28543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’ħidma saret mill-Kummissjoni Għolja Maltija fil-Ghana matul is-sena 2024?
22/05/2025
ONOR. IAN BORG: Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul l-2024, il-Kummissjoni Għolja ta’ Malta f’Accra kompliet issaħħaħ ir-relazzjoni bilaterali bejn Malta u l-Ghana, f’oqsma strateġiċi bħall-kummerċ, l-iżvilupp, il-kultura u d-diplomazija.
Mill-aspett kummerċjali, il-Kummissjoni appoġġat seba’ kumpaniji Maltin li kisbu riżultati konkreti, inkluż ftehim għal faċilità medika, bejgħ ta’ assi tal-avjazzjoni, u proġetti fil-kostruzzjoni u fl-agrikoltura. Barra minn hekk, tnax-il kumpanija Maltija għamlu żjara l-Ghana. Żdied ukoll l-interess minn kumpaniji ġodda, li wassal li llum il-Ghana tinsab fil-ħames post fost id-destinazzjonijiet ta’ esportazzjoni barra mill-UE. Din hija partikularment sinifikanti minħabba li l-kummerċ bilaterali bejn Malta u l-Ghana kien kważi ineżistenti qabel it-twaqqif tal-Kummissjoni Għolja. Minn naħa tal-Ghana, il-Kummissjoni Għolja ffaċilitat it-twaqqif ta’ żewġ kumpaniji mill-Ghana f’Malta, it-tnejn li huma joperaw fis-settur tal-intelliġenza artifiċjali u l-ICT.
Il-Kummissjoni Għolja kienet ukoll involuta b’mod attiv fil:
• Malta Enterprise Startup Festival u l-EU Startup Summit f’Malta;
• L-EU-Ghana Business Forum u l-West Africa Building & Construction Exhibition fil-Ghana.
Fl-iżvilupp, il-Kummissjoni ffaċilitat boroż ta’ studju u apprentistati għal 18-il persuna, u appoġġat diversi inizjattivi edukattivi u soċjali ma’ NGOs lokali. Saru wkoll kollaborazzjonijiet ma’ istituzzjonijiet akkademiċi Ghanjani, partikolarment fl-agrikoltura u s-sigurtà marittima.
Fil-qasam kulturali, il-Kummissjoni appoġġat il-kooperazzjoni bejn AP Valletta u msieħba Ghanjani fuq il-wirt arkitettoniku, li wasslet għall-pubblikazzjoni ta’ studju u restawr ta’ siti storiċi. Iffaċilitat ukoll l-iffilmjar tas-serje televiżiva “Liquorish” fil-Ghana.
Politikament, minkejja li kienet sena elettorali fil-Ghana, il-Kummissjoni rnexxielha tiffinalizza u tiffirma żewġ Memoranda ta’ ftehim (MoU), iffukati fuq l-istandardizzazzjoni tal-kompetenzi fi ħdan il-Malta Medicines Authority u l-Malta Competition and Consumer Affairs Authority (MCCAA). Dawn il-Memoranda ġew ikkumplementati minn żjarat uffiċjali mill-Ghana Standards Authority u il-Ghana Food and Drugs Authority. Barra minn hekk, il-Kummissjoni Għolja ffaċilitat l-iffirmar ta’ tliet Memoranda oħra bejn is-settur privat Malti ma’ entitajiet governattivi u istituzzjonijiet akkademiċi Ghanjani.
Kien hemm ukoll żjara statali f’Marzu li ġiet ikkoordinata b’suċċess mill-istess Kummissjoni. Inoltre, l-impjegati tal-Kummissjoni Għolja pparteċipaw f’missjonijiet ta’ osservazzjoni tal-elezzjonijiet, u taw sehemhom f’għadd ta’ gruppi ta’ ħidma relevanti fl-aħħar parti tas-sena.
Dan l-ingaġġ jikkonferma l-impenn ta’ Malta lejn relazzjoni serja u sostenibbli ma’ wieħed mill-imsieħba l-aktar stabbli tal-Afrika tal-Punent, fil-kuntest tal-Istrateġija Nazzjonali Afrikana tagħna.
Seduta 347
27/05/2025
No comments:
Post a Comment