28544. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’ħidma saret minn pajjiżna fi ħdan l-Unjoni Afrikana matul l-aħħar tliet snin u ċjoè matul is-snin 2022, 2023 u 2024?
22/05/2025
ONOR. IAN BORG: Ninforma lill-Onor. Interpellant
illi matul il-perjodu 2022 - 2024, Malta kompliet issaħħaħ ir-relazzjoni tagħha
mal-Unjoni Afrikana (UA) bħala Stat osservatur. L-ingaġġ ta’ Malta mal-UA iseħħ
primarjament permezz tal-Ambaxxata tagħna f’Addis Ababa, akkreditata
mal-Kummissjoni tal-UA. Dan ir-rwol jippermetti komunikazzjoni kontinwa,
segwitu istituzzjonali u kontribuzzjoni politika kostanti.
L-Ambaxxata Maltija f’Addis Ababa għandha funzjoni ewlenija
mhux biss fil-monitoraġġ u l-lobbying, imma wkoll fil-promozzjoni tal-valuri
Ewropej fil-kuntest Afrikan, speċjalment f’oqsma bħal paċi u s-sigurtà,
il-governanza tal-migrazzjoni u s-sigurtà marittima.
Fuq livell tematiku, Malta tiffoka fuq oqsma fejn għandha
valur miżjud: l-edukazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, il-wirt kulturali u l-liġi
marittima. Għal diversi drabi, l-Ambaxxata ġiet mitluba tikkontribwixxi
f’diskussjonijiet dwar il-politiki Afrikani f’dawn is-setturi, fosthom dawk
relatati mal-Istati Gżejjer Żgħar u l-ekonomija blu.
Malta tagħmel użu wkoll min-netwerks multilaterali, inkluż
il-Commonwealth u l-UNESCO, biex tappoġġa inizjattivi ta’ kooperazzjoni u
kandidaturi strateġiċi, fosthom għall-Kunsill tal-IMO.
Ir-rappreżentanza ta’ Malta kkontribwiet b’mod regolari
fil-formulazzjoni tal-politiki tal-UE lejn l-Afrika permezz tal-Grupp COAFR,
kif ukoll fil-kuntest tal-laqgħat mal-EUSR għall-Afrika. Malta kienet preżenti
wkoll fis-Summit UE–UA tal-2022 fi Brussell, fejn ġiet adottata d-Dikjarazzjoni
Konġunta favur sħubija ġusta u proprjetà Afrikana tas-soluzzjonijiet.
B’mod konsistenti, Malta enfasizzat l-importanza ta’
koerenza bejn l-inizjattivi Ewropej u l-prijoritajiet Afrikani, inkluż dawk ta’
komunitajiet bħall-ECOWAS u l-AES.
Fl-aħħar nett, l-esperjenza miġbura f’dawn it-tliet snin
qed tiddawwar f’kontribut għat-tfassil tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Afrika
2025–2030. L-għan hu li Malta tkompli tkun sieħeb kredibbli, proporzjonat u
allinjat mal-viżjoni tal-kontinent Afrikan u l-UE.
Seduta 348
28/05/2025
No comments:
Post a Comment