9.12.25

FIT-TRIQ IT-TAJBA

1. Hemm numru ta’ punti li wieħed irid jieħu ħsieb jikkunsidra fl-għarbiel ta’ x’soċjetà u struttura demokratika nħaddnu. Bejn realtà u pre-konċetti ta’ miti li jridu jiġu dibattuti. Dawk partikolarment marbuta mal-bnedmin fil-poter f’dak li jaħsbu li għandhom f’idejhom u f’dak li attwalment huma. Fil-ħsibijiet li ilhom jiġu tramandati fil-moħħ tal-poplu għal sekli u ma ġewx kontestati imma aċċettati bħala veritieri. Fil-fatt il-bnedmin ‘jiddivinizzaw’ wisq drabi l-poter fih innifsu. Jattribwixxu, għal dawk li jidentifikaw bħala kapijiet, fakultà, abbiltajiet kważi illimitati li jibdlu l-istorja tal-pajjiż u tagħhom stess. Jimmaġinaw dak li mhuwiex, li dawk li jiggvernaw għandhom kontroll sħiħ fuq il-politika, l-ekonomija, il-burokraziji varji u d-demokrazija stess. Imma fil-fatt nafu li dan mhuwiex minnu u hemm limitazzjonijiet.

Fejn jinsab il-poter

2. Min għandu r-responsabbiltà politika li qed nitkellmu fuqha għandu jagħraf li huwa mxekkel, naturalment, minn numru ta’ raġunijiet. B’dak li huwa mdawwar, bl-unuri, bil-pompa, bil-parati, ċerimonjali varji, bis-sigurtà li trid tipproteġih, bil-ħajja differenti, jaf iktar jagħraf li jrid jikkumbatti kontra l-irrealtà tal-pożizzjoni. Min għandu l-poter f’idejh jispiċċa ‘neċessarjament’ maqtugħ mill-ħajja normali tal-bnedmin fl-attivitajiet soċjali tagħhom. Anzi aktar ma huma kbar il-poteri, aktar isib ostakli f’dak li jaħseb li hija triqtu. Isib ruħu jikkumbatti l-fatt li biċċa biċċa qegħda titnaqqaslu l-konoxxenza tad-dinja li hemm madwaru. Dik li l-fatti veri mhumiex iktar għad-dispożizzjoni tiegħu. F’dan hemm min jaħseb li l-poter veru li jibdel mhuwiex fil-ministeri varji imma fil-kurrenti ta’ ideat spiritwali u materjali li jkunu qegħdin iċaqalqu s-soċjetà.

Viċin il-poplu

3. Iktar u iktar meta nagħrfu li l-istatistika li tipprova tiġbor il-fatti veri għandha l-fallaċji tagħha. Il-marġini ta’ żball u l-varjetà li jibdlu kollox ’il fuq jew ’l isfel jitqegħdu fil-ġenb u wieħed jipprova jikkonċentra fuq dak li jidher li qiegħed jagħmel sens fil-massa ta’ informazzjoni. Mhux biss, imma dawk li jiġbru d-data jużaw sistemi differenti u jiltaqgħu ma’ bnedmin differenti li minnhom joħorġu direzzjonijiet daqshekk ieħor varji. Il-bniedem, jagħmel x’jagħmel, jaf li għandu diffikultà biex jidentifika l-pożizzjoni vera sħiħa. Iktar u iktar min qiegħed fil-poter, li jrid iżomm lill-poplu jaħseb li huwa għandu l-istampa ċara quddiemu u li allura ‘kapaċi’ jagħmel id-deċiżjonijiet it-tajba għal kulħadd. Storja li min qiegħed fil-poter isib li jrid isostni, anki jekk f’qalbu mhuwiex daqshekk konvint dwarha. Imma r-realtà, jingħad x’jingħad dwarha, hija proprju li kull min qiegħed fil-poter politiku jrid jaġixxi fil-parametri u l-limitazzjonijiet ta’ din il-pożizzjoni.

Wieħed jammira

4. Proprju f’dan wieħed irid jammira dak li qiegħed indirettament isir biex il-linja tiġi ddrittatha. L-iktar mill-gazzetti li fil-limitazzjonijiet ekonomiċi u l-kumplikazzjonijiet li għandhom biex joperaw qegħdin iżommu kuntatt dirett mal-poplu. L-istħarriġ tal-opinjonijiet li jsir kontinwament huwa eżerċizzju demokratiku li jisfida l-illużjoni li ħaddieħor irid. Anzi qiegħed ikun ta’ kontroll fuq il-partiti politiċi sabiex jibdlu dak li l-elettorat li jirrappreżentaw irid mingħandhom. Mhux biss, imma f’dan id-domanda li ssir, avolja hija kundizzjonata fil-konformitajiet tagħha, hija xorta ċertament utli u tiftaħ l-għajnejn. Ngħid kundizzjonata għax hija bażata mhux f’dak li l-poplu jrid jesprimi bħala opinjoni, jew messaġġ lejn min imexxih li jiġi identifikat b’kuntatt dirett ma’ dawk li jivvutaw, imma f’forom ta’ kunċetti pre-stabbiliti, inkella aqwa, Brusseljani.

Proprju fuq dan

5. Proprju fuq dan li l-politiċi f’pajjiżna jridu jimxu. Jifhmu l-arti vera tal-politika li tirrappreżenta l-volontà popolari. Limitazzjoni li hija iktar diffiċli fil-‘kumdità’ apparenti li tħalli lir-Raba’ Pilastru lura milli jeżerċita kif għandu l-mestier tiegħu, fejn f’dan hemm inqas ‘fatti’ u opinjonijiet bażati fuq il-ħajja li huma għad-dispożizzjoni. Sfortunatament, f’dawn l-aħħar xhur ir-reazzjonijiet politiċi jistgħu faċilment jiġu identifikati minn fejn ġejjin u għaliex iktar fejn jaħsbu li sejrin fuq deċiżjonijiet meħuda fuq parti mill-fatti. Iktar u iktar mill-kumplikazzjonijiet inutili li daħħal il-Gvern stess fuq jekk għandux jew jekk huwiex ser imur għal elezzjoni ġenerali qabel żmienha. Sqaq dejjaq li daħħal lilu nnifsu fih u li wieħed jifhem għala hemm min issa, f’din is-sitwazzjoni, irid joħorġu minnu malajr. Proprju għax l-indikazzjoni hija dejjem li jekk il-Partit Laburista jmur għall-elezzjoni qabel, allura għandu problemi interni jew qed jaħbi oħrajn li jafhom hu biss. Iktar u iktar fl-isfond evidenti li bil-limitazzjonijiet tal-istħarriġ hemm ċar li l-vot sejjer, biċċa biċċa, kontra l-Gvern. Il-bażi elettorali għalih qegħda titnaqqas u tittiekel. Wara din it-tielet leġislatura, il-poplu qiegħed inaqqaslu mill-appoġġ, u f’dak li huwa evidenti, din id-darba fir-referendum elettorali ser ikun hemm prinċipalment id-domanda jekk il-Gvern għandux jibqa’ hemm.

Proċess inevitabbli

6. F’dan iktar hemm l-għarfien li fil-pajjiż hawn għatx kbir għall-politika ta’ sustanza. Il-Gvern qiegħed jipprova juri li għadu mimli b’vitalità ta’ ideat u viżjoni mmexxi minn dawk li jafu, imma fil-fatt il-poter ġieb iktar il-politika li fiha huwa importanti kif tamministra, iktar milli kif tħares lejn proġetti futuri. Illimitata iktar sabiex ma turtax u tibqa’ żżomm f’postha l-maġġoranza li bnejt fuq il-kunċett tal-alleanza tal-affluwenti. Hemm forom ta’ konsolidazzjoni fil-konservattiviżmu li qiegħed jemerġi. Sfida iktar diffiċli proprju għax it-tastieri li ġew magħfusa qabel kontra l-Partit Nazzjonalista llum m’għadhomx applikabbli iktar. Sija għax il-pajjiż xeba’ minn dik ir-retorika, kif ukoll għall-fatt li hemm bidliet fil-Partit. F’dan hemm min għadu jaħseb li hija biss l-immaġini, il-paraventu li jgħoddu fil-politika tagħna. Sempliċi attività jew ritratti kommoventi, imma l-verità hija l-kontra. Hija s-sustanza politika fl-ideat u fil-kunċetti li hemm sejħa u karba elettorali għaliha. Dik hija li tagħmel il-ħidma u tfassal it-tmexxija tal-Istat fit-triq it-tajba.

No comments:

FIT-TRIQ IT-TAJBA

1. Hemm numru ta’ punti li wieħed irid jieħu ħsieb jikkunsidra fl-għarbiel ta’ x’soċjetà u struttura demokratika nħaddnu. Bejn realtà ...