1. Iktar ma jgħaddu l-jiem, iktar huwa evidenti li d-dinja mhijiex ser tidħol f’perjodu ta’ paċi. Ma’ kull xahar qed nassistu għal iktar kumplikazzjonijiet u qed jiżvolġu xenarji differenti. Ma nafx kemm minn dak li beda għaddej bejn l-Iran, l-Iżrael u l-Istati Uniti ser isolvi dak li għaddej f’Gaża u fl-Ukrajna. Tant il-bilanċi huma delikati, li għalkemm jista’ għal xi wħud jidher li qed isiru xi manuvri militari ta’ ‘suċċess’, fil-fatt qed jinżergħu raġunijiet ta’ iktar riżentimenti futuri. Dak li qiegħed iseħħ illum, għada pitgħada ser ikollu l-effetti tiegħu. Diġà qed imissu ma’ dak li sar żbaljat fil-passat imma issa, minflok qed insolvu, qed inkomplu nżidu r-raġunijiet biex inkomplu għaddejjin bl-inkwiet fil-futur.
Ma naħsbux
2. Ma nimmaġinawx li dak li għaddej mhuwiex, f’xi mument, b’xi mod, ser jolqot l-interessi tagħna. L-iktar, ċertament, dak marbut mal-paċi. Pajjiżna jikber u javvanza skont kemm ikollna trankwillità u nuqqas ta’ ġlied fir-reġjun. Il-kummerċ, ir-relazzjonijiet umani, ir-rabtiet sħaħ ta’ popli jżidu fid-demokrazija l-ġid, il-ġustizzja soċjali u l-progress. Meta dan il-proċess uniku jibqa’ lura, allura daqshekk ieħor ċiviltajiet bħal tagħna jieqfu. Il-bnedmin huma importanti. Jgħixu fejn jgħixu. Ma hemmx dawk li għandhom dritt li jgħixu u oħrajn li le. M’hemmx ġustifikazzjoni f’li wieħed jiddeċiedi li xi ħadd għandu dritt jattakka u joqtol uħud, metri oħrajn huma għalih protetti. F’nuqqas ta’ ġustizzja, kull xenarju dinji jmur lura. Għalhekk nibqgħu nemmnu li mingħajr ġustizzja u paċi ma nistgħux naraw futur sod.
F’kull rokna
3. Dan deher iktar ċar quddiemi f’dawn il-jiem fil-bnedmin li naf fl-irkejjen kollha ta’ pajjiżna. Kull persuna hija importanti u kull wieħed u waħda minna jrid jiġi rispettat/a. Ħajtu hija dik li trid tiġi protetta fid-dinjità umana li tixraqlu. Pożizzjoni li ħafna drabi ninsew. Pożizzjoni li nittraskuraw imma li trid tiġi lura għad-dibattitu u għall-prijorità. Hekk ħassejt u ħsibt waqt li sibt ruħi f’dawn il-jiem nattendi għal żewġ funerali. Waqt li kont għal wieħed fil-Gudja, f’dan ir-raħal mill-isbaħ u mimli bnedmin attivi għall-ħajja tal-post, f’dan dort madwari. F’temp ta’ ftit jiem ġew imsejħa lura żewġ persuni li sirt naf mill-viċin tul dawn l-aħħar snin. It-tnejn marbuta flimkien ma’ passat li sawwar lil pajjiżna. Għax minkejja li għaddew is-snin, xorta wieħed irid jirrikonoxxi li dak li ġara fil-5 ta’ Diċembru 1986 kien determinanti sabiex bidel il-futur ta’ dan il-poplu lejn id-demokrazija, il-paċi u l-istabilità.
Jimmy Caruana
4. Kien jiġi ħu l-persuna li ġiet maqtula fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista ġewwa l-Gudja: Raymond Caruana. Kienet ferita fonda li baqgħet ħajja tul ħajtu kollha. Waħda li kienet terġa’ tinfetaħ fid-demm li nxtered u dan kull darba li kull sena l-Partit jikkommemorah u jiftakar fih. Dejjem attent għall-oħrajn u miftuħ għal diversi li kienu jkellmuh sabiex jifhmu dak li għadda minnu. Stmat minn kull persuna fir-raħal, b’rispett kbir. Ammirazzjoni, u fl-istess ħin, viċinanza. Għadhom ċari quddiemi l-passi tiegħu mill-Knisja sal-Każin, akkumpanjat minn martu, hija wkoll mimlija bi ħlewwa, kif ukoll dawk li kienu jersqu jkellmuh. Dejjem bi kliem meqjus u bi ħsibijiet ippreparati. Ma jweġġgħax, anki jekk fil-fond ta’ qalbu kien imweġġa’, b’għajta li titlob spjegazzjoni lill-istorja. Kull darba li kellimtu kelli l-pjaċir nagħraf kemm kien bniedem twajjeb, li minn fommu ma smajt ebda diskors żbaljat. Kellu għaqal uniku, li b’mod partikolari, il-bnedmin tal-ġenerazzjoni tiegħu għandhom f’dak ir-raħal. Miftuħ u b’qalb kbira. Jaf il-valuri u l-prinċipji li sawruhom. Kif kulħadd f’moħħu u f’qalbu jiftakar kif missierhom, fil-funeral tal-għażiż Raymond, kien tela’ sabiex jaħfer lil min qatel lill-mimmi t’għajnejh. Insara konvinti u prattikanti.
Anthony Brincat
5. Ftit warajh miet Anthony Brincat, magħruf aktar bħala ‘Il-Kobra’. Persuni li ċertament Jimmy u hu kienu jafu sew lil xulxin. Bnedmin imsawrin u mbasktin fid-dinja li dan il-post isarraf u jagħti. Realtà li f’dan missejt meta bdejt niffrekwenta l-Każin tal-Partit il-Ħadd filgħodu. Fil-bidu kont, anki jekk ma jingħadlix, insib quddiemi tabella xejn viżibbli li fiha kont indikat bħala l-barrani u t-temporanju. Imma Ħadd wara Ħadd bdejt insir naf lil dawk li jiffrekwentawh u almenu kont ġejt aċċettat. Fost dawn kien hemm dak li kien jiġi ndikat bħala sempliċement ‘Il-Kobra’. Ebda isem jew kunjom: sempliċement il-laqam. Kellu moħħ preċiż, b’ilsien li trid tkun attent il-ħin kollu għalih, l-iktar fuq il-botti daqqa biċ-ċajt u daqqa naqra inqas tiegħu. Wieħed li ‘jigdem’ il-kuxjenza tiegħek. Kien ifendi, u kull darba ridt inkun ippreparat mentalment sew miegħu għal kull round għax ma stajtx infalli fl-eżami li kien qiegħed isirli.
Ħbiberija
6. F’dan, fi tnax-il sena, bnejt ħbiberija partikolari. Kont inħares ’il quddiem li niltaqa’ miegħu, iktar u iktar ukoll meta skoprejna li t-tnejn konna nħobbu l-inbid tajjeb. Kien jagħti l-opinjoni meqjusa tiegħu bil-metodu partikolari tiegħu. Vuċi tal-poplu veru. Kien dak li, kif qrajt f’kitbet Luigi Maria Epicoco, jieħu u jagħti parir: “Inżommu għajnejna miftuħin fuq il-preżent: inħallu r-realtà li qed ngħixu tinterrogana; ma nkunux sempliċement preżenti fid-dinja imma għandna nintebħu b’dak li d-dinja qed tgħidilna.” Fil-Każin, hu u l-ankra soda l-oħra, Horace, kienu kapaċi jifhmu u jagħtuk gwida. Jagħrfu dak li huwa awtentiku minn dak li le. Smajt ħafna rakkonti tal-passat, imma d-dibattitu kien dejjem f’postu. Jekk għall-oħrajn kien jgħaddi argument, għalih le. Jieħu s-siġġu tan-nofs u b’ferħ dejjiemi jibdel jew iġib il-punt ’il quddiem. Kellu qalb kbira u miftuħa għal kulħadd, b’sentimenti mill-iktar nobbli. F’dan kien jidħol fil-Każin bħal żiffa, mimli enerġija. Imħabba għamja lejn familtu u lejn il-karozza speċjali li kellu. Sirna ħbieb u f’dan kien irnexxielu jiġbidli saqajja tajjeb ħafna. L-aħħar waħda kienet dik marbuta ma’ Sant’Antnin, li xtara statwa tiegħu wara li kien għamel wegħda biex jien jirnexxili nerġa’ niġi elett.
Rabtiet
7. Fil-fatt, pajjiżna huwa mimli bi bnedmin twajba u umli, li jaħdmu b’dedikazzjoni ħajjithom kollha, anki wara l-età tal-pensjoni. Bnedmin li tħarrku b’direzzjoni waħda lejn il-ġustizzja, l-ugwaljanza, is-solidarjetà, il-maħfra, l-imħabba u l-ħniena. Kemm għandna wirt uniku f’dan. Kemm għandna raġunijiet biex inkunu grati lejhom u napprezzawhom. Ċert f’dan li sija Jimmy, kif ukoll ‘Il-Kobra’, qed igawdu lil xulxin u l-premju tal-ħajja ta’ dejjem, li jixirqilhom. Nittama dejjem li nibqgħu nirrispettaw sew u kif jixraq il-memorja tagħhom, anke jekk nafu li d-dinja tibqa’ għaddejja.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
27.6.25
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
IMTIEĦEN - RAPPORTI
29302. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-misto...
-
9944. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza: Jista’ l-Ministru jgħid ke...
-
10922. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qegħdin...
-
1. Din il-ġimgħa, l-kriżi finanzjarja li ilna naraw l-effetti negattivi tagħha kompliet b’fażi differenti u li qabel ma konniex...
No comments:
Post a Comment