħrajn tal-pubbliku. Dan ifisser li sija dawk iż-żewġ klawsoli li għaddew, kif ukoll l-oħrajn, għandhom ikunu verament miftuħa lura sabiex isiru ferm aħjar u nkunu ċerti li jaħdmu mhux kif inhuma u għalhekk ma jissugrawx li jibqgħu ittra miktuba mhux applikata. Hija ħasra kbira li r-ras iebsa u intransiġenti tal-Gvern wasslet għall-pożizzjoni fejn il-klawsoli li ma ġewx approvati setgħu, b’emendi, jsiru aqwa.

Imma għala tkompli tinsisti fuq dan, wara dak li ġara?

CMB: Għax irid jiġi sottolinjat li t-tort ta’ dak kollu li ġara huwa tal-Gvern, li ddeċieda li jrid jgħaddi fuq il-Parlament billi jinjora l-Oppożizzjoni. Ħa linja xejn moderata u aġixxa bil-ħsieb li trid bilfors tgħaddi tiegħu. Pożizzjoni perikoluża fuq emendi kostituzzjonali u dan, għall-ġid tad-demokrazija tagħna, ma jistax jiġi permess minna li qegħdin fuq il-bank tal-Oppożizzjoni. Il-messaġġ ċar tagħna huwa li aħna miftuħa għad-diskussjoni, ċertament, iżda mhux għall-impożizzjoni.

No comments:

FIĊ-ĊIRKOSTANZI LI NINSABU

1. Għandi dubji fuq kemm id-dinja mxiet ’il quddiem f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena. B’ “’il quddiem” nifhem il-progress li jitkatta...