25.11.25

L-AGĦAR JATTAKKA L-AĦJAR

1. Il-ħsieb irid jiġi kkultivat, immaturat, mgħejjun sabiex jikber u jrendi l-ġid lill-bniedem. Mingħajr din l-attività nitilfu ħafna minn dak li aħna għandna nkunu verament. Dan sija fil-persuna tagħna stess: min aħna u fejn nimmiraw li nkunu, kif ukoll f’dik tas-soċjetà li ngħixu fiha, f’dik li rriduha tkun. Nistgħu nkunu ordinati, organizzati, attivi u nħarsu ’l quddiem bħala umani. Nistgħu nassiguraw li kemm jista’ jkun naġixxu sewwa fil-ħsieb li kull azzjoni tajba jew ħażina li nwettqu, biha ser naffettwaw lill-oħrajn, l-ambjent soċjali fis-sħiħ. Att tajjeb, fih innifsu, imiss lilna direttament. Inħossuna aħjar u nafu li mixjin fit-triq it-tajba. Dan imiss, direttament u indirettament, lil dawk li huma madwarna.

Kif għandna nkunu

2. Il-bniedem ilu sekli sħaħ jiddibattu u jikteb f’kif jaħseb li hu l-aħjar mod li bih is-soċjetà tiġi mibnija u organizzata. Uħud dehru li qed jitkellmu mingħajr kuntest jew realtà. Imma diversi kienu qed jirriflettu fuq is-sitwazzjonijiet soċjali u politiċi li kienu fihom. Uħud aċċettaw dak li kien hemm u b’pariri ppruvaw jibdlu lir-renjanti, lil dawk li kellhom il-poter assolut f’idejhom. Oħrajn ħolmu b’soċjetà ġdida differenti, qisu d-dinja setgħet tibda ddur mill-ġdid. Proġetti li wara Sir Thomas More (1478-1535), bil-ktieb tiegħu Utopia (1513) ġew ikklassifikati bħala ‘utopistiċi’. Dawk li wħud raw, f’dak li dan il-qaddis kiteb, il-proġett ta’ soċjetà li ma tistax tieħu l-ħajja. Dan għax għalkemm mibnija fuq premessi u intenzjonijiet mimlija bil-valuri, kienet qed tinjora lill-bniedem f’dak li hu u f’dak li l-istorja għaġnitu li jkun.

Xorta waħda

3. Warajh ġew diversi bi proġetti politiċi li wħud ġew implimentati f’termini puristi u oħrajn le. Karl Marx u d-dixxendenti tiegħu għaddew minn dan. Dak li seħħ fl-Unjoni Sovjetika hemm min jgħid li ma kienx it-twettiq kif kellu jkun, oħrajn le. Il-fatt però jibqa’ li miegħu ġew diversi oħrajn, f’reazzjonijiet varji, bl-isfumaturi żbaljati li n-Nażiżmu u l-Faxxiżmu ġiebu magħhom. Ħolm ta’ soċjetà perfetta, mibnija fuq is-suppost bnedmin perfetti u puri. Direzzjonijiet varji li meta mfassla fuq utopiji imprattikabbli, u inzi aktar indirizzati fuq kunċetti anti-umani, li jmorru kontra n-natura u d-dinjità tal-bniedem, ifallu. Xorta hemm diversi atti li saru li wieħed irid jikkonsidra u jeżamina sabiex jifhem x’effett u x’impatt kellhom fuq l-istorja u l-Istati. Xorta aktar li l-bniedem ma qatax qalbu milli jittama li huwa kapaċi jibni proġett utopiku li huwa iktar realistiku minn oħrajn qablu jew miegħu.

Wieħed għandu jistaqsi

4. F’dan, quddiem il-fallimenti ta’ proġetti politiċi fuq il-lemin u fuq ix-xellug fl-estremiżmi tagħhom, fil-puriżmi apparenti tagħhom, hemm pożizzjonijiet li żviluppaw. Iktar u iktar f’dawn it-tmenin sena mit-tmiem tal-aħħar gwerra dinjija jidher li barra l-paċi u l-organizzazzjoni nterna Ewropea waqfu dawk li kitbu kotba utopiċi ġodda kif nafuhom. Id-domanda li però baqgħet tiġi mistoqsija f’moħħ diversi, u hekk għadha. Ideat u kunċetti li l-perit u filosfu Amerikan Richard Buckminister Fuller (1895-1983), fil-ktieb miġbur mid-dixxendenti Utopia or Oblivion (2008) iħares fihom. Ktieb li, fl-introduzzjoni tiegħu, jibda b’dawn il-kliem: “All of humanity now has the option to “make it” successfully and sustainably, by virtue of our having minds, discovering principles and being able to employ these principles to do more with less.” (L-umanità kollha issa għandha l-għażla li “tirnexxi” b’suċċess u b’sostenibilità, bil-gwida li nidderieġu l-imħuħ tagħna biex jiskopru prinċipji li bihom ikunu kapaċi jwettqu iktar b’inqas.”

Dibattitu kontinwu

5. F’dan il-punt, fin-nuqqas ta’ kunċetti ġodda “utopistiċi” sibt ktieb interessanti li jiddibatti dan kollu fi sfond iktar preċiż u miftuħ: passat, preżent u futur. Il-ktieb Occidente senza utopie (2016) fih is-sabiħ ta’ żewġ trattati ta’ bnedmin intelliġenti u li huma akkademikament u politikament impenjati. Qrajt dak li l-istoriku u politiku Paolo Prodi (1932-2016), (li kien jiġi ħu l-ex Prim Ministru Taljan Romano Prodi), kif ukoll dak li l-filosfu u politiku Massimo Cacciari (1944) kitbu. It-tnejn b’linji etiċi differenti, imma jaqblu li hemm bżonn li l-bniedem jibqa’ joħlom u jħares ’il quddiem. Mingħajr dan, il-bniedem u s-soċjetà li jgħix fiha, imorru lura. Element neċessarju fl-eżistenza umana.

Ideat


6. It-tnejn huma trattati fi sfond akkademiku qawwi, però b’ħafna għerf politiku li tawhom l-esperjenzi diretti rispettivi tagħhom. Dawk li fil-ħajja tagħhom it-tnejn jindikaw li għad hemm lok għall-Utopija u li għad hemm bżonn ta’ bnedmin li jħarsu ’l quddiem f’dak li s-soċjetà għandha tkun. Difatti Cacciari jgħidilna hekk, fi kliem mill-iktar rilevanti għal-lum: “Sicurezza e pace non potranno mai essere garantite se Politica e Accademia non celebreranno indissolubili nozze. È la natura stessa dell’impresa scientifica a esigerle.” (Is-sigurtà u l-paċi ma jistgħu qatt ikunu garantiti jekk il-Politika u l-Akkademja ma jiċċelebrawx żwieġ li ma jinħallx. Huwa min-natura stess tal-kunċett xjentifiku li jitlobha.) Punti li jfakkruna iktar li jekk dan ma jsirx ser ikollna iktar politika amministrattiva, kif diversi uffiċjali tal-Gvern jissugraw li jkunu, minn dawk li kapaċi jibnu soċjetajiet aqwa milli għandna.

Sewwa nittamaw


7. F’dan, f’soċjetà fejn il-politika abbandunat l-ideoloġija taħt il-ħsieb li m’għadhiex iktar rilevanti, wieħed jistaqsi jekk dan huwiex minnu jew huwiex ir-raġuni ta’ deklin b’mod partikolari magħna li ninsabu fl-Oċċident. Dan fis-sens li għad għandna partiti politiċi li għandhom kunċett ċar fil-politika tagħhom ta’ x’tip ta’ soċjetà għandu jkollna. Meta wieħed jistaqsi l-politika xi trid twettaq ma ssibx linja sħiħa bażata fuq prinċipju etiku uniku, imma varjetà ta’ ideat li ħafna drabi anqas ma jiffunzjonaw jew jistgħu jiffunzjonaw flimkien. Dan iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li fl-għażla li ġejja, il-Gvern irid iżomm il-poter f’idejh taħt il-messaġġ indirett li huwa hu biss li kapaċi jamministra tajjeb il-pajjiż, u huwa minħabba dan li jista’ jkun hemm xi forma ta’ progress.

L-Isfida u l-Proposta

8. F’dan, ovvjament, għal min irid iħares li jibni pajjiż oċċidentali bħal tagħna li jkollu kunċett ta’ ‘Utopia’ pożittiv u ċar ġej minn isfel għal fuq ċert li jagħraf li għandu s-sogru qawwi li jiġi akkużat li dan huwa fil-ħolm li ma jitwettaqx. F’dan wieħed irid jistaqsi ma’ dawn l-awturi proprju kemm hemm lok għat-tama. Cacciari, fil-ħsieb tiegħu, jgħidilna hekk: “Filone, soprattutto in Quod deterius, era giunto quasi a identificare essenza dell’uomo e speranza: ‘che cosa è più proprio dell’uomo della speranza? ‘solo chi è capace di sperare è uomo, il disperato non è uomo. Vivere è vivere nella speranza ripeterà Agostino. Ma la fondatezza della speranza è più entrambi “gioia prima della Gioia”, e proviene dalla fede in Lui.” (Filone, il-filosfu Lhudi, l-iktar fil-ktieb tiegħu Quod deterius potiori insidiari soleat, jasal viċin l-essenza tal-bniedem u t-tama: ‘x’inhuwa l-iktar proprju fil-bniedem mit-tama? Huwa dak biss li kapaċi jittama li huwa bniedem; l-iddisprat mhuwiex hekk. Li tgħix huwa li tgħix bit-tama, jirrepeti Santu Wistin. Imma l-bażi tat-tama hija iktar f’daqqa, hija “l-ferħ qabel il-Ferħ” u ġejja mill-fidi f’Alla.) F’dan nibqa’ nittama li nkun kontributur lejn proġett politiku ċar u futur. Nibqa’ nħoss fija l-ferħ qabel il-Ferħ li dan jista’ jsir għax hemm bażi fuq x’jista’ jsir. Għax l-agħar, minnu nnifsu, jattakka l-aħjar.

No comments:

L-AGĦAR JATTAKKA L-AĦJAR

1. Il-ħsieb irid jiġi kkultivat, immaturat, mgħejjun sabiex jikber u jrendi l-ġid lill-bniedem. Mingħajr din l-attività nitilfu ħafna ...