18.11.25

VUĊIJIET GĦAS-SEWWA

1. Dawk li jkollhom il-poter, ħafna drabi jinsew li hemm linja importanti fil-ġudizzju tal-ħajja. Dik li permezz tagħha tagħżel dak li huwa sewwa minn dak li mhuwiex. Diversi drabi jaraw dak li f’għajnejhom jaqblilhom bħala li huwa s-sewwa, mentri, kif nafu, ma jkunx. F’dan il-proċess li diversi mexxejja jaqgħu fih, inevitabilment jintilfu l-vuċijiet li ma jaqblux magħhom. Il-partit li jkunu magħżula biex imexxu jispiċċa b’inqas persuni fih. Inqas bnedmin li jħarsu li jkunu f’daqqa taħt it-tmexxija tiegħu. Iktar dawk li jaħsbu li kull persuna hija dispensabbli, u li tant huma tajbin li ma’ kull wieħed li ma jibqax jaqbel magħhom ser isibu oħrajn li ser jiġu warajh. Imma dan mhuwiex minnu. Kull bniedem fil-politika jrid jiġi koltivat u huwa indispensabbli. Lezzjonijiet umani li, kif qed naraw, qed jintesew. Jew aħjar, qed jiġu injorati.

Diġà nafu

2. Il-politika diġà, fiha nfisha, mhijiex faċli biex twettaqha. Imma hija iktar ikkumplikata meta dawk il-komponenti li għalik huma kuxjenza, twarrabhom. Ħdejk trid bnedmin li ma jaqblux miegħek. Trid lil dawk li għandhom ideat differenti minn tiegħek. Iktar u iktar meta diġà nafu li hemm poter iswed li jaħdem fid-dlamijiet tal-kurituri. Dawk li fl-aġenda tagħhom m’għandhomx il-prinċipji etiċi Nsara u li jaħsbu li l-poter jista’ jintuża kontra tagħhom. Fil-politika hemm ġlieda għas-sewwa li trid issir li numru ta’ mexxejja jinsew, jew jaħsbu li huma mhumiex hemm għalhekk ukoll. Dak li jsir minnhom fis-sewwa jibqa’ hemm warajhom, u dak li jibnu jkun pedament għall-futur tal-poplu li jkunu ġew magħżula biex imexxu. Jekk il-bnedmin fil-poter ma jkunux ippreparati, jekk ma jkunux miftuħa għal opinjonijiet differenti minn tagħhom, jinħakmu minnu. Jinħakmu mill-velenu li dan iġib miegħu.

David Amess (1952-2021)

3. Ftakart iktar dwar dan quddiem il-memorja ta’ dan il-politiku Ingliż li ġie assassinat fil-15 ta’ Ottubru 2021. Persuna li serva fit-tul lill-kostitwenti tiegħu u lill-Partit Konservattiv li kien jimmilita fih. Bniedem uniku fil-vuċi tiegħu favur dawk li kienu l-iktar ’l isfel fis-soċjetà. Kif kien deskritt minn The Economist ta’ dak iż-żmien: “Sir David was also the quintessential local MP who believed that the highest calling of an elected member was to represent the people to the state rather than the state to the people.” (Sir David kien dak li għandu jkun membru parlamentari lokali, li kien jemmen li l-ogħla sejħa għal membru elett kienet dik li tirrappreżenta lill-poplu lill-Istat u mhux l-Istat lill-poplu.) Il-bniedem li kien iddikjara li: “The rise of professional politicians was turning Parliament into a rubber stamp.” (In-numru akbar ta’ politiċi “professjonisti” kien qed jibdel il-Parlament f’timbru). Ovvjament f’kuntrast tal-post fejn l-ideat varji jiġu u jiġu diskussi u l-aħjar, dawk sewwa, jiġu magħżula.

Dawk li jirrappreżenta

4. Kien il-bniedem li ħalla warajh imġieba eżemplari. Kien, tul ħajtu kollha, Kattoliku konvint u prattikanti. Bniedem li kien iħobb lill-poplu tiegħu. Miftuħ għall-ideat u dejjem irid jiltaqa’ ma’ kemm jista’ jkun bnedmin minn kull triq jew klassi. Ħafna drabi ma’ dawk l-iktar ’l isfel u fil-bżonn. L-istess ġurnal jikteb hekk dwaru, riflessjonijiet li minn dak li qrajt, diversi oħra ħaddnu bħalhom: “Sir David was happiest with his constituents.” (Sir David kien ikun l-iktar ferħan meta kien ikun fost il-kostitwenti tiegħu.) U jkompli: “His proudest achievements were all local – keeping schools and hospitals open and preventing a forest of silver birches from being razed to the ground.” (Dawk li kienu l-iktar atti politiċi li kien kburi bihom kienu kollha marbuta mal-kostitwenza – li nżammu skejjel u sptarijiet miftuħa jew li jżomm foresta ta’ siġar tal-betula (betula pendula) milli jinqatgħu kompletament.)

Eżempju

5. Anki jekk din is-sena għaddew erba’ snin mit-telfa tiegħu, huwa jibqa’ dawl sabiex ikun ta’ gwida għal dawk li jridu jimxu fis-sewwa. Dak li wettaq għadu hemm u dak li kiteb u ddikjara għadu magħna. Bniedem li għandu jgħin lil dawk f’pajjiżna li jridu jaħdmu għas-sewwa fil-pożizzjoni politika kkumplikata tal-lum. Sitwazzjoni li qed taħdem fid-dell tad-dlam, iktar u iktar meta huwa evidenti li dawk li huma segwaċi tas-sewwa qed jiġu mwarrba. Tul dawn is-snin fl-Oppożizzjoni stajt, u għadni nista’ nara bnedmin validi emarġinati, imwarrba, imminati u attakkati. Bnedmin li jridu jaħdmu bi żvantaġġi kbar, waqt li jinżammu lura u fl-irkejjen soċjali. Persuni li jaqraw u jifhmu li l-politika ssir billi jinstemgħu l-vuċijiet sħaħ tas-soċjetà. F’dawn is-snin sibtni nara persuni ta’ esperjenza u ideat validi jispiċċaw mill-karriera politika tagħhom. Dawk li għażlu huma li jwarrbu. Dawk li ħaddieħor għażel għalihom u dawk li jagħrfu d-dożi tat-tnejn.

Inżomm quddiemi

6. F’dan ninsab iktar inkwetat nara bnedmin bħall-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi li jagħżel li ma jkomplix bil-karriera politika tiegħu. Narah bniedem ta’ ideat u li kapaċi jiddikjara dak li huwa sewwa minn dak li mhuwiex. Bniedem li jaqra u li jżomm ruħu aġġornat ma’ dak li hu għaddej fl-Unjoni Ewropea u fid-dinja ta’ madwarna. Fl-iktar, li huwa parti importanti mis-sustanza li l-Partit Laburista jirrappreżenta għall-poplu tagħna. Tastiera essenzjali u ħajja. Bniedem li huwa fuq ix-xellug moderat u f’ħafna għandu l-imħabba tal-kostitwenza li jirrappreżenta.

Ninkwieta

7. Ninkwieta iktar f’dan li min imexxi, flok iħossu skomdu f’dak li qed jiġri u jinkwieta serjament b’dak li qiegħed jitlef, jarah bħala xi forma ta’ proċess ‘normali’. Il-politika t-tajba titlob li jkollok ħdejk ukoll lil dawk li ma jaqblux miegħek. Sfortunatament, min jilħaq f’pożizzjoni huwa komuni ħafna li jaħseb li huwa biżżejjed għalih li jimxi waħdu ’l quddiem u jinsa li jrid ikollu lil diversi oħra li jimxu warajh. Infakkar biss li l-vuċijiet għas-sewwa jiswew u huma determinanti għal min irid iwettaq il-politika kif għandha tkun.

No comments:

VUĊIJIET GĦAS-SEWWA

1. Dawk li jkollhom il-poter, ħafna drabi jinsew li hemm linja importanti fil-ġudizzju tal-ħajja. Dik li permezz tagħha tagħżel dak li...