1. Fis-soċjetà li ngħixu jidher li qed ninsew għala aħna dak li aħna, l-identità sħiħa tagħna. Dik ta’ poplu, nazzjon u Stat demokratiku. Nitkellmu ħafna dwar l-ekonomija u l-flus iġġenerati minnha imma ninsew ir-raġuni warajhom. Il-Gvern jiddikjara li huwa hu l-bidu u t-tmiem ta’ dan kollu. Irid jipperswadina kemm, minn meta hemm hu fit-tmun, kollox sejjer tajjeb. Kemm, anzi, hu biss għandu ċ-ċavetta u s-soluzzjoni ta’ kollox. Biss, fir-realtà, ir-raġuni għala f’soċjetà jista’ verament jikber u jitkattar il-ġid komuni ġejja mill-fatt li dan huwa Stat demokratiku. Mingħajr din is-sistema politika ma jistax ikollna ekonomija b’saħħitha.
Tibqa’ miżmuma
2. Trid però tibqa’ tiġi miżmuma għax nafu li mhijiex mogħtija mill-Gvern l-attenzjoni sħiħa li ħaqqha. Id-demokrazija mhijiex xi rigal jew xi pjaċir tal-Gvern tal-ġurnata, imma hija valur li aħna lkoll ħaqqna, u li nagħrfu li għandu jkollna. Hija dejjem fi proċess ta’ bidla, imma hija iktar dik li wieħed irid jikkura kontinwament. Fuq naħa jara li dak li għandu jaħdem ikompli jaħdem u jassigura miżuri sabiex isostniha. Fuq l-oħra jara dak li huwa ta’ theddida għaliha u jaġixxi. Fil-verità huwa parti minn triq li fiha kulħadd irid jieħu sehem. Is-sostenn tad-demokrazija jiġi mill-abbiltà tal-Gvern li jġib lill-bnedmin f’daqqa sabiex dan il-valur li għandu jippreservah u jgħaddih lura lil min jiġi warajh. Irid jiftaħ u jirrikonoxxi li, waħdu, mhuwiex kapaċi li jwettaq dan.
Ir-Raba’ Pilastru
3. F’dan ninsabu aktar fil-bżonn veru li nsostnu l-gazzetti tagħna, ta’ pajjiżna. Għal snin twal kienu l-indikaturi ċari li, b’xi mod, d-demokrazija f’pajjiżna teżisti. Almenu, kienu x’kienu ċ-ċirkostanzi, bqajna fil-libertà li jkollna l-pubblikazzjoni tagħhom. Anki jekk kien diffiċli fi klima politika u kkumplikata ħafna, biss kienu hemm, jum wara jum. Imma llum irridu naċċettaw il-fatt li hawn ħafna inqas bnedmin li jixtruhom u li ma għandhom ebda raġuni li twassalhom jagħmlu dan. Iktar u iktar fid-diffikultajiet ekonomiċi li huma lkoll jiffaċċjaw. Diffiċli biex tistampa, biex iżżomm persuni li jaqbdu l-karriera tal-ġurnaliżmu. Diffiċli biex iżżomm kamra tal-aħbarijiet li tħares iktar ’il bgħid minn dak li jsir fin-normalità. Bil-limitazzjonijiet li għandhom nafu li hawn inqas ġurnalisti jduru mat-toroq ifittxu li jkunu parti mir-realtà li jgħixu l-bnedmin. Nafu li fl-aħħar tal-ġurnata jkun hemm riproduzzjoni ta’ ċertu aħbarijiet fil-gazzetti kollha. Xejn ma jkun jidher ġdid, salv l-interpretazzjoni ta’ dak li jiġi ripetut.
Mingħajrhom
4. M’hemmx dubju li mingħajrhom ikollna inqas demokrazija f’pajjiżna. Jekk irridu nżommu l-livell ta’ kredibilità ekonomika rridu nassiguraw li, bħala poplu, ninvestu fihom. F’dan, tul ftit ta’ żmien ilu daħal il-kunċett li l-Gvern qiegħed, kull sena, jivvota nofs miljun biex jinqasam bejn kull gazzetta. Meta tikkunsidra kollox huwa ċar li l-ammont imqiegħed għad-dispożizzjoni huwa żgħir ħafna. Hemm bżonn li nassiguraw li jkun hemm iktar għajnuna għax f’ħafna niddependu minn ħidmiethom. Għandna bżonn inkunu nafu dak li ħaddieħor ma jridx jgħidilna. Għandna bżonn ikollna iktar gazzetti li jiddefenduna kontra l-falsitajiet. Għandna bżonn iktar li jkollna difiżi sodi u kostanti f’era meta nafu li hemm aġendi ta’ tiranni li jridu jattakkaw u jiskreditaw id-demokrazija.
Id-Demokrazija taħdem
5. Ma hemmx dubju li d-demokrazija taħdem biex tassigura ħajja aħjar għall-bnedmin. Tagħtina iktar libertà, ġustizzja, drittijiet fundamentali u ambjent sħiħ. Biss il-futur tagħha jitlob li jkollna moħħna ċar fuq il-prijoritajiet. Inħarsu fit-tul iktar ’il quddiem milli sempliċement għal-lum. Għax nista’ nifhem li jqum l-argument żbaljat li l-Gvern m’għandux iħallas lil dawk li jikkritikawh. Dan hu żbaljat, għax il-Gvern għandu l-bżonn ta’ min jikkritikah. Għandu bżonn li jkollu ġurnalisti mħarrġa, b’esperjenza, li jfittxu u jsibu dak li m’għandux ikun. Għandu dan il-bżonn sabiex huwa jkun aħjar, jaħseb iktar ċar, jamministra aħjar lil pajjiżna u jżommu jħares ’il fuq. F’dan, għalhekk, lill-gazzetti għandna dejjem nassigurawlhom l-indipendenza tagħhom, skomda kemm tista’ tidher li hija għalina li aħna fil-politika.
Iktar aħjar
6. Iktar ma gazzetta jkollha l-mezzi, iktar tista’ titkixxef u tikxef dak li fis-soċjetà mhuwiex sewwa. Hija għodda sabiex tiġi mfittxija l-verità u tikkuntrasta kontra l-aħbarijiet foloz. Anzi pajjiżna jrid li ma jkunx hemm monopolji, li kull gazzetta jkollha iktar is-saħħa biex tibbilanċja l-vuċijiet fis-soċjetà. Fil-ġid li smajna mħabbar, dan huwa wieħed li ġie traskurat. Il-Gvern ma qalilniex li hija mira tiegħu li jissoda d-demokrazija billi jissoda aktar il-gazzetti. Fil-verità, mhijiex prijorità. Hija biss sitwazzjoni li jrid jittollera billi kollox jibqa’ kif inhuwa, f’forma ta’ kontroll indirett fejn għax ma jistgħux jikbru jibqgħu fejn huma. Dan huwa żbaljat ħafna. Irridu ngħinu aktar lill-gazzetti billi nsostnuhom b’żewġ mezzi: l-ewwel, iktar finanzi diretti; u t-tieni, b’kampanji sabiex nibdew inħajru mill-ġdid bnedmin fis-soċjetà tagħna sabiex jixtruhom kollha. Persuni nfurmati fuq il-fatti huma edukati aħjar sabiex jivvutaw aqwa. Edukazzjoni aqwa tfisser demokrazija aqwa.
Proposta
7. F’dan ngħid li tant din hija importanti għall-Istat Demokratiku tagħna li għandna nassiguraw l-eżistenza futura tagħhom. Bħala Partit Nazzjonalista, li kien u li jibqa’ identifikat mad-demokrazija f’pajjiżna, din hi opportunità m’għandniex nitilfuha. Dik li nieħdu ħsieb li: l-ewwel, ninsistu mal-Gvern preżenti sabiex iżid fl-għajnuna, minn issa, u jwettaqha mal-gazzetti kollha; u t-tieni, li jiddikjara li huwa li hu fil-Gvern jara li jkun hemm iktar finanzi u politika li hija favur, u mhux avversa, għalihom. Ngħid dan għax nara li hemm forom ta’ deklin f’dawn is-snin li fihom il-gazzetti ġew direttament jew indirettament imqegħda f’dawl mhux wisq tajjeb fejn huma mistennija li jaqtgħu l-għatx bl-ilma tal-perżut. Sitwazzjoni li trid tinbidel, għax mingħajr ir-Raba’ Pilastru ma nistgħux nibqgħu navvanzaw fil-progress soċjo-ekonomiku tagħna.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
L-AGĦAR JATTAKKA L-AĦJAR
1. Il-ħsieb irid jiġi kkultivat, immaturat, mgħejjun sabiex jikber u jrendi l-ġid lill-bniedem. Mingħajr din l-attività nitilfu ħafna ...
-
10922. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qegħdin...
-
9944. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza: Jista’ l-Ministru jgħid ke...
-
27921. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista’ d-Deputa...
No comments:
Post a Comment