1. Iktar ma jgħaddu l-jiem, iktar huwa evidenti li d-dinja mhijiex ser tidħol f’perjodu ta’ paċi. Ma’ kull xahar qed nassistu għal iktar kumplikazzjonijiet u qed jiżvolġu xenarji differenti. Ma nafx kemm minn dak li beda għaddej bejn l-Iran, l-Iżrael u l-Istati Uniti ser isolvi dak li għaddej f’Gaża u fl-Ukrajna. Tant il-bilanċi huma delikati, li għalkemm jista’ għal xi wħud jidher li qed isiru xi manuvri militari ta’ ‘suċċess’, fil-fatt qed jinżergħu raġunijiet ta’ iktar riżentimenti futuri. Dak li qiegħed iseħħ illum, għada pitgħada ser ikollu l-effetti tiegħu. Diġà qed imissu ma’ dak li sar żbaljat fil-passat imma issa, minflok qed insolvu, qed inkomplu nżidu r-raġunijiet biex inkomplu għaddejjin bl-inkwiet fil-futur.
Ma naħsbux
2. Ma nimmaġinawx li dak li għaddej mhuwiex, f’xi mument, b’xi mod, ser jolqot l-interessi tagħna. L-iktar, ċertament, dak marbut mal-paċi. Pajjiżna jikber u javvanza skont kemm ikollna trankwillità u nuqqas ta’ ġlied fir-reġjun. Il-kummerċ, ir-relazzjonijiet umani, ir-rabtiet sħaħ ta’ popli jżidu fid-demokrazija l-ġid, il-ġustizzja soċjali u l-progress. Meta dan il-proċess uniku jibqa’ lura, allura daqshekk ieħor ċiviltajiet bħal tagħna jieqfu. Il-bnedmin huma importanti. Jgħixu fejn jgħixu. Ma hemmx dawk li għandhom dritt li jgħixu u oħrajn li le. M’hemmx ġustifikazzjoni f’li wieħed jiddeċiedi li xi ħadd għandu dritt jattakka u joqtol uħud, metri oħrajn huma għalih protetti. F’nuqqas ta’ ġustizzja, kull xenarju dinji jmur lura. Għalhekk nibqgħu nemmnu li mingħajr ġustizzja u paċi ma nistgħux naraw futur sod.
F’kull rokna
3. Dan deher iktar ċar quddiemi f’dawn il-jiem fil-bnedmin li naf fl-irkejjen kollha ta’ pajjiżna. Kull persuna hija importanti u kull wieħed u waħda minna jrid jiġi rispettat/a. Ħajtu hija dik li trid tiġi protetta fid-dinjità umana li tixraqlu. Pożizzjoni li ħafna drabi ninsew. Pożizzjoni li nittraskuraw imma li trid tiġi lura għad-dibattitu u għall-prijorità. Hekk ħassejt u ħsibt waqt li sibt ruħi f’dawn il-jiem nattendi għal żewġ funerali. Waqt li kont għal wieħed fil-Gudja, f’dan ir-raħal mill-isbaħ u mimli bnedmin attivi għall-ħajja tal-post, f’dan dort madwari. F’temp ta’ ftit jiem ġew imsejħa lura żewġ persuni li sirt naf mill-viċin tul dawn l-aħħar snin. It-tnejn marbuta flimkien ma’ passat li sawwar lil pajjiżna. Għax minkejja li għaddew is-snin, xorta wieħed irid jirrikonoxxi li dak li ġara fil-5 ta’ Diċembru 1986 kien determinanti sabiex bidel il-futur ta’ dan il-poplu lejn id-demokrazija, il-paċi u l-istabilità.
Jimmy Caruana
4. Kien jiġi ħu l-persuna li ġiet maqtula fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista ġewwa l-Gudja: Raymond Caruana. Kienet ferita fonda li baqgħet ħajja tul ħajtu kollha. Waħda li kienet terġa’ tinfetaħ fid-demm li nxtered u dan kull darba li kull sena l-Partit jikkommemorah u jiftakar fih. Dejjem attent għall-oħrajn u miftuħ għal diversi li kienu jkellmuh sabiex jifhmu dak li għadda minnu. Stmat minn kull persuna fir-raħal, b’rispett kbir. Ammirazzjoni, u fl-istess ħin, viċinanza. Għadhom ċari quddiemi l-passi tiegħu mill-Knisja sal-Każin, akkumpanjat minn martu, hija wkoll mimlija bi ħlewwa, kif ukoll dawk li kienu jersqu jkellmuh. Dejjem bi kliem meqjus u bi ħsibijiet ippreparati. Ma jweġġgħax, anki jekk fil-fond ta’ qalbu kien imweġġa’, b’għajta li titlob spjegazzjoni lill-istorja. Kull darba li kellimtu kelli l-pjaċir nagħraf kemm kien bniedem twajjeb, li minn fommu ma smajt ebda diskors żbaljat. Kellu għaqal uniku, li b’mod partikolari, il-bnedmin tal-ġenerazzjoni tiegħu għandhom f’dak ir-raħal. Miftuħ u b’qalb kbira. Jaf il-valuri u l-prinċipji li sawruhom. Kif kulħadd f’moħħu u f’qalbu jiftakar kif missierhom, fil-funeral tal-għażiż Raymond, kien tela’ sabiex jaħfer lil min qatel lill-mimmi t’għajnejh. Insara konvinti u prattikanti.
Anthony Brincat
5. Ftit warajh miet Anthony Brincat, magħruf aktar bħala ‘Il-Kobra’. Persuni li ċertament Jimmy u hu kienu jafu sew lil xulxin. Bnedmin imsawrin u mbasktin fid-dinja li dan il-post isarraf u jagħti. Realtà li f’dan missejt meta bdejt niffrekwenta l-Każin tal-Partit il-Ħadd filgħodu. Fil-bidu kont, anki jekk ma jingħadlix, insib quddiemi tabella xejn viżibbli li fiha kont indikat bħala l-barrani u t-temporanju. Imma Ħadd wara Ħadd bdejt insir naf lil dawk li jiffrekwentawh u almenu kont ġejt aċċettat. Fost dawn kien hemm dak li kien jiġi ndikat bħala sempliċement ‘Il-Kobra’. Ebda isem jew kunjom: sempliċement il-laqam. Kellu moħħ preċiż, b’ilsien li trid tkun attent il-ħin kollu għalih, l-iktar fuq il-botti daqqa biċ-ċajt u daqqa naqra inqas tiegħu. Wieħed li ‘jigdem’ il-kuxjenza tiegħek. Kien ifendi, u kull darba ridt inkun ippreparat mentalment sew miegħu għal kull round għax ma stajtx infalli fl-eżami li kien qiegħed isirli.
Ħbiberija
6. F’dan, fi tnax-il sena, bnejt ħbiberija partikolari. Kont inħares ’il quddiem li niltaqa’ miegħu, iktar u iktar ukoll meta skoprejna li t-tnejn konna nħobbu l-inbid tajjeb. Kien jagħti l-opinjoni meqjusa tiegħu bil-metodu partikolari tiegħu. Vuċi tal-poplu veru. Kien dak li, kif qrajt f’kitbet Luigi Maria Epicoco, jieħu u jagħti parir: “Inżommu għajnejna miftuħin fuq il-preżent: inħallu r-realtà li qed ngħixu tinterrogana; ma nkunux sempliċement preżenti fid-dinja imma għandna nintebħu b’dak li d-dinja qed tgħidilna.” Fil-Każin, hu u l-ankra soda l-oħra, Horace, kienu kapaċi jifhmu u jagħtuk gwida. Jagħrfu dak li huwa awtentiku minn dak li le. Smajt ħafna rakkonti tal-passat, imma d-dibattitu kien dejjem f’postu. Jekk għall-oħrajn kien jgħaddi argument, għalih le. Jieħu s-siġġu tan-nofs u b’ferħ dejjiemi jibdel jew iġib il-punt ’il quddiem. Kellu qalb kbira u miftuħa għal kulħadd, b’sentimenti mill-iktar nobbli. F’dan kien jidħol fil-Każin bħal żiffa, mimli enerġija. Imħabba għamja lejn familtu u lejn il-karozza speċjali li kellu. Sirna ħbieb u f’dan kien irnexxielu jiġbidli saqajja tajjeb ħafna. L-aħħar waħda kienet dik marbuta ma’ Sant’Antnin, li xtara statwa tiegħu wara li kien għamel wegħda biex jien jirnexxili nerġa’ niġi elett.
Rabtiet
7. Fil-fatt, pajjiżna huwa mimli bi bnedmin twajba u umli, li jaħdmu b’dedikazzjoni ħajjithom kollha, anki wara l-età tal-pensjoni. Bnedmin li tħarrku b’direzzjoni waħda lejn il-ġustizzja, l-ugwaljanza, is-solidarjetà, il-maħfra, l-imħabba u l-ħniena. Kemm għandna wirt uniku f’dan. Kemm għandna raġunijiet biex inkunu grati lejhom u napprezzawhom. Ċert f’dan li sija Jimmy, kif ukoll ‘Il-Kobra’, qed igawdu lil xulxin u l-premju tal-ħajja ta’ dejjem, li jixirqilhom. Nittama dejjem li nibqgħu nirrispettaw sew u kif jixraq il-memorja tagħhom, anke jekk nafu li d-dinja tibqa’ għaddejja.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Showing posts with label Raymond Caruana. Show all posts
Showing posts with label Raymond Caruana. Show all posts
27.6.25
5.12.11
Ma nistgħux ninsew
2. Ma nistgħux ninsew li dawk kienu jiem li fihom il-pajjiż kien għadu qiegħed jirkupra mill-qatgħa li kien ħa wara l-meeting tal-Barrani. Dak li ġara f’dik it-triq kien għadu jidwi mal-poplu kollu. In-nies twajba kienu għadhom inkwetati taħt id-dell ta’ traġedja nazzjonali – oħrajn fuq in-naħa l-oħra kienu qed iħossuhom b’saħħithom, mimlijin bl-arja li s-saħħa tal-vjolenza tirbaħ fuq kull forza ta’ raġuni. Kienu jiem meta f’dik it-triq kien għad hemm fl-arja r-riħa tqila tal-gass tad-dmugħ, imħallta b’dik ta’ vetturi maħruqa u abbandunati fit-triq. Riħa li kienet għadha ddur b’saħħa qawwija, anke mal-irħula tal-madwar, ġewwa l-qalba tal-Gudja. Kull min għadda l-għada, il-pitgħada, kien jaf li kien għaddej minn ċimiterju fejn il-Partit Laburista ta’ dak iż-żmien kien ipprova jidfen id-demokrazija. Il-vetturi tan-nies kienu tkissru, tfarrku u inħarqu. L-art tat-triq kienet hija wkoll inħarqet u baqgħet hekk għal ħafna żmien rikordju ta’ kull jum għal dawk li kienu jafu x’ġara hemm.
3. Ma nistgħux ninsew l-arja li biha dawk tal-qalba tal-Partit Laburista kienu jittrattaw lill-bqija tal-poplu. Kienu rikbu fuq ras kulħadd. Kienu jiddettaw x’għandu jsir u min għandu jinqeda u fuq x’hiex. Bnedmin li ntilfu fl-arroganza, f’aġir xejn tajjeb li fih oħrajn kienu jbatu. Din il-mentalità u kulturam, li ħadet iktar saħħa f’dawk il-jiem, kienet ilha ġejja s-snin. Il-poter assolut, dak li wassalhom għalih kien nibet u ssaħħaħ fis-snin, mhux fil-jiem. Kienu dawn it-talin mimlijin bl-arja li ħassew li f’Tal-Barrani kienu rebħu l-ġlieda, li n-Nazzjonalisti kienu tilfu u għalhekk ma kien hemm xejn li jista’, b’xi mod, ineħħihom mill-poter u ntilfu f’kunfidenza żejda. Diġà hija serja li jkollok arma tan-nar semi-awtomatika f’idejk, f’vettura ddur it-toroq biha, aħseb u ara li tasal li tużaha fuq il-bnedmin biex tkompli tbeżża’, biex tkompli turi s-supremazija tiegħek fuq in-Nazzjonalisti.
4. Ma nistgħux ninsew lil dak iż-żagħżugħ ġentili, umli, mimli saħħa. Ma kienx qed jisfida, ma kienx qiegħed jagħmel atti żbaljati, kien qiegħed sempliċement, b’mod onest u paċifiku, jieħu tazza birra. Dik il-balla li ħarġet minn dik l-arma wasslet għall-mewt ta’ Raymond. Ta’ dan it-tesserat li kont iltqajt miegħu fl-attivitajiet tal-partit hemmhekk fi drabi oħra. Bniedem umli, mistħi, li kien iffukat b’ruħu u b’ġismu sabiex jibni d-dar fejn kien ippropona li jmur jgħix. Dik il-balla miċidjali marret tistrieħ fil-ġisem ta’ din il-persuna. Laqtitu u qatlitu f’sekonda, mingħajr ħniena. F’daqqa kien mal-art tal-Każin tal-partit u d-demm ħaj, żagħżugħ, b’saħħtu, beda jinfirex biċċa biċċa b’mod gradwali.
5. Ma nistgħux ninsew dik ix-xena. Għadha f’moħħna, fil-memorja nġorruha magħna. Ġuvni fl-aqwa tiegħu minxur mal-art, f’għadira demm u tlett kapijiet tal-partit iħarsu lejn, ma jistgħux jemmnu. Niftakar ċar dak il-jum, meta l-għażiż missieri ġie lura d-dar. Il-wiċċ, il-ħarsa tiegħu, kienu jgħidu kollox. Kien ċar li l-vjolenza ta’ dawk il-jiem kienet żvugat f’biċċa oħra. Il-Partit Nazzjonalista kellu x’jara u x’jikkumbatti. Aġir anti-demokratiku jiġi kkuntrastat b’wieħed demokratiku. Kienu jiem iebsa ħafna għal dawk li riedu verament il-ġid lil dan il-poplu tagħna. Għal dawk li ma riedux jisfruttaw, imma li jservu sabiex terġa’ tirrenja l-paċi, sabiex il-futur jerġa’ jibda għaddej.
6. Ma nistgħux ninsew lill-għażiż Ray, li neħħewlu ħajtu balal sparati minn id omiċida ta’ bnedmin li kienu tant ħadu kunfidenza bil-pajjiż li setgħu jagħmlu li jridu. Illum, ħamsa u għoxrin sena wara, niftakar mill-ġdid il-jiem ta’ qabel, ta’ wara u l-funeral. Niftakar ukoll l-attivitajiet li seħħew wara. Niftakar dawk il-jiem, it-tensjoni kbira li kien hemm. Niftakar l-attività li konna organizzajna fil-Ħamrun, fejn fakkarnih bi slides. Dawk ir-ritratti, li kont mort qabel flimkien mas-segretarju organizzattiv Ray Cassar (li kien jafu aħjar minni) nieħdu post post biex tibqa’ memorja aktar qawwija tiegħu. Kienu jiem li ma nistgħux ninsew. Jiem li jibqgħu fil-memorja tagħna lkoll. Għalkemm għaddew ħamsa u għoxrin sena, xorta nibqgħu niftakru kif bniedem umli u twajjeb tilef ħajtu taħt il-balal tal-arroganza tal-poter.
Subscribe to:
Posts (Atom)
ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET
35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...
-
27921. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista’ d-Deputa...
-
12444. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jgħid...
-
10922. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qegħdin...