1. Ninsabu fi żmien fejn dak li għamilna huwa f’pożizzjoni diffiċli. L-arja ta’ madwarna mhijiex aktar dik li kienet. Saret iktar tossika u perikoluża. Pajjiżna mhuwiex waħdu imma jinsab parti mill-Unjoni Ewropea proprju għax ħaddan numru ta’ prinċipji. Id-demokrazija u d-difiża tad-drittijiet umani huma l-ġebla tax-xewka tas-soċjetà tagħna. Dik li tafferma li l-bniedem huwa iktar importanti mill-Istat. Dik li tassiguralu d-dinjità li għandu u l-għarfien legali li jixraqlu. Il-persuna umana mhijiex oġġett, la ta’ politika barranija żbaljata u wisq inqas ta’ gwerer distruttivi li ma jwasslu mkien.
Il-Paċi u l-Gwerra
2. Il-Papa Ljun XIV, tul din il-ġimgħa, fl-10 ta’ Diċembru ddikjara ċar ħafna li ħajja u mewt huma sinonimi ma’ paċi u gwerra. Il-konflitti bejn l-Istati ma jwasslu mkien, salv għal iktar imwiet u iktar distruzzjoni. Fl-istess ħin huma mumenti fejn il-proċess tal-iżvilupp uman imur lura. Mhux biss minħabba l-fatt li hemm infiq u tberbiq ta’ flus fejn m’għandux ikun, imma għax il-prijoritajiet ikunu biss fuq l-aspetti militari, mhux soċjali. Kull min jaqra l-istorja jagħraf li mill-ewwel gwerra dinjija, it-telf finanzjarju għad-dinja ma nġiebx lura. Intilfu riżorsi umani u ekonomiċi li permezz tagħhom id-dinja ma saritx aħjar imma baqgħet tbati mid-diffikultajiet biex iġġib l-affarijiet lura. Il-gwerra għandha lil dawk li jilludu ruħhom qabel jidħlu fiha. Wara, matulha u fi tmiemha jmissu “rebbieħa” jew “telliefa” mal-konsegwenzi. Ma ġġibx lura s-soċjetà taħdem kif kienet qabel jew f’dak li tista’ tkun dak il-ħin.
Drittijiet Universali
3. Tul din il-ġimgħa ċċelebrajna d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem. Dak li seħħ permezz ta’ sforz kbir ta’ diversi Stati fi ħdan il-Ġnus Magħquda fl-1948 jibqa’ magħna. Però, kemm huwa rispettat, ħafna drabi jiddependi minn ħidmietna. Dawn id-drittijiet huma miktuba u jeżistu. Mhumiex dawk li ngħataw mill-Istati. Huma hemm. Twelidna bihom u huma rikonoxxuti leġittimament. Biss, illum il-ġurnata, wara tant snin u esperjenzi umani, nibqgħu nagħrfu li f’pajjiżi varji dawn id-drittijiet mhumiex protetti u lanqas imħaddma. Anzi, hemm dejjem iktar it-tentazzjoni li jiġu injorati u mwarrba. Dan fil-mewġa ta’ awtokrazija li daħlet tipprova tiddomina żbaljatament lid-dinja bil-passi varji tagħha.
Dittatorjati
4. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija nibet l-għarfien ċar tal-ħsara li saret mill-Faxxiżmu u n-Nażiżmu fiċ-ċaħda tagħhom tad-demokrazija, id-dinjità u d-drittijiet umani. Welldet ukoll il-bżonn ta’ politika internazzjonali favur it-tisħiħ tad-demokraziji, għaliex dawn huma garanziji għall-bniedem. Kontra kull gwerra u favur l-istabilità tal-paċi. F’dawn ix-xhur, sfortunatament qed naraw diskorsi minn diversi bnedmin li qed jippruvaw jibdlu dan kollu. B’mod partikolari l-forma ta’ alleanza indiretta li qed tidher kontra d-demokrazija u dak li l-Unjoni Ewropa tirrappreżenta. Qed jiġi lura fuq l-ilsien diskors simili għal dak li Hitler u Mussolini kienu jiddikjaraw, u li l-istorja wriet li kienu żbaljatissimi. Hija mewġa ta’ propaganda ta’ ideat li huma kuntrarji għal dak li aħna llum u għal dak li jidentifikana.
Difiża
5. F’dan huwa iktar ċar li din it-theddida trid issibna iktar sodi f’dak li naħsbu u f’dak li nwettqu. M’għandniex ngħaddu minn dak li għaddejna, u lanqas nippermettu li jsiru l-atroċitajiet li għalihom qiegħed jitbexxaq il-bieb. Irridu nassiguraw li fis-soċjetà tagħna u f’dik Ewropea jkun hemm iktar l-għarfien li nimxu ’l quddiem għax aħna f’demokrazija fejn id-drittijiet umani huma protetti. Jekk ma nkunux dawk li huma konvinti u li aħna stess aderenti għalihom inkunu qed nagħtu saħħa lil din it-theddida. M’għandniex, la nibqgħu lura u wisq inqas nitilfu l-vuċi tagħna sabiex naffermaw li aħna, sija fil-kitba, kif ukoll fil-prattika, hekk aħna. Ibda minn min għandu f’idejh ir-responsabbiltà tal-poter u ibqa’ nieżel f’kull parti u rokna tas-soċjetà tagħna.
Pajjiżna
6. Nistgħu niddikjaraw ħafna, imma jekk ma nassigurawx formazzjoni politika u ċivika soda nkunu qed inżarmaw li għandna. F’dan, il-politika għandha iktar sehem attiv. M’għandhiex tibqa’ lura milli jkollha ideat ċari f’dak li temmen u f’dak li trid twettaq. F’dak li ħajjar lill-Papa li jiddefendi l-prinċipji etiċi u l-mudelli ta’ ħsieb li l-patrimonju intellettwali tal-Ewropa Nisranija għandu. Dawk li huma essenzjali biex wieħed jiddefendi: “... i diritti divinamente conferiti e il valore intrinsico di ogni persona umana, dal concepimento alla morte naturale.” Punti ċari li jibqgħu dawl għalina li nagħrfu kemm huwa faċli tmur lura u titlef dak li diġà għandek. Proprju issa li ninsabu f’dinja fejn l-aġenda ta’ dawk li jiddominaw mhijiex favur dak li aħna, nittamaw li nagħrfu fis-sħiħ din l-akbar theddida u nippreparaw irwieħna għaliha.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
18.12.25
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
NISTENNEW IX-XEMX TIELGĦA?
1. Sena ġdida ġġib magħha ħafna tamiet lejn dak li ġej. Dawk marbuta ma’ ħajja aħjar u soċjetà daqshekk ieħor. Dawk personali fit-taql...
-
10922. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qegħdin...
-
9944. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza: Jista’ l-Ministru jgħid ke...
-
27921. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista’ d-Deputa...
No comments:
Post a Comment