Showing posts with label Pietro Melograni. Show all posts
Showing posts with label Pietro Melograni. Show all posts

26.2.26

MUMENTI DEĊIŻIVI

1. Biex sistema demokratika taħdem għandha numru ta’ mekkaniżmi legali neċessarji li jikkontrollaw biex jiggarantuha. Il-fatt li l-Istat għandu l-poteri tiegħu mhux f’id waħdanija bħal fi żmien il-monarkija imma maqsuma fi tlett partijiet iservi proprju għal dan. Jekk ngħixu f’demokrazija ma jistax ikun permess li min jiġi elett f’elezzjoni jaħseb li jista’ jkollu kollox f’idejh. Huwa wkoll irid ikun sottomess għal-liġijiet u jirrispettahom. Jobdihom u ma joħroġx minnhom. Anzi, josservahom. Dan mhuwiex dejjem faċli, għax il-karattri huma differenti. Imma meta xi ħadd fil-poplu jidhirlu li nqabżet il-linja allura hemm il-Qrati, u ħafna drabi hija l-Qorti Kostituzzjonali li tisma’ u tiddeċiedi jekk il-fatt ikunx minnu. Dan fil-fatt huwa l-eżami li jipprova jekk hemmx jew le sistema demokratika f’poplu.

Qorti Suprema

2. Il-Qorti Suprema fl-Istati Uniti tal-Amerika għandha f’dan tradizzjoni, esperjenza u awtorità sabiex tikkontrolla dak li huwa kontra l-Kostituzzjoni. Sistema maħluqa hekk mill-bidu u li ħadmet, u minn dak li qed naraw qegħda taħdem. Hemm ebda President, b’saħħtu kemm jista’ jkun b’saħħtu politikament, ma għandu poteri assoluti, imma għandu biss dawk li l-Kostituzzjoni tagħti. Dan il-punt ħareġ iktar ċar b’dak li ddikjarat din il-Qorti f’sentenza nhar l-20 ta’ Frar fil-kawża fl-ismijiet ‘Learning Resources inc et al vs Trump’. Hemm ingħad li l-liġi magħrufa bħala International Emergency Economic Powers Act 1977 ma tippermettix lill-Presidenza li toħroġ it-tariffi li nħarġu. Avolja l-Qorti hija magħmula minn persuni fil-liġi li wħud minnhom ġew maħtura mill-President attwali, xorta, kif inhuwa dmirhom, waslu għal din il-pożizzjoni.

John Roberts (1955)

3. Il-Prim Imħallef John Roberts, flimkien ma’ sitt imħallfin, spjegaw li: “The President asserts the extraordinary power to unilaterally impose tariffs of unlimited amount, duration, and scope. In light of the breadth, history and constitutional context of that asserted authority, he must identify clear congressional authorization to exercise it.” (Il-President jasserixxi l-poter straordinarju u unilaterali li jimponi tariffi f’ammonti bla limitu, tul jew skop. In vista tal-wisa’, tal-istorja u l-kuntest kostituzzjonali ta’ dak il-poter dikjarat, huwa jrid jidentifika b’mod ċar l-awtorizzazzjoni tal-Kungress biex jeżerċitah.) Punt legali dirett, ċar u loġiku f’sistema demokratika li jiggwida lil kulħadd, hu min hu, fir-responsabbiltà tal-poter. Wieħed li jiftaħ għajnejna fuq il-vantaġġi kbar tas-sistema demokratika. L-ewwel: il-kontroll legali neċessarju li jżomm kull forma volontarja jew involontarja, intenzjonata jew traskurata ta’ abbuż ta’ poter. It-tieni: id-dmir tal-lealtà lejn l-Istat li anke jekk il-maġġor parti tal-imħallfin kienu kkunsidrati pro-Repubblikani, xorta waslu għall-konklużjoni ta’ dak li jidhrilhom li huwa legalment sewwa. Fil-Qrati li jridu jkunu serji, il-politika partiġġjana m’għandhiex piż.

Il-Garanzija


4. Fil-fatt din is-sentenza hija parti minn oħrajn li ġejjin imma li fiha konsegwenzi politiċi, ekonomiċi u legali. F’dan, għalhekk, wieħed irid jagħraf iktar kemm bħala prinċipju ġenerali huwa importanti li s-sistema titħaddem sew. U huwa proprju f’dawn il-mumenti li trid twieġeb. Turi li qed tilqa’ l-isfida u tirreaġixxi biex tafferma l-eżistenza tagħha. Forsi f’dan kien ikun wisq aħjar kieku l-istess President, wara s-sentenza, m’attakkax lill-istess Qorti. Iżda anki jekk dan huwa minnu, il-fatt jibqa’ li kull min għandu l-poter politiku f’idejh huwa f’interess tiegħu li jkollu lil min jgħidlu ‘le’. L-Oppożizzjoni, għalhekk, hija garanzija sabiex l-Istat jimxi ’l quddiem u jżomm lill-Gvern f’postu f’dak li jkun qiegħed jagħmel. Anzi huwa fl-interess tal-Gvern stess li l-Oppożizzjoni tkun hemm u titħalla taħdem b’aktar riżorsi.

Pietro Melograni (1930-2012)

5. Fil-ktieb tiegħu li qiegħed naqra b’intress, Fascismo, comunismo e rivoluzione industriale (1984), l-awtur janalizza fid-dettall dawk l-esperjenzi. Ma jitlaqx minn dak li jgħid ħaddieħor imma minn qari fit-tul ta’ diversi dokumenti li oħrajn jidher li ma rawx. Fl-ewwel parti tal-ktieb jeżamina l-Faxxiżmu u t-tmexxija ta’ Benito Mussolini (1883-1945) u kemm, mid-dokumentazzjoni li sab, dan kellu diffikultà biex jieħu deċiżjoni. Kemm fil-fatt ried jidher li huwa dak li kien qiegħed ibiddel u kemm kien kapaċi f’dan, mentri diversi kitbu li ma kienx. Anzi kien jaqbel ma’ kulħadd, u anki jekk l-opinjonijiet kienu opposti, kien jispiċċa jimxi fuq l-aħħar waħda. Kemm f’dan kien jidher ċar li fil-fatt inqata’ mir-realtà li ried jifhem minflok lid-diversi infurmaturi li kellu, li ħafna drabi ma kinux veritieri.

Beda tajjeb

6. Inħatar bil-ħsieb li l-Italja kellha bżonn ta’ mexxej mibgħut biex isalva. Luigi Einaudi jiddikjara: “Si credeva che l’uomo forte, l’uomo sapiente, avrebbe salvato il paese.” (Kienu jaħsbu li l-bniedem b’saħħtu, l-għaref, kien ser isalva l-pajjiż.) Proprju wara li f’dan ix-xenarju laħaq l-Awtur, fil-fatt ifakkarna kemm kien hemm dawk, senjatament fid-dinja Ingliża, li fil-bidu ammirawh. Kif Lord Curzon, fl-1923 kien iddikjara li Mussolini kien: “... un uomo di meravigliosa energia e dal pugno di ferro.” (... bniedem mimli b’enerġija u b’id tal-ħadid.) Inkella Winston Churchill, li ddikjarah hekk: “... il più grande legislatore vivente.” (... l-ikbar leġislatur taż-żmien.) Inkella Sigmund Freud, li fl-1933 bagħatlu ktieb u kitiblu: “A Benito Mussolini, con il saluto devoto di un vecchio che, nel detentore del potere, riconosce l’eroe della ċiviltà.” (Lil Benito Mussolini, b’tislima devota ta’ xiħ lejn dak li għandu l-poter f’idejh, li jagħrfu bħala l-eroj taċ-ċiviltà.) Tifħir kbir, ċertament, imma li fil-fatt ma kien xejn minnu.

Direzzjoni

7. L-istorja wriet proprju kemm dan kollu ma kienx minnu u kemm, anke jekk saru distinzjonijiet bejn il-Faxxiżmu u l-kult ta’ Mussolini, xorta l-proġett politiku sħiħ tiegħu falla sew. Melograni jipprova janalizza r-raġunijiet tad-deklin. Fosthom il-fatt li l-alleanza man-Nażiżmu biddlet wisq il-karattru tagħhom, kif ukoll li l-liġijiet razzjali kienu dejqu wisq lill-poplu. Ma’ dan ukoll, in-nuqqas ta’ suċċessi li kellu, li ġew moħbija u li Radio Londra kien ixandar. Analiżi u lista twila. Però fil-fatt naħseb li l-punt determinanti, dak deċiżiv, jibqa’ dak marbut mal-qtil tal-politiku Soċjalista Giacomo Matteotti (1885-1924). Dak id-deputat li kien vuċi qawwija ta’ oppożizzjoni. L-effett ġieb effettivament it-tmiem tad-demokrazija li kien hemm. Il-politiċi li jiddeċiedu li jsiru dittaturi, jew forma tagħhom wara li jiġu eletti f’elezzjoni ġenerali, jiżbaljaw kif ma jibqgħux jirrispettaw is-sistema demokratika. F’dan dejjem proprju s-sistema tipprova lilha nfisha kemm tkun kapaċi, reżiljenti biex tikkontrolla meta l-arroganza politika titla’ f’ras il-mexxejja.

Determinanti

8. F’dawn is-snin twal ta’ eżistenza, wieħed ma jistax ma jaċċettax li d-demokrazija hija l-aħjar sistema politika biex tmexxi poplu. Iktar u iktar meta min iservi fiha jifhem li għandu dmir li jwettaq ħidmietu fl-ispirtu liberu tal-liġi. Il-bnedmin li jintagħżlu jservu l-Kostituzzjoni u mhux ir-rieda politika ta’ min ħatarhom. Din hija l-lezzjoni importanti li rridu nsegwu anki hawn. Għażliet mhux li jidhru apparentement konvenjenti, imma iktar dawk li jwettqu s-sewwa u li jirrispettaw l-ispirtu demokratiku fil-liġijiet kostituzzjonali. Lezzjoni li tgħodd għal kull pajjiż. Waħda li għandna nifhmu li nistgħu nirbħu biss jekk insegwu l-linja demokratika.

9.12.25

KIF ISSIR IL-POLITIKA

1. Fl-esperjenzi ta’ bnedmin oħra li b’xi mod missew mal-politika ssib ħafna. Dan sija minn għemilhom, kif ukoll iktar mill-kotba li nsibu sija minn dawk stess li ġarrbu, kif ukoll dawk li fittxew, fil-proċess akkademiku tagħhom, li jiktbu. F’dan, fil-fatt, hemm minjiera għad-dispożizzjoni tagħna. Sija dawk li huma fil-kamp kif ukoll dawk li jridu jifhmu dawk li huma fiha x’qed jagħmlu sewwasew. Però f’dan hemm, l-ewwel, dawk li jaħsbu li l-istorja tinbidel mertu ta’ mexxejja varji li għexu, u fit-tieni, dawk li mhumiex daqshekk konvinti minn dan, li l-proċess ta’ żvilupp uman jiddependi fuq ħafna oħrajn. Fl-għarfien sħiħ li l-poplu kollu huwa b’xi mod protagonist. Sija jekk tkun attiv, kif ukoll passiv.

Tfittex

2. F’dan huwa proċess ta’ tfittxija sabiex wieħed jifhem aħjar dak li seħħ, u iktar, dak li fil-fatt qiegħed jiġri quddiemek. Dak li tara, tisma’ u taqra tipprova tagħtih spjegazzjoni loġika u umana. Dan iktar f’dak li jwettqu dawk li għandhom il-poter f’idejhom. Anzi f’demokrazija l-lezzjoni ċara li huma dawk li għandhom ir-responsabbiltà tat-tmexxija tal-poter tal-Istat. Mhux dominanza, imma servizz. F’dan rajt u qrajt dwar dan is-suġġett. Nibqa’ nemmen li apparti l-fatt li s-suġġett jinteressani sew, hija parti minn dmirijieti bħala deputat li nibqa’ naqra u nsegwi. Dak li jaħsbu li għandhom ideat ċari fuq kollox isibu li dan mhuwiex minnu. Trid tifhem, u tibdel. Tibni mill-ġdid u tirfina wkoll dak li taħseb u dak li tara li huwa l-aħjar fis-soċjetà li għandna.

Kif issir aħjar

3. Il-proġett kostanti huwa u għandu jibqa’ jkun għalina kif wieħed jista’ jgħin sabiex ikun jista’ jaġixxi biex il-poplu jgħix f’dinja aħjar. Hemm min jaħseb li dan jista’ jwettqu bi proġetti kbar li fihom kulħadd irid jieqaf jammirah jew jitkellem dwaru. Dak li dawn jaħsbu li ser inaqqaxhom fl-eternità storika, fejn kulħadd irid jirrikonoxxi ħidmietu. Fil-fatt, l-esperjenza kostanti turi li huma passi ferm iżgħar li jagħmlu d-differenza. Anki jekk dawn ma jingħatawx importanza pubblika, xorta ħaqqhom isiru, għax jibdlu verament. Mhux biss, imma meta tħares lejn l-istorja tal-bniedem tifhem iktar kemm dan huwa minnu u l-proġetti l-kbar, apparti milli jieħdu żmienhom biex isiru, mhux dejjem jispiċċaw minn dawk li jibdewhom.

Bnedmin varji

4. F’dan sibtni naqra l-ktieb tal-istoriku u politiku Taljan Pietro Melograni (1930-2012). Bniedem interessanti ħafna. Beda l-karriera politika tiegħu fi ħdan il-Partit Komunista Taljan fl-1949. Dan sakemm fl-1956, bir-repressjoni Sovjetika fl-Ungerija u bħala firmatarju tal-Manifest tal-101 kontra dan, minħabba l-pożizzjoni li kien ħa l-istess Partit, irriżenja. Wara għamel tletin sena fid-dinja akkademika, jistudja u jikteb b’mod partikolari dwar erba’ suġġetti. L-ewwel, il-politika tul l-ewwel gwerra dinjija; it-tieni, l-Faxxiżmu; it-tielet, il-Komuniżmu; u r-raba’, numru ta’ kompożituri. Qara sew diversi dokumenti u kitbietu huma minjiera analitika ta’ informazzjoni li ftit qraw jew kollhom aċċess għalihom. Iktar interessati li fl-1996 ġie elett fil-lista indipendenti ta’ Forza Italia, il-partit fiċ-ċentru lemin ta’ Silvio Berlusconi (1936-2023).

Kotba

5. Għalhekk huwa fil-fatt ripositorju ta’ informazzjoni u esperjenzi diretti ħafna. Dawk li jittrasmetti aktar proprju għax il-kitba tiegħu hija mmexxija minn pinna tajba ħafna u ma tixbax jew tieqaf taqrah. F’dan iktar, però, hemm tlieta partikolari li laqtuna. L-ewwel Storia politica della Grande Guerra (1969); it-tieni, Saggio sui Potenti (1977); u t-tielet, Fascismo, Comunismo e Rivoluzione Industriale (1984). F’dawn il-jiem ikkonċentrajt iktar u qrajt Saggio sui Potenti. Ktieb li jimmerita attenzjoni partikolari għax jeżamina analitikament dak li wettqu diversi mexxejja fl-istorja. Jibda mill-illużjoni li diversi jikkontivaw li d-dinja tibda u tispiċċa magħhom. Jitkellem fuq l-injoranza tagħhom, fuq il-poter tal-ekonomija magħhom u fuqhom u l-fissazzjoni li jibnu palazzi u monumenti li jibqgħu xiehda warajhom tal-kobor tagħhom.

Spjegazzjoni

6. Il-linja kontinwa tal-awtur hija dik li quddiem id-debbulizzi u d-difetti li kellhom diversi mexxejja jidentifika, jispjega u f’ħafna jipprova jsib u jifhem xi jmexxi l-istorja tad-dinja. Fil-fatt, il-ktieb huwa proċess politiku lil diversi, kif ukoll kontra l-ideat li ssoltu jakkumpanjaw lil dawk ikkunsidrati kapijiet. Il-ktieb jiftaħ hekk: “Gli uomini, infatti, divinizzano troppo spesso il potere. Attribuiscono ai capi una facoltà pressoché illimitata di modificare la storia del mondo. Immaginano che i governanti esercitino un pieno controllo sulla politica, sull’economia, sulle burocrazie, sugli apparati militari. Ma si ingannano. La realtà del potere è diversa dalle apparenze.” (Il-bnedmin, fil-fatt, wisq drabi jqegħdu fuq pedestall il-poter. Ħafna drabi jagħtu lill-kapijiet poter illimitat li bih jibdlu l-istorja tad-dinja. Jimmaġinaw li l-governanti għandhom poter mingħajr limitu fuq il-politika, l-ekonomija, il-burokrazija u fuq il-militar. Imma jidħku bihom infushom. Ir-realtà tal-poter hija kompletament differenti mill-apparenzi.)

Punt

7. Difatti dawn huma punti li ssibhom magħna llum. L-awtur ikompli fuq din it-tema u jkompli hekk: “Il potere risiede fuori dai palazzi dei capi, nelle grandi forze spirituali e materiali che si agitano nelle società.” (Il-poter qiegħed barra mill-palazzi tal-kapijiet, imma fil-forzi kbar spiritwali u materjali li jċaqilqu s-soċjetà.) U jżid: “Questa realtà stenta a essere conosciuta poiché la grande maggioranza degli uomini vuole essere ingannata sulla natura del potere.” (Din il-verità ftit hija magħrufa billi l-maġġoranza kbira tal-bnedmin iridu jiġu ngannati fuq in-natura vera tal-poter.) L-awtur ma jaffermax biss dan imma wara jgħaddi sabiex janalizza dak li wettqu diversi mexxejja bħal Stalin, Hitler u Mussolini. Minnhom wieħed jifhem iktar kemm jekk m’għandux raġun fis-sħiħ għandu punt mill-iktar validu ta’ kif issir il-politika.

3.12.25

PEDAMENTI SODI

1. F’dawn l-aħħar jiem, in parti wkoll b’dak li hu għaddej, ġie lura għad-dibattitu pubbliku l-fatt li t-twelid f’pajjiżna naqas. Inżilna ’l isfel fl-istatistika u hemm min qiegħed jinkwieta ruħu fuq dan. Diversi jistaqsu għala. Il-gvernijiet, tagħna wkoll, qed ifittxu soluzzjoni fil-flus. F’dan irid jingħad li wara snin fejn ma kellniex pożizzjoni, illum jidher li hemm waħda. Dik li tagħti benefiċċji finanzjarji akbar u b’hekk tixħet il-piż fuq il-ġenituri, l-iktar il-mara, sabiex ikollna statistika differenti. M’hemmx studju ċar biżżejjed u wisq inqas ma hemm neċessarjament loġika f’dan. L-istorja qed turina, anzi, li soluzzjonijiet materjalistiċi mhumiex daqshekk effettivi daqskemm wieħed jaħseb. Ħaġa ma ġġibx oħra. Iktar flus ma jġibux iktar ulied.

Pietro Melograni (1930-2012)


2. F’dan sibtni naqra kitbet dan l-istoriku mill-iktar interessanti. Punti li fihom forsi parti mill-ispjegazzjoni għala hemm inqas tfal li qed jitwieldu. Fil-ktieb tiegħu Saggio sui Potenti (1977) sibt din is-silta: “L’industria ha consentito di accumulare ricchezze enormi e ha fatto crescere rapidamente salari reali e consumi. Nelle società industrializzate la mortalità infantile è diminuita, le grandi epidemie sono scomparse, la vita media si è allungata. Tutto ciò ha contribuito a modificare l’idea della vita e della morte, della religione e della politica.” (L-industrija ppermettiet li jinġemgħu sinjuriji kbar u kabbret malajr il-pagi veri u l-infiq. Fis-soċjetà industrijalizzata il-mortalità infantili naqset, l-epidemiji sparixxew, il-ħajja medja tal-bniedem twalet. Dan kollugħen biex jinbidel il-ħsieb dwar il-ħajja u l-mewt, ir-reliġjon u l-politika.)

Ir-rivoluzzjoni industrijali

3. F’dan, għandu wieħed jaċċetta li waħda mill-effetti tal-industrijalizzazzjoni ta’ soċjetajiet bħal tagħna ġiebet din il-konsegwenza? Jew kienx hemm fatturi oħra magħha, jew indipendenti minnha li trabbew u eżerċitaw l-influwenza tagħhom f’dinja fejn m’aħniex dejjem ċerti li l-mentalità tal-ħaddiem inbidlet minn kif kienet qabel? F’kemm ma bqajniex waħda li hija rurali, agrikola fil-kultura ekonomika u li ċċaqalqet għal pożizzjonijiet oħra. Saru studji varji u l-verità hija wkoll li l-influwenza tal-industrija mhijiex lokalizzata f’perjodi partikolari. Hemm fażijiet varji sija fit-tip ta’ industrija, kif ukoll fil-ġenerazzjonijiet li nqatgħu aktar mill-art. Inbidlu l-influwenzi u magħhom ir-reazzjonijiet għalihom. Aktar u aktar f’dawn l-aħħar tletin sena, fejn il-politika dikjarata tal-gvernijiet oċċidentali kienet li jġibu aktar nisa jaħdmu. Jitolbu aktar mill-mara u jaqtugħa mill-pożizzjoni li kellha preċdetement. F’kunċett ukoll li l-produzzjoni ekonomika tikber jekk ikun hemm iktar nisa jaħdmu. Ma’ dan il-kultura li l-persuna waħedha tgħodd f’kemm għandha drittijiet umhux f’kemm hemm ukoll doveri. Wasalna llum b’konsegwenza ta’ dak kollu li b’xi mod ġie deċiż qabel. Imma x’soluzzjoni hemm għalina f’dan kollu? Kif nistgħu nibdlu r-rotta, dejjem jekk nistgħu, jitlob iktar attenzjoni minn flus jew ġeneralizzazzjonijiet?

Cash for kids

4. Is-sena li għaddiet, f’The Economist tal-25 ta’ Mejju 2024, l-editorjal prinċipali fetaħ b’dan it-titolu. Fih inkiteb hekk minn dawk li l-industrija jsostnuha sew: “Baby-boosting policies don’t work. Economics must adapt to baby busts instead. As birth rates plunge, many politicians want to pour money into policies that might lead women to have more babies.” (Li l-Istat jaqbad politika li jonfoq iktar biex iħajjar iktar twelid tat-tfal mhux ser taħdem. L-ekonomija trid taddatta ruħha mal-fatt li ser ikun hemm inqas twelid. Hekk kif ir-rata tat-twelid qed tonqos, ħafna politiċi jridu jroxxu iktar flus fil-politika tagħhom sabiex iħajru n-nies jkollhom iktar ulied.) L-argument prinċipali tagħhom huwa li l-gvernijiet ma jistgħux jibdlu dan il-proċess b’iktar flus. Ċertament għalihom fl-industrija b’aktar infiq fin-nefqa nazzjonali, ma jwassalx fejn jaħsbu l-politiċi.

L-analiżi

5. F’dan, minnhom jingħad aktar hekk: “However, Government are wrong to think it within their power to boost fertility rates. For one thing, such policies are founded on a false diagnosis of what has so far caused demographic decline. For another, they could cost more than the problems they are designed to solve.” (Iżda l-Gvernijiet huma żbaljati jekk jaħsbu li fil-kapaċità statali tagħhom ser iżidu r-rati ta’ fertilità. Ibda mill-fatt li din il-politika hija bbażata fuq dijanjosi falza ta’ dak li sa issa kkawża dan it-tnaqqis demografiku. Fuq in-naħa l-oħra, jistgħu jiġu jiswew aktar mill-problemi stess li qed jippruvaw isolvu.) Argumenti li wieħed irid jikkonċedi sa ċertu punt, fis-sens li sa issa għadna m’aħniex naraw biżżejjed politika bbażata fuq studji li jippruvaw il-punt. Dik il-prova li b’aktar flus ser ikun hemm min jitħajjar ikollu iktar ulied, inkella l-kontra tagħha.

Fil-libertà

6. F’dan aktar ċertament kif ikomplu jgħidu: “The decision to have children is a personal one and should stay that way.” (Id-deċiżjoni li wieħed ikollu l-ulied hija waħda personali u għandha tibqa’ hekk.) Imma f’dan xorta waħda huwa utli li wieħed jifhem aħjar is-soċjetà tagħna u għala llum qegħdin niddibattu dan il-punt. F’dan wieħed irid jibni aktar ’il quddiem. Hemm sfida għalina lkoll u din trid soluzzjoni vera u sħiħa. Waħda li hija bażata iktar sew fuq xjenza u analiżi. Dik li tista’ tkun aktar ta’ gwida bħal dak li ġie ppreżentat f’teżi reċenti ta’ Glenn Anthony Falzon, Malta’s low fertility rate: The implications for the political economy of the smallest EU State. Fejn hemm sforz komprensiv ħafna u gwida lejn direzzjonijiet.

Kif tindirizza

7. F’dan aktar, riċentement qrajt numru ta’ artikoli fuq is-suġġett, iktar u iktar meta fid-diskors tal-Budget kien hemm din l-isfida ndikata. Il-Ministru tal-Finanzi għaraf din l-isfida mingħajr verament soluzzjoni. Huwa kien iddikjara tajjeb: “Ilkoll naqblu li s-soluzzjonijiet biex il-familji jlaħħqu mat-trobbija ta’ uliedhom jew saħansitra biex ikollhom iktar ulied, huma varji. Iżda nisġa ta’ diversi miżuri li jkunu effikaċi jistgħu jħallu impatt pożittiv fuq il-familja.” Punt li għandna naqblu fuqu. Biss dan kien forsi mhux fil-post propizju, fis-sens li kien introduzzjoni sabiex jiġi dikjarat li ser titnaqqas it-taxxa fuq il-familji. Punt tajjeb u kontinwità imma mhuwiex ser iġib żieda fit-twelid. Dan għax, kif qed naraw fid-dinja u kif jingħadu studji varji, hemm bżonn iktar minn flus.

Appell favur il-Familja

8. Hemm appelli varji li qed isiru sabiex din il-pożizzjoni tingħata iktar attenzjoni, vera u sħiħa. L-iktar riċenti dik tal-14 ta’ Ottubru 2025 tal-Papa Ljun XIV, li talab li jkun hemm dak kollu possibbli biex il-familji jingħataw il-fiduċja biex iħarsu b’serenità lejn il-futur. F’dan ċertament hemm bżonn naraw jekk f’dawn is-snin, mertu wkoll fost oħrajn tal-effetti varji tar-rivoluzzjoni industrijali, għamilniex politika li tmur kontra l-valur tal-familja. M’għadhiex moda, u anzi, m’għadhiex parti sħiħa mill-politika nazzjonali tagħna. Għalkemm nifhem il-pożizzjoni tal-Gvern illum xorta m’hemmx, fil-qalba politika, ix-xewqa li titwieled mill-bżonn li tipproteġiha.

Bidliet

9. Dik il-politika li tinsab ukoll f’dik li tista’ tifhem fuq naħa li biex nimxu trid ukoll tibdel, taġġusta u tmur ukoll kontra dak li wettqet f’dawn is-snin tiegħu. Imma hemm bżonn aktar Hemm bżonn li jkollna “nisġa ta’ diversi miżuri” li jistgħu jgħaddu kull studju. Gvern differenti mmexxi mill-Partit Nazzjonalista jrid jifhem li din hija okkażjoni sabiex jafferma lilu nnifsu. B’aktar riflessjoni u b’kuraġġ sabiex fil-futur id-direzzjoni tinbidel. Imma dawn jistgħu jimxu ’l quddiem jekk ma jibqgħux ispirati minn prinċipji etiċi materjalisti u minflok f’dawk li jagħrfu u jirrikonoxxu li huwa fl-interess sħiħ tal-Istat li l-familja trid tiġi protetta u kkultivata. Politika li tibda mill-ħarsien tal-familja u wara tal-Istat. Jekk dan isir, naħseb li jkunu qed jitqegħdu ferm aħjar pedamenti sodi u veri milli kellna s’issa.

KANA

1. Wieħed mill-aktar angoli interessanti tat-Testment il-Ġdid huwa li t-tagħlim ma huwiex wieħed għarwien. Imdaħħal bħal xi preċetti jew avv...