1. Fl-esperjenzi ta’ bnedmin oħra li b’xi mod missew mal-politika ssib ħafna. Dan sija minn għemilhom, kif ukoll iktar mill-kotba li nsibu sija minn dawk stess li ġarrbu, kif ukoll dawk li fittxew, fil-proċess akkademiku tagħhom, li jiktbu. F’dan, fil-fatt, hemm minjiera għad-dispożizzjoni tagħna. Sija dawk li huma fil-kamp kif ukoll dawk li jridu jifhmu dawk li huma fiha x’qed jagħmlu sewwasew. Però f’dan hemm, l-ewwel, dawk li jaħsbu li l-istorja tinbidel mertu ta’ mexxejja varji li għexu, u fit-tieni, dawk li mhumiex daqshekk konvinti minn dan, li l-proċess ta’ żvilupp uman jiddependi fuq ħafna oħrajn. Fl-għarfien sħiħ li l-poplu kollu huwa b’xi mod protagonist. Sija jekk tkun attiv, kif ukoll passiv.
Tfittex
2. F’dan huwa proċess ta’ tfittxija sabiex wieħed jifhem aħjar dak li seħħ, u iktar, dak li fil-fatt qiegħed jiġri quddiemek. Dak li tara, tisma’ u taqra tipprova tagħtih spjegazzjoni loġika u umana. Dan iktar f’dak li jwettqu dawk li għandhom il-poter f’idejhom. Anzi f’demokrazija l-lezzjoni ċara li huma dawk li għandhom ir-responsabbiltà tat-tmexxija tal-poter tal-Istat. Mhux dominanza, imma servizz. F’dan rajt u qrajt dwar dan is-suġġett. Nibqa’ nemmen li apparti l-fatt li s-suġġett jinteressani sew, hija parti minn dmirijieti bħala deputat li nibqa’ naqra u nsegwi. Dak li jaħsbu li għandhom ideat ċari fuq kollox isibu li dan mhuwiex minnu. Trid tifhem, u tibdel. Tibni mill-ġdid u tirfina wkoll dak li taħseb u dak li tara li huwa l-aħjar fis-soċjetà li għandna.
Kif issir aħjar
3. Il-proġett kostanti huwa u għandu jibqa’ jkun għalina kif wieħed jista’ jgħin sabiex ikun jista’ jaġixxi biex il-poplu jgħix f’dinja aħjar. Hemm min jaħseb li dan jista’ jwettqu bi proġetti kbar li fihom kulħadd irid jieqaf jammirah jew jitkellem dwaru. Dak li dawn jaħsbu li ser inaqqaxhom fl-eternità storika, fejn kulħadd irid jirrikonoxxi ħidmietu. Fil-fatt, l-esperjenza kostanti turi li huma passi ferm iżgħar li jagħmlu d-differenza. Anki jekk dawn ma jingħatawx importanza pubblika, xorta ħaqqhom isiru, għax jibdlu verament. Mhux biss, imma meta tħares lejn l-istorja tal-bniedem tifhem iktar kemm dan huwa minnu u l-proġetti l-kbar, apparti milli jieħdu żmienhom biex isiru, mhux dejjem jispiċċaw minn dawk li jibdewhom.
Bnedmin varji
4. F’dan sibtni naqra l-ktieb tal-istoriku u politiku Taljan Pietro Melograni (1930-2012). Bniedem interessanti ħafna. Beda l-karriera politika tiegħu fi ħdan il-Partit Komunista Taljan fl-1949. Dan sakemm fl-1956, bir-repressjoni Sovjetika fl-Ungerija u bħala firmatarju tal-Manifest tal-101 kontra dan, minħabba l-pożizzjoni li kien ħa l-istess Partit, irriżenja. Wara għamel tletin sena fid-dinja akkademika, jistudja u jikteb b’mod partikolari dwar erba’ suġġetti. L-ewwel, il-politika tul l-ewwel gwerra dinjija; it-tieni, l-Faxxiżmu; it-tielet, il-Komuniżmu; u r-raba’, numru ta’ kompożituri. Qara sew diversi dokumenti u kitbietu huma minjiera analitika ta’ informazzjoni li ftit qraw jew kollhom aċċess għalihom. Iktar interessati li fl-1996 ġie elett fil-lista indipendenti ta’ Forza Italia, il-partit fiċ-ċentru lemin ta’ Silvio Berlusconi (1936-2023).
Kotba
5. Għalhekk huwa fil-fatt ripositorju ta’ informazzjoni u esperjenzi diretti ħafna. Dawk li jittrasmetti aktar proprju għax il-kitba tiegħu hija mmexxija minn pinna tajba ħafna u ma tixbax jew tieqaf taqrah. F’dan iktar, però, hemm tlieta partikolari li laqtuna. L-ewwel Storia politica della Grande Guerra (1969); it-tieni, Saggio sui Potenti (1977); u t-tielet, Fascismo, Comunismo e Rivoluzione Industriale (1984). F’dawn il-jiem ikkonċentrajt iktar u qrajt Saggio sui Potenti. Ktieb li jimmerita attenzjoni partikolari għax jeżamina analitikament dak li wettqu diversi mexxejja fl-istorja. Jibda mill-illużjoni li diversi jikkontivaw li d-dinja tibda u tispiċċa magħhom. Jitkellem fuq l-injoranza tagħhom, fuq il-poter tal-ekonomija magħhom u fuqhom u l-fissazzjoni li jibnu palazzi u monumenti li jibqgħu xiehda warajhom tal-kobor tagħhom.
Spjegazzjoni
6. Il-linja kontinwa tal-awtur hija dik li quddiem id-debbulizzi u d-difetti li kellhom diversi mexxejja jidentifika, jispjega u f’ħafna jipprova jsib u jifhem xi jmexxi l-istorja tad-dinja. Fil-fatt, il-ktieb huwa proċess politiku lil diversi, kif ukoll kontra l-ideat li ssoltu jakkumpanjaw lil dawk ikkunsidrati kapijiet. Il-ktieb jiftaħ hekk: “Gli uomini, infatti, divinizzano troppo spesso il potere. Attribuiscono ai capi una facoltà pressoché illimitata di modificare la storia del mondo. Immaginano che i governanti esercitino un pieno controllo sulla politica, sull’economia, sulle burocrazie, sugli apparati militari. Ma si ingannano. La realtà del potere è diversa dalle apparenze.” (Il-bnedmin, fil-fatt, wisq drabi jqegħdu fuq pedestall il-poter. Ħafna drabi jagħtu lill-kapijiet poter illimitat li bih jibdlu l-istorja tad-dinja. Jimmaġinaw li l-governanti għandhom poter mingħajr limitu fuq il-politika, l-ekonomija, il-burokrazija u fuq il-militar. Imma jidħku bihom infushom. Ir-realtà tal-poter hija kompletament differenti mill-apparenzi.)
Punt
7. Difatti dawn huma punti li ssibhom magħna llum. L-awtur ikompli fuq din it-tema u jkompli hekk: “Il potere risiede fuori dai palazzi dei capi, nelle grandi forze spirituali e materiali che si agitano nelle società.” (Il-poter qiegħed barra mill-palazzi tal-kapijiet, imma fil-forzi kbar spiritwali u materjali li jċaqilqu s-soċjetà.) U jżid: “Questa realtà stenta a essere conosciuta poiché la grande maggioranza degli uomini vuole essere ingannata sulla natura del potere.” (Din il-verità ftit hija magħrufa billi l-maġġoranza kbira tal-bnedmin iridu jiġu ngannati fuq in-natura vera tal-poter.) L-awtur ma jaffermax biss dan imma wara jgħaddi sabiex janalizza dak li wettqu diversi mexxejja bħal Stalin, Hitler u Mussolini. Minnhom wieħed jifhem iktar kemm jekk m’għandux raġun fis-sħiħ għandu punt mill-iktar validu ta’ kif issir il-politika.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
9.12.25
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
FIT-TRIQ IT-TAJBA
1. Hemm numru ta’ punti li wieħed irid jieħu ħsieb jikkunsidra fl-għarbiel ta’ x’soċjetà u struttura demokratika nħaddnu. Bejn realtà ...
-
10922. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qegħdin...
-
9944. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza: Jista’ l-Ministru jgħid ke...
-
27921. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista’ d-Deputa...
No comments:
Post a Comment