28539. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’ħidma saret mill-Ambaxxata ta’ Malta fil-Kajr matul is-sena 2024?
22/05/2025
ONOR. IAN BORG: Ninforma lill-Onor.
Interpellant li l-ħidma u inizjattivi li ittieħdu mill-Ambaxxata ta’ pajjiżna
għall-Eġittu tul is-sena 2024 huma:
Introduzzjoni
L-Ambaxxatur Roberto Pace qiegħed iservi bħala l-Ambaxxatur ta’ Malta ġewwa
l-Eġittu, u huwa akkreditat ukoll għas-Sudan.
Fis-sena 2024 saru sensiela ta’ laqgħat bilaterali ma’ Ministri u uffiċjali
Eġizzjani, li jirriflettu r-rabtiet sodi bejn iż-żewġ pajjiżi. Dawn l-impenji
komplew isaħħu l-kooperazzjoni f’oqsma bħall-kummerċ, l-enerġija,
is-sostenibbiltà, il-migrazzjoni, u l-kura soċjali. Ġew iffirmati wkoll żewġ
Memoranda ta’ Ftehim importanti fl-oqsma tal-enerġija u l-politika soċjali.
Fl-istess ħin, tniedu inizjattivi ġodda biex jiġu mħeġġa r-rabtiet kulturali u
soċjali bejn il-komunitajiet Maltin u Eġizzjani.
Fl-istess sena, is-sitwazzjoni fis-Sudan kompliet tiggrava minħabba
l-gwerra ċivili li qed tikkawża ħsarat kbar u sfidi umanitarji drastiċi.
L-Ambaxxata kompliet bil-ħidma tagħha sabiex tagħmel analiżi kontinwa
tas-sitwazzjoni politika u umanitarja fis-Sudan u tassisti fl-isforzi ta’ paċi
u stabbiltà fir-reġjun.
Bilaterali
Matul dawn l-aħħar tnax-il xahar, il-ħidma kienet mifruxa kif indikat hawn
taħt:
Eġittu
- Analiżi tas-sitwazzjoni politika fil-pajjiż, inkluż monitoraġġ regolari
tal-iżviluppi politiċi u istituzzjonali, il-politika barranija tal-Eġittu, u
l-impatt tagħhom fuq ir-reġjun u fuq l-interessi ta’ Malta fil-Mediterran u
fil-Lvant Nofsani.
- Diskussjonijiet regolari mal-Ambaxxaturi u d-Deputati tal-pajjiżi
tal-Unjoni Ewropea fuq żviluppi fl-Eġittu, kif fuq interessi u pożizzjonijiet
komuni.
- Taħditiet interni kontinwi mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u
t-Turiżmu ta’ Malta dwar il-politika Maltija lejn il-Lvant Nofsani, kif ukoll
dwar diversi temi li jolqtu r-relazzjonijiet bilaterali u dawk reġjonali,
inkluż l-enerġija rinnovabbli, il-migrazzjoni, il-kummerċ, is-sigurtà
marittima, u l-kooperazzjoni ekonomika u kulturali.
- Taħditiet mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Eġittu u mal-Uffiċċju
tas-Servizzi tas-Sigurtà Eġizzjan fir-rigward tas-sigurtà domestika u l-impatt
fuq ċittadini u interessi Maltin.
- Diskussjonijiet u koordinazzjoni ma’ diversi Ministeri tal-Eġittu waqt
diversi laqgħat u żjarat, fosthom iż-żjara f’Malta tal-Ministru għall-Elettriku
u l-Enerġija Rinnovabbli, Dr Mohamed Shaker El-Markabni, kif ukoll iż-żjarat
fl-Eġittu tal-Ministru għall-Inklużjoni u s-Settur Volontarju, Julia Farrugia,
u tal-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, Miriam Dalli.
- Parteċipazzjoni f’diversi avvenimenti kulturali, konsolari, ekonomiċi,
politiċi u diplomatiċi organizzati mill-Ministeri Eġizzjani, mill-Unjoni
Ewropeja u mill-korp diplomatiku fil Kajr u f’Lixandra, bħala parti mill-ħidma
diplomatika ta’ rutina.
- Laqgħat u taħditiet mal-Ministeru tal-Avjazzjoni Ċivili, ma’ linji
tal-ajru, mas-settur privat dwar il-potenzjal fil-qasam tat-turiżmu, b’enfasi
fuq l-esplorazzjoni ta’ rotot ġodda diretti bejn iż-żewġ pajjiżi.
- Taħditiet dwar diversi Memorandum ta’ Ftehim bejn Malta u l-Eġittu li
għadhom qed jiġu negozjati, li jkopru oqsma ta’ interess reċiproku.
- Appoġġ għal artisti u riċerkaturi Maltin li jixtiequ jikkollaboraw jew
jesebixxu l-ħidma tagħhom fl-Eġittu, kif ukoll promozzjoni ta’ boroż ta’ studju
u laqgħat skont it-tema tal-borża ta’ studju (bħal MEDAC u-Sigurtà Marittima).
- Arranġament ta’ sapport reċiproka bejn l-Eġittu u Malta għall-kandidatura
taż-żewġ pajjiżi fil Kategorija C tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni Marittima
Internazzjonali.
- Diskussjonijiet mal-UE u mal-gvern Eġizzjan fuq medda ta’ xhur li
finalment wasslu għall-evakwazzjoni ta' pazjenti mediċi Palestinjani minn Gaza
f'April 2025.
- Appoġġ kontinwu liċ-ċittadini u turisti Maltin fl-Eġittu, inkluż
f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza konsulari jew każijiet ta’ vulnerabilità.
Sudan
- Analiżi kontinwa tas-sitwazzjoni politika u umanitarja fis-Sudan biex
jinftiehem aħjar l-impatt fuq ir-reġjun u l-politika ta’ Malta.
- Diskussjonijiet regolari mal-Ambaxxaturi u d-Deputati tal-pajjiżi tal-UE
għas-Sudan, speċjalment dawk li jkopru s-Sudan u l-pajjiżi tal-madwar
mill-Kajr.
- Taħditiet Interni kontinwi mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u
t-Turiżmu ta’ Malta dwar diversi temi li jolqtu r-relazzjonijiet bilaterali u
dawk reġjonali, inkluż l-iżvilupp tas-sitwazzjoni umanitarja fis-Sudan,
il-migrazzjoni, u l-appoġġ għal inizjattivi ta’ paċi u stabbiltà fir-reġjun.
- Taħditiet mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Eġittu dwar
is-sitwazzjoni fis-Sudan, b’attenzjoni għar-rwol tal-Eġittu fil-ħidma ta’
medjazzjoni u stabilizzazzjoni fir-reġjun.
Seduta 347
27/05/2025
No comments:
Post a Comment