2.12.25

IL-BIDLA POLITIKA

1. Biex titkellem dwar il-varjetà ta’ bidla politika mhuwiex diffiċli. Però huwa iktar dak li qiegħed fil-fatt tipproponi fis-sustanza tal-proposti tiegħek. Dawk li tressaq għax taħseb li oħrajn ser jaqblu miegħek dwarhom biex iżżid il-voti, jew inkella, aqwa, dawk li tħoss verament f’qalbek u ruħek li għandhom isiru. Hemm differenzi oħra bejn dawk li jingħadu biex ikunu ngħadu f’sitwazzjonijiet maqtugħa minn xulxin u dawk li jsegwu programm loġiku. Hemm dawk li jingħadu b’reazzjoni għal dak li jgħid ħaddieħor u li jsiru fl-ispirtu tal-mument. Hemm oħrajn li jsiru mingħajr bidu u mingħajr kuntest loġiku. Biss, f’dan kollu nibqa’ nifhem li l-bidla vera hija dik ibbażata fuq il-ħsieb u f’kuntest ta’ programm politiku ċar u maħsub b’kemm il-moħħ tal-bniedem jagħtih.

Il-qari politiku


2. Id-direzzjoni t-tajba li wieħed jista’ jieħu mill-formazzjoni politika serja hija dik li titmexxa minn qari ta’ kotba mimlija direzzjonijiet. Fil-verità hemm il-politika li ssir mingħajr dan, li hija ifqar minn dik li ssir bih. Huwa proprju għalhekk li jekk irridu nitkellmu fuq bidla politika fil-kuntest storiku tal-lum irridu nagħrfu din il-verità. Anzi iktar, irridu nippreparaw irwieħna għas-serjetà tas-sitwazzjoni sabiex nifhmu dak li hemm bżonn jinbidel u kif ser inwettqu din il-bidla. Min jaħseb li huwa tant intelliġenti li m’għandux bżonn dan il-proċess qiegħed, fil-fatt, jidħaq bih innifsu. Nieħu pjaċir nara iktar parteċipazzjoni politika, imma ninkwieta meta nara li hemm diversi li ser jinħarqu għax għadhom mhumiex ippreparati.

L-immaġini

3. F’dan hemm dawk li qed jilludu rwieħhom li tista’ titwettaq kampanja politika bażata fuq kif tidher. Fil-kundizzjonijiet inevitabbli li f’dan il-mument hemm abbandun tax-xiri u tal-qari tal-gazzetti u t-teħid tal-ħin għall-informazzjoni jew il-fatti qed jingħata lill-mezzi soċjali. Dawk li fir-realtà huma bażati fuq ritratti sbieħ jew le fejn il-messaġġ huwa sekondarju. Hemm min qiegħed jipprova jibdel biex jagħti aktar sustanza politika, storika u letterarja, imma xorta dan mhux popolari. Biss anki jekk hemm kalatura politika fir-ritratt, xorta waħda hemm parti sostanzjali tas-soċjetà li mhijiex interessata f’dan u li anzi qed titlob iktar sustanza milli dehriet.

Fortunati

4. F’dan ukoll ngħid li, f’ħafna sens, il-ġenerazzjoni li jien parti minnha kellna vantaġġi differenti. Kellna iktar lil min jimbuttana lejn il-qari u kellna wkoll lil min kien attent sabiex ikollna kotba li stajna naqraw u li anzi ridna naqraw iktar minnhom. Tul din il-ġimgħa sellimna l-memorja ta’ persuna partikolari li f’dan għen ħafna. Arthur Gruppetta, li nafuh direttament mid-diversi kotba bil-Malti li konna nsibu f’idejna proprju bil-mod li bih biddel il-Merlin Publishers. Niftakarni naqra l-kotba varji tal-famuż Fra Mudest ta’ Charles Casha. Bħal sħabi qattajt ħafna ħin naqra, u għadni niftakar sal-lum id-diversi stejjer minn tiegħu. Is-Sur Gruppetta kien, fil-karattru ġentili tiegħu, miftuħ u mill-iktar umli: dak li kellu viżjoni, ideat u sustanza li permezz tagħhom wettaq b’abbiltà kbira bidla li għadha magħna sal-lum.

Ċertament telfa

5. Is-sejħa tiegħu lura għand il-Ħallieq tagħna hija telfa għalina. Ħalla warajh eżempju u memorja mill-isbaħ. Fuq naħa dak li huwa mis-sewwa jikber u jitkattar. Fuq l-oħra dik li kellu sehem dirett fil-formazzjoni ta’ ħafna, proprju għax kien kapaċi jidentifika u jressaq quddiemna aġenda ċara, bażata fuq il-valuri u l-ideat li bihom iffurmajna aktar ruħna. Vuċi unika f’dan iż-żmien li jrid jitlef l-għerf tal-missirijiet biex jiġbor l-injoranza tal-ġurnata. Bnedmin li kellhom fiduċja fil-ġenerazzjonijiet il-ġodda sabiex bil-gwida t-tajba jimxu ’l quddiem. Bniedem li jixraqlu attenzjoni u rikonoxximent fil-wirt li qed iħallilna.

Eżempju


6. F’dan aktar wieħed irid iħares ’il quddiem sabiex nassiguraw li l-politika futura tagħna tkun waħda bażata iktar fuq is-sustanza. Jekk irridu bidla fil-pajjiż irridu nibdew niddiskutu iktar fil-fond sabiex insibu: l-ewwel, bil-preċiż dak li jrid jinbidel; u t-tieni, il-proċess, metodu u alternattiva sabiex dan iseħħ. Hija sfida politika li nistgħu nieħdu jew inkella li nistgħu nħallu fil-ġenb. Dan għax jekk trid issir, allura taħrab mill-politika tal-inqas u tal-għażż u tmur lejn dik tal-iktar u tal-ħidma ħawtiela. Is-sejħa qed issir lilna u għal darb’oħra rridu nifhmu li hemm differenza bejn kwantità u kwalità. Nifhmu li jekk trid issir fl-ispirtu u fi proċess demokratiku trid aktar bnedmin jieħdu sehem attiv fiha.

Inħares ’il quddiem

7. F’dan aktar għax għandna iktar żmien għad-dispożizzjoni tagħna. Il-fatt li kif qed jiġi dikjarat mhuwiex ser ikollna elezzjoni bikrija, anzi, kif qed nara l-affarijiet illum ser ikun hemm leġislatura sal-aħħar tagħha, hija iktar okkażjoni għalina. Aktar u aktar meta qiegħed jidher li l-Gvern qiegħed inaqqas mill-viżjoni, l-ideat politiċi u fejn il-kunsens elettorali tiegħu qiegħed jonqoslu. Daqt nidħlu fil-perjodu tal-Milied u dak kollu li dan iġib miegħu. Waqfien ta’ attività politika parlamentari imma f’dan aktar żmien għad-dispożizzjoni tagħna lejn preparazzjoni ta’ politika ta’ sustanza. Biex ikollna bnedmin li jridu jivvutaw aktar għalina u mhux sempliċement kontra l-Gvern irridu ngħaddu minn dan il-proċess.

Jissudana

8. Dan għax matulu nissudaw iktar fid-determinazzjoni tagħna, fil-preċiżjoni tal-ħsieb u fil-viżjoni ta’ proġett politiku veru. F’dan inkunu aktar il-politiċi li l-poplu li mhuwiex jivvota jrid. Inkunu aktar dawk li kapaċi jwettqu soċjetà aħjar milli għandna, fejn almenu l-valuri li nħaddnu jitħaddmu. Inqas artifiċjalità u iktar proposti konkreti li tant hemm għatx għalihom. Dawk ta’ qabilna tawna eżempju f’dak li jgħodd u hemm bżonn ir-rieda li jkollna l-kuraġġ sabiex nidħlu sew għal din il-bidla. Il-bieb huwa miftuħ. Nappella sabiex iktar nies jingħaqdu magħna fil-bżonn tal-bidla politika li pajjiżna jeħtieġ.

No comments:

IL-FURJANA - TRIQ L-INDIPENDENZA - RESTAWR TA’ LAPIDA

32651. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex...