10.11.25

AMBAXXATA TA’ MALTA FIL-KAJR - ĦIDMA

31710. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’ħidma saret mill-ambaxxata ta’ pajjiżna fil-Kajr matul is-sena 2024 u matul l-ewwel disa’ xhur tas-sena 2025?

 

27/10/2025


ONOR. IAN BORG:  Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija fil-mistoqsija parlamentari 28539 li tiddeskrivi l-ħidma u l-inizjattivi li ttieħdu mill-Ambaxxata ta’ pajjiżna għall-Eġittu fl-2024. Filwaqt li dak ir-rispons jibqa’ validu, jiġi nnutat li għall-sena 2025 saru l-aġġornamenti li ġejjin:

 

Introduzzjoni

L-Ambaxxatur Roberto Pace serva bħala l-Ambaxxatur ta’ Malta ġewwa l-Eġittu, akkreditat ukoll għas-Sudan, sal-21 ta’ Settembru 2025, meta temm il-mandat tiegħu. Bħalissa, l-Ambaxxata qed tistenna l-ħatra ta’ Ambaxxatur ġdid.

Fl-ewwel disa’ xhur tal-2025 saru diversi laqgħat bilaterali ma’ Ministri u uffiċjali Eġizzjani li saħħew il-kooperazzjoni bejn Malta u l-Eġittu. Fl-istess żmien, l-Ambaxxata baqgħet issegwi l-aħħar żviluppi fil-gwerra fis-Sudan.

 

Bilaterali

Matul dawn ix-xhur, il-ħidma kienet mifruxa kif indikat hawn taħt:

 

Eġittu

             Fl-ewwel disa’ xhur tal-2025, l-Ambaxxata kompliet issaħħaħ ir-relazzjoni bilaterali bejn Malta u l-Eġittu permezz ta’ laqgħat regolari ma’ uffiċjali Eġizzjani, li enfasizzaw il-kooperazzjoni fl-oqsma tal-enerġija, il-kummerċ, u l-migrazzjoni, fost oħrajn. L-ambaxxata ħadet sehem ukoll f’ħidmiet Ewropej komuni marbuta mas-sigurtà, il-migrazzjoni u l-istabbiltà fir-reġjun.

             Il-perjodu kien immarkat minn żjarat u inizjattivi ta’ livell għoli: iż-żjara tal-Ministru Miriam Dalli f’Jannar; iż-żjara tal-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca f’Ġunju bħala parti mill-Mediterranean Children’s Movement; iż-żjara tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Dr. Edward Scicluna fl-Eġittu, b’rabta mad-9 Konferenza Annwali tal-Banek Ċentrali tal-Mediterran, kif ukoll il-preparazzjonijiet għall-ftuħ tal-Grand Egyptian Museum.

             Il-kooperazzjoni kulturali kompliet tiġi mħeġġa permezz tal-parteċipazzjoni fil-Festival tal-Films tal-UE f’Lixandra, avvenimenti ta’ konservazzjoni tal-wirt, u appoġġ lill-artisti u riċerkaturi Maltin li jħarsu lejn l-Eġittu bħala ċentru ta’ kollaborazzjoni kulturali.

             Fuq il-front konsolari, l-Ambaxxata pprovdiet assistenza lil ċittadini Maltin f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, inkluż evakwazzjoni minn Iżrael matul il-gwerra bejnha u bejn l-Iran, kif ukoll koordinazzjoni ma’ ambaxxati tal-UE fuq kwistjonijiet ta’ sigurtà.

 

Sudan

Fl-istess żmien, l-Ambaxxata kompliet issegwi mill-qrib l-iżviluppi fis-Sudan, fejn il-gwerra ċivili kompliet tħalli konsegwenzi politiċi, ekonomiċi u umanitarji gravi. Minkejja li l-Forzi Armati Sudaniżi ħadu lura l-belt kapitali ta’ Khartoum, il-pajjiż baqa’ maqsum bejn żewġ amministrazzjonijiet rivali – l-amministrazzjoni f’Port Sudan u dik imwaqqfa mir-Rapid Support Forces ġewwa Darfur. L-Ambaxxata żammet kuntatt regolari ma’ uffiċjali Ewropej, dawk internazzjonali kif ukoll tal-Lega Għarbija, sabiex issegwi l-proċessi ta’ medjazzjoni mmexxija min-Nazzjonijiet Magħquda, l-Unjoni Afrikana, l-Istati Uniti, u l-UE li sfortunatament għadhom ma wasslux għal waqfien tal-ġlied.

 

Seduta  396

03/11/2025

No comments:

TRIQ TWILA SEW

1. Hemm kotba li tixtri u taqra kważi mill-ewwel. Hemm oħrajn li jkun destin tagħhom jew tiegħek li ddum ma taqrahom. Jista’ jkun li t...