Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
28.4.26
PUNTI XEJN QOSRA
Ktieb
2. Dan il-mument sabni waqt li kont qiegħed naqra l-ktieb ta’ Domenico Agasso (1979), ġurnalist mal-gazzetta Taljana La Stampa. Wieħed ippubblikat f’Mejju tas-sena li għaddiet. Iddedikat u bit-titlu Leone XIV. Il Papa Venuto Per La Pace. Mimli b’informazzjoni u li jfehemna aħjar min huwa dan il-papa l-ġdid. Dan il-membru tal-Ordni Agostinjan, Robert Francis Prevost. Imwieled fl-Istati Uniti tal-Amerika imma li għamel snin twal bħala missjunarju u li wara sar ukoll ċittadin tal-Perù. Dalwaqt, fit-8 ta’ Mejju, jum il-festa tal-Madonna ta’ Pompei, ikun diġà ilu sena fil-kariga. Imexxi, kif qed naraw, b’intelliġenza kbira. Nafu li kliemu tant qed jolqot il-kuxjenza li saħansitra hemm mexxejja li jħossu li huwa fl-interess tagħhom li jattakkawh personalment. Proprju f’dan il-kuntest attwali li dan id-diskors ħaqqu attenzjoni.
Djalogu
3. Ngħid dan iktar fil-kuntesst tal-fatt li tul dawn is-snin inħoss li fortunatament kellna preżenza politika ta’ bnedmin iffurmati fid-Demokrazija Kristjana. Il-Papa jindirizzana llum, lilna li aħna, u li għadna nemmnu fil-benefiċċju ta’ din il-linja politika għall-ġid komuni tal-bnedmin fis-soċjetà. Fl-apprezzament li l-PPE jirrikonoxxi l-għeruq tal-għeruq Insara tagħna. Ifakkarna li aħna wlied dawk li bnew l-Unjoni Ewropea: Adenauer, De Gasperi u Schumann. F’dak li fil-valuri etiċi Nsara bnew proġett prattiku sabiex wieħed jaħrab mill-ġdid il-kunflitt li t-Tieni Gwerra Mondjali ġiebet. Fakkarna mill-ġdid li b’dan l-ideal nistgħu nibnu koperazzjoni u niskopru mill-ġdid u fis-sħiħ dak li rċevejna mingħand ta’ qabilna fid-dimensjonijiet umani, kulturali u reliġjużi fis-sekli. F’dawk li nikkunsidraw dawn bħala l-prinċipji, il-pedamenti komuni ta’ għaqda fil-fidi personali tagħhom lilna.
Unità
4. Il-Papa ċċita mill-ġdid il-kliem ta’ Papa Franġisku: “Unity is greater than conflict” (L-unità hija akbar mill-kunflitt). Fi proċess ta’ direzzjoni sabiex iqawwi qalb politiċi Nsara u fl-istess ħin sabiex jagħtihom skop u direzzjoni mġedda. Fih hemm siltiet twal li jimmeritaw attenzjoni u li jiġu ċċitati. Waqt li jfakkarna li l-politika hija “... the highest form of charity” jikteb sabiex inkunu iktar lesti naħdmu b’kuraġġ, determinazzjoni u perseveranza lejn il-ġid komuni. Huwa qal hekk: “The primary task of any political action is to offer the ideal vision, for politics require a broad view of the future, without fearing to make differenti and even unpopular choices when necessary for the common good.” (L-ogħla ħidma ta’ kull azzjoni politika hija li toffri viżjoni bażata fuq ideal, għax il-politika titlob ħarsa fit-tul lejn il-futur, mingħajr ma tibża’ twettaq għażliet differenti li jistgħu wkoll ma jkunux popolari iżda neċessarji għall-ġid komuni.)
Il-Bniedem fiċ-Ċentru
5. Ifakkarna aktar fil-bżonn li niftakru li fil-verità u l-ġustizzja, il-persuna uman għandha tkun fiċ-ċentru ta’ ħidmietna. Fejn irridu nifhmu li l-politika t-tajba tirnexxi fid-direzzjoni tagħha meta din tinvolvi lil dawk li nirrappreżentaw. F’politika parteċipattiva, fl-għarfien li kull ċittadin huwa bniedem u mhux biss numru, individwu. Ifakkarna tant tajjeb hekk, u aħfruli jekk ser niċċitah fit-tul, imma jimmerita: “They are not merely passive recipients of political proposals and decisions; they are, above all called to be active participants sharing responsibility for every political decision. Being present among people and involving them in the political proċess is the best antidote to populism, which seeks only easy approval, and to elitism which tends to act without consensus.” (Il-bnedmin mhumiex sempliċement oġġetti passivi tal-proposti jew deċiżjonijiet politiċi; huma fuq kollox imsejħa sabiex ikunu parteċipanti attivi li jaqsu r-responsabbiltà għal kull deċiżjoni politika. Li wieħed ikun preżenti man-nies u li jara li jinvolvihom fil-proċess politiku huwa l-aqwa rimedju kontra l-populiżmu, dak li jfittex biss l-approvazzjoni faċli u kontra l-elitiżmu li jtendi jaħdem mingħajr il-kunsens tal-bnedmin.)
Direzzjonijiet
6. Il-linja tal-ħsieb ċar tal-Papa hija dik bażata fuq il-politika t-tajba. Hija dik li tinsisti sabiex ikun hemm lura dak il-kuntatt personali bejn iċ-ċittadin u r-rappreżentant tiegħu. Dan fil-bżonn li fid-demokraziji tagħna, id-deputati jwieġbu b’mod effettiv għall-problemi konkreti tal-bnedmin fid-dawl ta’ dan l-ideal. Fil-linja li ġġib lura lill-persuni umani billi wieħed jersaq lejhom b’mod konkret u f’dan li tinbena xibka ta’ relazzjonijiet mibnija mill-ġdid għall-ġid. Waħda li trid il-ħin, l-impenn, proġetti fejn l-imħabba lejn il-verità hija ċentrali. Huwa jimbuttana, bħala politiċi u l-iktar bħala politiċi Demokristjani, li niskopru mill-ġdid il-wirt Nisrani. Fejn insiru xiehda Nsara fi proposti u għażliet politiċi konkreti, fejn inħallu l-Vanġelu jmexxina fid-deċiżjonijiet li jkunu jridu jsiru.
Ninvestu fil-Libertà
7. Lejn l-aħħar tad-diskors, il-Papa jittratta l-kwistjoni tal-libertà. Dik li spiss tiġi invokata, użata, u l-iktar, abbużata. Fejn il-kunċett veru tagħha qiegħed jitwarrab fl-linji ta’ materjaliżmu. Fejn taħt dan wieħed jipprova jiġġustifika l-abort jew l-ewtanasja. Fil-libertà toħnoq il-ħajja u għalhekk il-libertà ta’ oħrajn. Ljun XIV immarka dan il-punt waqt li kien qiegħed jindirizzana, aħna li niffurmaw parti mill-Partit Popolari Ewropew proprju għax aħna Demokristjani. Huwa jiddikjara tant tajjeb hekk: “... not a trivialised freedom reduced to mere personal preferences, but one rested in the truth, which safeguards religious freedom, as well as freedom of thought and conscience in every place and circumstance. At the same time, fostering a “short-circuit of human rights” must be avoided, for it ends up giving way to force and to oppression.” (Mhux libertà trivjalizzata, mċekkna biss għall-preferenzi personali, imma waħda bbażata fuq il-verità, li tipproteġi u tiggarantixxi l-libertà reliġjuża kif ukoll il-libertà tal-ħsieb u kuxjenza f’kull post u ċirkostanza. Fl-istess ħin, li tħajjar “ċirkuwitu qasir ta’ drittijiet umani” li għandu jiġi evitat, għax dan fl-aħħar jagħti lok għall-forza u l-oppressjoni.)
Brief Points
8. Dan id-diskors sar bil-lingwa Ingliża lill-udjenza li setgħet tifhmu sew. Imma għal min jinteressah, it-traduzzjoni tiegħu bit-Taljan hija daqstant ieħor stupenda. Ovvjament, il-portata ta’ dan id-diskors hija qawwija ħafna għal min jidħol sewwa fih, anki jekk skont hu jirrappreżenta biss punti qosra; punti ta’ tluq għar-riflessjoni lil dawk li jaħdmu fid-dinja diffiċli tal-politika. M’hemmx dubju li l-bniedem jaf sewwa x’inhuwa jgħid u kliemu jolqtok sabiex tissoda u tkabbar dak li tkun qed twettaq. Inħarsu ’l quddiem fis-snin li ġejjin. Inħarsu, anzi, lejn dak li għad irid jgħidilna, speċjalment fil-Parlament Ewropew innifsu, fejn ser ikun qiegħed jindirizza lill-membri ta’ partiti politiċi differenti. Ċert li ser ikun daqshekk ieħor determinanti u interessanti. F’dan kollu napprezzaw li dawn huma punti qawwija li huma kollox barra qosra.
KIEN ILU JWISSINA
Għaddiet sena
2. Fil-21 ta’ April tas-sena li għaddiet ġie nieqes il-Papa Franġisku. Ta’ tmienja u tmenin sena ġie msejjaħ lura lejn il-Ħallieq tagħna lkoll. Wara ħajja ta’ ħidma favur il-bniedem, favur dawk li huma l-inqas fis-soċjetà. Wieħed li fil-kariga kkarga ferm iktar il-vuċi tiegħu. Altru tkun Isqof, altru Kardinal u altru Papa. Bergoglio ħa ħsieb jitkellem u jwassal il-messaġġ tiegħu fuq kull livell. Dak spiritwali, dak pastorali u dak politiku. B’kull mezz possibbli. Kull forma ta’ komunikazzjoni li hemm fid-dinja sabiex il-vuċi tas-sewwa tasal fejn għandha tasal.
Enċikliċi
3. Infakkar fid-diversi enċikliċi li ħa ħsieb li jiġu ppubblikati. Huma f’idejna. Uħud qrajnihom, oħrajn le, imma l-verità hija li għadhom rilevanti sal-lum. Jixraq li jinqraw mill-ġdid proprju għax huma mimlija b’għerf u sustanza. Il-Papa Ljun XIV deher li fehem aktar dan u diġà qiegħed jitlob li fil-Konċistorju li ġej, il-Kardinali jiflu sew l-enċiklika Evangelium Gaudium. Dan sabiex jiġu segwiti l-linji pastorali li huwa indika għalina. Messaġġi ċari, sija fir-rilevanza, kif ukoll li dawn mhumiex parti mill-passat remot, imma mill-preżent attwali. F’dan nibqgħu nifhmu li Franġisku għadu magħna u kliemu huwa ta’ gwida li jesiġu mingħandna li naqrawhom sew. Fortunatament il-Knisja għad għandha l-għerf li ma tagħmilx dak l-iżball li tiskarta u tinsa, imma tagħti piż u rilevanza.
Fid-dinja politika
4. Il-Papa Franġisku kien vuċi qawwija favur il-paċi fid-dinja. Waħda li tħares fl-istorja u tiddikjara li ma hemmx ġid mill-gwerer. F’dinja li flok qed insolvu l-kunflitti, qed nieħdu ħsieb li nkattruhom. Dawk li l-aktar jippontifikaw favur kemm iġibu t-tmiem, huma dawk li bħalissa qegħdin iżiduhom. Ninsabu f’xenarju internazzjonali fejn kull skuża hija tajba sabiex jintużaw l-armamenti. Dawk ta’ kull tip. Li ma tantx jiswew, bħal dawk li l-Ukrajna tuża, jew dawk l-iktar li jiswew, bħal dawk li qed tibgħat l-Istati Uniti. Hemm min jiddefendi u hemm min qiegħed jattakka sew. Hemm min jiddikjara li ser isolvi u hemm min iktar jikkumplika. Il-verità hija li dħalna f’dinja fejn ma hemmx kap jew kuda. Diversi jafu b’dan. Ħafna inkwetati, oħrajn jistennew il-mument opportun biex jintervjenu. Xenarju mill-iktar ikrah, u fil-preżent, kważi permanenti. Ħadd ma jista’ jsib tarf ta’ dak li ninsabu fih.
It-Tielet Gwerra Mondjali
5. Papa Franġisku kien iddikjara diversi drabi li d-dinja qabdet it-triq għat-Tielet Gwerra Mondjali. Qabel ħafna, jien inkluż, forsi rajnih qiegħed jesaġera. Illum però l-pożizzjoni hija differenti ferm. Bi Presidenti bħal Donald Trump fuq naħa, u Vladimir Putin fuq in-naħa l-oħra jew flimkien miegħu, ma hemmx wisq possibilità li l-affarijiet jinbidlu. Meta taġixxi militarment huwa dejjem perikoluż. Ferm u ferm iktar meta tidħol fil-kunflitt mingħajr ma tifhem il-kuntest u l-konsegwenzi tal-aġir sħiħ tiegħek. Tidħol mingħalik li ser issolvi, u minflok, tikkumplika l-affarijiet inti stess. Nibqa’ skantat kemm il-bnedmin idumu biex jifhmu li d-diskors vojt hekk jibqa’: diskors vojt. Iktar minn hekk, dak tar-raġuni u bis-sens, flok imexxuh u jiddependu minnu, jiskartawh.
Ninsabu wieqfa
Wara dan
7. F’dan kollu, u waqt li naraw li lanqas il-kunflitt fl-Ukrajna mhu ser jieqaf, nistgħu nifhmu li sejrin lejn perjodu itwal ta’ gwerra u fejn l-armi ser jidħlu biex jippruvaw isolvu dak li ma jistax jiġi solvut. Bdiet triq soda li sakemm ma jkunx hemm bidla fil-mexxejja u fil-mentalità, l-affarijiet hekk ser jibqgħu. Forsi l-elezzjonijiet li ġejjin f’dak il-pajjiż ser jibdlu l-imħuħ. Min jaf jekk tirbaħx ir-raġuni jew tibqax telliefa, vittma tal-ġenn uman. Jekk le, nistgħu biss niftakru f’dak li Franġisku kien qalilna. Kien wissiena sew u ma tajniex kasu. Illum ninsabu fi kliemu.
22.4.26
LIBERI MILL-KAOS
Tisħiħ
2. It-telfa elettorali daqshekk netta ta’ Viktor Orban (1963) tfisser li ser ikun hemm konsolidar ta’ pożizzjonijiet li qabel kienu mhedda. L-Unjoni Ewropea ser tara lill-Ungerija lura taħt il-Prim Ministru l-ġdid ta’ ħamsa u erbgħin sena, Peter Magyar, li jdawwar lura dak kollu li żamm fondi Ewropej milli jidħlu għad-dispożizzjoni ta’ pajjiżu. Il-qtugħ ta’ rabtiet mal-Federazzjoni Russa u ma’ Donald Trump. Ma jidhirx li Magyar ser jinsa daqshekk malajr l-appoġġ li l-avversarju politiku tiegħu kellu direttament mill-Viċi President Amerikan JD Vance, li b’mod għalkollox żbaljat intervjena fil-kampanja elettorali. L-iktar dan fl-għarfien li hemm pożizzjonijiet li ma jippermettux li pajjiż, b’xi mod, jitlef l-indipendenza tiegħu. Dan aktar flimkien mal-għarfien li anzi, l-Unjoni Ewropea hija l-garanzija tad-demokrazija u tal-libertà vera wara tant snin ta’ ħakma Sovjetika.
Oħrajn
3. Ma’ dan wieħed irid iżid ukoll li anki l-Prim Ministru Ingliż Keir Starmer (1962) fir-Renju Unit għandu l-bieb miftuħ sabiex jikkunsidra mill-ġdid id-dħul fl-Unjoni Ewropea. Diġà hemm dawn is-sinjali. Dan għax il-politika Amerikana qed tindaħal fejn m’għandhiex u bħalissa mhijiex popolari wisq mal-ġenerazzjonijiet il-ġodda. Aktar f’dak il-pajjiż fejn il-partit ta’ Nigel Farage (1964) qiegħed ikompli jiġi mbuttat mill-istess Trump. Sija fit-tifħir dirett lejn politika li ma tirrispettax il-verità jew id-dinjità tal-bniedem, kif ukoll u aktar bil-kritika nġusta lill-istess Starmer, bi kliem dispreġjattiv u intenzjonat biex jumilja. Il-politika barranija Amerikana bħalissa mhijiex tinżel tajjeb u qed tirrendi ruħha impopolari għall-aħħar. Mhux biss għaliha stess iżda issa, u iktar, dawk li b’xi mod jistgħu jiġu assoċjati politikament magħha. Simpatija kbira fil-kontinent Ewropew ma hemmx. Għal snin twal waqaf ikun il-poplu li jispira lil oħrajn jew li jġorr il-bandiera tas-sewwa. Daqqa ta’ ħarta li bħalissa diffiċli ġġib lura dak li fiż-żmien kien.
Anki viċin
4. Fl-Italja wkoll, Giorgia Meloni (1977) qed issib ruħha f’żona ta’ baħar imqalleb. Wara r-riżultat tar-referendum li mar kontra tagħha u wara l-fatt li marret tappoġġja lill-istess Orban. Issa, fil-kwistjoni iktar ikkumplikata u viċin il-ġenn politiku li l-istess Trump jattakka lill-Papa Ljun XIV, kellha tiċħdu politikament. Mhux wisq alternattivi għaliha, meta l-argumenti miġjuba huma żbaljati u mingħajr raġuni ta’ xejn. Kliem żejjed u intenzjonat li jumilja, imma li fil-fatt kienu kontro-produċenti u li ħallew togħma mill-iktar morra. Il-Partit Repubblikan Amerikan ser iħallas prezz politiku fl-elezzjonijiet li ġejjin u dan għax il-votanti Kattoliċi, kif ukoll dawk moderati fi ħdanu ser jaraw li m’għandhomx jappoġġjaw din it-tip ta’ politika. Il-kliem ma kienx hemm lok li jingħad. Biss aktar, f’dan Meloni trid tara kif ser issib lura saqajha elettoralment. Ma tistax, jekk trid tibqa’ hemm, tilgħab fuq il-lemin-lemin u tassoċja ruħha ma’ dawk li tilfu. Jekk trid iżżomm il-poter trid timxi lejn iċ-ċentru moderat. Kemm ser tkun kapaċi tagħmel dan, għad irridu naraw. Imma bħalissa nfetaħ bieb beraħ għall-oppożizzjoni, li ħadet numru ta’ lezzjonijiet u hemm xamma ta’ bidla.
Il-Bnedmin
5. F’dan kollu, f’dawn il-ftit jiem ix-xenarju politiku għadda minn bidla qawwija. Fil-fatt huwa l-konsegwenza ta’ dawn l-aħħar snin li issa ġie fil-mument li jrid iħallas il-kontijiet. Xenarju li żviluppa fil-kontra ta’ dak li għandha tkun il-politika vera. F’dan iktar proprju l-pożizzjoni determinanti hija li l-politika mhux qed issir fir-rispett lejn id-dinjità umana. Il-lemin-lemin mhuwiex iġib linja ta’ attenzjoni u moderazzjoni fil-konfront tal-bnedmin. Anzi, huwa ispirat mill-idea li tista’ tittratta lil bnedmin oħra b’nuqqas ta’ rispett. Politika li tinsa li l-bnedmin mhumiex blalen. Ballun tagħtih bis-sieq, jaħbat mal-ħajt u jerġa’ lura lejn bi kważi l-istess forza li tibda f’dak il-moviment. Mentri l-bnedmin le. Min jaqla’ ma jiġix lura. Jieħu nota, u jistenna. Id-disprezz lejh iwassal biss sabiex l-appoġġ jew is-simpatija li seta’ kien hemm, jintilfu.
Il-Kuxjenza
6. Fil-verità, min qiegħed fil-poter irid l-iktar u kważi biss lil dawk li jaqblu miegħu. L-oħrajn barra, u jridu jitkeċċew jew jiġu attakkati. Dan għax jagħrfu li mhumiex fil-pożizzjoni, jew fl-abbiltà li jwieġbu għal dawk il-vuċijiet tal-kuxjenza. San Ġwann Battista, kif nafu, għadda proprju minn dik l-esperjenza. Fuq dan il-ħsieb, Antonio Spadaro (1966), il-Ġiżwita magħruf u editur ta’ La Civiltà Cattolica, li dejjem ikun fih x’taqra, fl-Avvenire kiteb hekk: “L’attacco di Donald Trump al Papa non è solo polemica politica, rivela il disagio davanti alla fatica di contenere una voce morale capace di denunciare guerra, idolatria del denaro ed esibizione della forza.” (L-attakk ta’ Donald Trump fuq il-Papa mhuwiex biss polemika politika, imma juri diffikultà quddiem il-fatt li ma jistax irażżan vuċi morali kapaċi li tikkundanna l-gwerra, l-idolatrija tal-flus u l-użu tal-forza.)
Id-dinja qed tinbidel
7. F’dan niftakru f’kemm il-bnedmin fil-poter jimmaġinaw li huma destinati jibqgħu hemm għall-eternità. Niftakru li jiżbaljaw fil-politika tagħhom meta jippruvaw jikkontrollaw u jeliminaw lil dawk li ma jirnexxilhomx. Tul dawn il-jiem bdejna naraw iktar li l-verità u s-sewwa jirbħu. Importanti li jkollhom lil min isemma’ leħnu u jitkellem fil-libertà. Kif jikteb Spadaro: “Leone non risponde sul terreno delle polemica, e proprio per questo resta fuori della presa. È libero, di quella libertà, disarmata e disarmante, è forse ciò che più inquieta il potere che agita il caos.” (Papa Ljun ma jweġibx fit-termini tal-polemika, u proprju għalhekk jibqa’ barra milli jista’ jinħataf. Huwa liberu, b’dik il-libertà mhux armata iżda li żżarma lil min hu armat, u forsi dan huwa l-iktar li jinkwieta lill-poter li jqanqal il-kaos.) Lezzjonijiet li jmexxuna biex ikollna iktar fiduċja li d-dinja qed timxi ’l quddiem, u li l-libertà vera tirbaħ fuq il-kaos li oħrajn jinsabu fih.
14.4.26
THE WAR OF THE ROSES
L-Individwaliżmu
2. Forsi f’dan ninsabu ulied ta’ ġenerazzjoni, ta’ soċjetà li trid tafferma din li hija d-dominanza tal-kultura preżenti. Dik marbuta mal-ħsieb li l-individwaliżmu jgħodd f’kollox. Ibda minn ideat kontra l-ġid tal-bniedem marbuta mal-kunċetti ta’ kummerċ fejn ir-regoli ma jiġux rispettati. Kull bniedem għal rasu. Jimxi skont dak biss li jaħseb li jaqbillu materjalment, finanzjarjament u ma jħarisx iktar ’il bgħid. Dawk li huma l-kontra tal-persuni li jagħrfu, mill-esperjenza personali tagħhom, li iktar ma tagħti, iktar ma tkun impenjat għall-oħrajn, iktar tkattar u twettaq opri siewja. L-altruwiżmu jibqa’ l-pedestall veru li fuqu tkabbru soċjetajiet, nazzjonijiet, pajjiżi u ġnus. Dan fl-għarfien li l-gwerra nfisha, sija dik soċjali, politika jew militari hija frott tal-ħsieb li hemm min huwa aqwa minn ieħor tant li jista’ jimponi ruħu fuqu, li jeliminah jew jiddominah.
Alġerija
3. Linja li ma naqblux magħha imma li direttament u indirettament tmiss mal-ideat fis-soċjetà tagħna. Mingħajr ma nafu, aħna influwenzati u rridu nikkumbattu sew, internament l-iktar, sabiex immorru kontra l-kurrent biex b’hekk niqfulha. Niddistingwu ruħna f’aġir differenti, diffiċli wkoll, li jħajjar lejn il-paċi, id-djalogu u r-rikonċiljazzjoni. Anki jekk f’mumenti nistgħu nħossuna mwaħħla u ma nistgħux nimxu f’forma ta’ lega iebsa ta’ sadid, xorta għandna eżempji madwarna li nistgħu nisperaw ruħna minnhom. Nikteb aktar dan fl-għarfien li l-Papa Ljun XIV, mimli b’għerf u intelliġenza, ilbieraħ beda vjaġġ appostoliku ta’ għaxart’ijiem f’erba’ pajjiżi ġewwa l-kontinent Afrikan. F’dawn il-jiem ser jibda fl-Alġerija, fejn missierna Santu Wistin għex u ħalla wirt uniku. Għażla viċin il-qalb, imma l-iktar dikjarazzjoni li anki jekk l-art tidher ostili u li fiha diversi Nsara f’dawn is-snin inqatlu martri, bħall-qaddis Charles de Foucauld u s-seba’ patrijiet Trappisti ta’ Tibhirini, xorta hekk bżonn preżenza soda u ftuħ lejn il-paċi.
Responsabbiltà
5. F’dan il-kuntest, Gillingham ifakkarna li: “The evil that men do lives after them.” (Il-ħażen li l-bnedmin iwettqu jibqa’ ħaj warajhom). Proprju f’dan, ir-responsabbiltà tagħna bħala bnedmin, u aktar minn hekk ta’ dawk fil-politika, tinsab fuqna u rridu nġorruha tajjeb. Jew ser nippermettu li kollox jibqa’ kif kien qabel u nħallu dan il-proċess uman ikompli jirkibna kif kien għamel qabel, u anzi li jissoda fuqna stess, jew inkella mmorru kontra tiegħu. Niħdux sehem fil-battalji aggressivi li nbdew minn oħrajn. Nilbsux il-ward abjad jew aħmar, kif għamlu bnedmin biex niżlu fil-kontinwazzjoni ta’ dan iċ-ċirku vizzju fir-Renju Unit bejn l-1455 u l-1485. Dan jiddependi mill-ħidma tagħna. Minn dak li lesti li nwettqu biex inwaqqfu din l-arja żbaljata li fil-fatt toħnoq l-iżvilupp siewi tal-bniedem u tal-ambjent sħiħ tiegħu.
Viċin tagħna
6. Jista’ jkun li issa, malajr, ġejja elezzjoni ġenerali fuqna, u jista’ wkoll li din tiġi aktar tard, fi żmienha. Dan, sa ċertu punt huwa irrelevanti fl-argument li qiegħed inressaq. Dan għax, sfortunatament, ninnota li diġà bdejna b’diskors iebes fuq xulxin. Fuq dawk li huma suppost l-estremisti ta’ naħa. Fuq dawk li huma identifikati bħala ta’ kontra tagħna. Fuq kemm l-oħrajn iridulna l-ħsara u kemm għandhom intenzjonijiet ħżiena. Preludji ta’ xenarji li jħallu l-marki ta’ ħsara. Diġà qed nara bnedmin li bdew jiġu kkargati kontra xulxin. Ninsew li għandna l-benefiċċju li ngħixu f’demokrazija. M’għadniex ngħixu fil-passat u minn fuq dawk il-bnedmin issa għaddew ħames mija u sebgħin sena. Ninsew li dawk fil-politika ċertament għandhom l-ambizzjonijiet personali tagħhom, imma jridu l-ġid lil pajjiżhom, fejn ħadd m’għandu jimmaġina li għandu l-monopolju.
Fil-Partiti
7. Argument li jrid jittieħed pass ieħor ’il quddiem fil-frammentazzjoni li jidher li ilna nġorru fi ħdan il-partiti politiċi rispettivi. Dan fid-dawl tal-kunflitti nterni f’taħlita ta’ personalitajiet u pożizzjonijiet. Iktar u iktar meta tara żewġ fatturi: l-ewwel, l-individwaliżmu qawwi li jirrenja u li jiddomina fil-kampanji elettorali, fejn kull persuna huwa maqtugħ għal rasu u ttentat jagħti bil-minkeb lil dawk li huma fil-partit tiegħu stess biex jirbaħ; u t-tieni, fil-politika żbaljata ta’ dawk li meta jmexxu, flok jaraw il-partit magħmul minn bnedmin varji, jaqblu jew ma jaqblux miegħu, minflok jagħżlu li jingħataw l-iktar importanza dawk li huma ‘miegħu’. F’dan il-kunflitt qed ninnutaw iktar li bnedmin varji li servew fl-Eżekuttiv tal-pajjiż, għal xi raġuni jew oħra diġà ngħataw x’jifhmu li m’għandhomx il-possibilità li jidħlu lura. Parti integrali mill-partit, imma kkunsidrati barra minnu.
Pendlu
8. F’dan il-kuntest, flok qed nieħdu ħsieb li mmorru lejn ċentru moderat ta’ naħa jew oħra, hemm tentazzjonijiet oħra. Flok niftakru li għalkemm dawn wara Lancaster kienu ħomor u ta’ York bojod, ir-rebbieħa finali Tudor għaqqdu ż-żewġ wardiet. Kif Francesco Rutelli (1954), politiku li serva fuq ix-xellug u li ġie iktar lejn iċ-ċentru ddikjara li hemm il-biża’ li l-politika tal-estrem ta’ dawk li flok għandhom programm ideoloġiku, jiddikjaraw il-preżenza tagħhom: “Esiste quando ti combatto e esisto quando ti odio” (Neżisti meta nikkumbattik u neżisti meta nobogħdok). F’dan irridu nifhmu aktar kemm id-demokrazija titlob aġir tajjeb mingħandna. Nifhmu wkoll kemm dawk li jkunu jidhru l-iktar b’saħħithom jitilfu huma wkoll il-poter. Lezzjoni fil-politika, li kif Viktor Orban (1963) qiegħed fl-Ungerija jagħraf kif isseħħ il-bidla bl-użu tar-raġuni. F’dan aktar irridu nikkumbattu proprju li b’xi mod immorru lura lejn il-kuntesti u l-mentalitajiet ta’ dak li ġiebu ’l hekk magħrufa “Wars of the Roses”.
12.3.26
F'DINJA NIEQSA MILL-PAĊI
Riżentimenti
2. Dan iktar u iktar fiż-żerriegħa żbaljata li qed naraw tinxteħet f’qalb u moħħ il-bniedem. Kif nafu, il-mexxejja, f’dan kollu jiġu u jmorru, imma dak li jħallu warajhom ma jintilifx meta jitneħħew jew jindifnu. Jibqgħu hemm, preżenti, jistennew li f’mument jew ieħor, joħorġu. F’dan nafu diġà b’dak li għandna, imma daqshekk ieħor proprju ser inkomplu naraw b’dak li ġej għalina fil-futur. Wieħed jista’ jaħseb li dak li hu għaddej ser isolvi dak li kien qiegħed idejjaq. Jista’ wieħed jimmaġina li l-użu tal-armi militari ser iġib il-bidliet li jrid, imma fil-fatt l-istorja li għaddejja turi l-kontra. Dak li għaddej, iktar u iktar mhuwiex fil-fatt il-mod ta’ kif, jekk ma tagħmilx ħbieb, almenu ma żżidx l-għedewwa.
Kumplikazzjonijiet
3. F’dan kollu hemm iktar l-għarfien li ma ssolvix, imma ġġib iktar diffikultajiet. Dan huwa preċiż dak li qed naraw għaddej fl-Iran u fil-pajjiżi ta’ madwaru. Kienu x’kienu r-raġunijiet li jistgħu jiġu ppreżentati lilna f’termini ‘nobbli’ inkella ‘neċessarji’, jibqa’ l-fatt li l-effetti tagħhom qed isiru raġunijiet ġodda. Ser indumu biex nifhmu li fil-fatt dan kollu ġej minn ġenerazzjoni ta’ politika li għadha taħseb li hija qed taġixxi fil-passat. Ix-xenarju li wieħed jitlaq minnu huwa dak li kienet id-dinja qabel l-Ewwel Gwerra Mondjali u timmaġina li tista’ ġġib fis-seħħ mekkaniżmi li setgħu saru dak iż-żmien bit-teknoloġija moderna tal-lum.
Fejn ser immorru?
4. F’dan iktar, l-affarijiet huma iktar diffiċli biex tifhimhom meta tqis li l-kamp tal-battalji nbidel drastikament f’dawn is-snin. Wieħed ma jsolvix billi joqtol jew jiddistruġġi b’dak li għandu fit-triq militari qawwija u sproporzjonata, imma li timxi u taġixxi b’mod differenti. Wara l-esperjenzi fl-Iraq u fl-Afganistan, flok ittieħdu l-lezzjonijiet sabiex ma nidħlux aktar fihom, qed naraw ripetizzjonijiet. Inkella għal uħud hija l-korrezzjoni fuq dak li twettaq ħażin qabel. Dan fil-ħsieb kontinwu li hemm min għandu dritt jikser kull liġi internazzjonali u jaġixxi fil-libertà u fin-nuqqas ta’ konsultazzjoni tradizzjonali.
Fil-passat
5. F’dan, kull ma rrid huwa li nħarsu lejn ftit snin ilu sabiex nifhmu kemm kien dejjem aħjar li qabel kull azzjoni jkun hemm diskussjoni u djalogu intern. Wieħed li kien isir, u f’dan il-mument qed naraw li mhuwiex. Forsi jista’ jkun hemm min jaħseb li dan juri li xejn ma jista’ jew għandu jwaqqfu. Imma meta taġixxi f’dan ix-xenarju ssib ruħek f’pożizzjoni fejn oħrajn jibqgħu lura. Meta titlaq taġixxi u dan biex ma jkollokx telf ta’ żmien, inkella opinjoni differenti, tkun hemm. Aktar u aktar meta joħroġ l-għarfien li x-xenarju huwa tant viċin l-Ewropa li b’xi mod jew ieħor ser jiġu nvoluti. Kif f’dan kollu ser jaġixxu mhuwiex faċli quddiem dan il-fatt kompjut. L-Iran mhuwiex il-Venezwela. Huwa ’l bogħod mill-Istati Uniti, imma mhuwiex minn interessi ekonomiċi varji u pajjiżi ġirien daqshekk strateġikament kommessi.
Iktar kumplikazzjonijiet
6. F’dan huwa iktar ċar li dak li ġej f’dawn il-jiem jista’ jieħu l-pożizzjoni f’direzzjonijiet differenti. Kull ġurnata l-inkwiet, il-kunflitt mhuwiex jonqos. Anzi, qiegħed jinfirex b’veloċità ferm iktar. Fejn il-loġika u r-reazzjonijiet mhumiex jimxu id f’id ma’ xulxin, imma separatament. Ser ikun hemm attakki varji fejn l-iskop ġenerali jista’ jkun biss dak li wieħed iwieġeb lejn dak li seħħ. Dan ukoll mingħajr direzzjoni politika ċara, iktar u iktar fejn hemm ċertament xokk quddiem il-fatt li sakemm id-diskussjonijiet kienu għaddejja ma kienx ser ikun hemm dan l-aġir militari; u t-tieni, l-effett uman li ġie kkaġunat. Ma narax li hemm xi pajjiż li b’xi mod jista’ jaħseb li huwa eżenti milli b’xi mod jintmiss. Xenarju li għandu jkun prijorità fl-inkwiet li kull ma huwa marbut mal-ħajja tagħna huwa fil-fatt minaċċjat. F’dan triq waħda hemm biex ikun hemm stabilità lura, u dan fl-għarfien li mhuwiex ser ikun hemm paċi qabel il-partijiet jaslu f’xi forma ta’ qbil.
Il-vuċi tagħna
7. F’dan nistgħu ningħaqdu fil-pożizzjoni iktar soda sabiex id-dinja timxi lejn din id-direzzjoni paċifika. Kif nistgħu nsostnu kliem il-Papa Ljun XIV, li ddikjara tant tajjeb: “Stability and peace are not achieved through mutual threats, nor through the use of weapons, which sow destruction, suffering, and death, but only through reasonable, sincere and responsible dialogue.” (L-istabilità u l-paċi ma jintlaħqux b’theddid reċiproku, anqas bl-użu tal-armi, li jiżirgħu d-distruzzjoni, is-sofferenza u l-mewt, imma biss bi proċess ta’ djalogu, raġonevoli, sinċier u responsabbli.) F’dan kollu, ċertament niżbaljaw jekk naqtgħu qalbna u nitilfu t-tama sabiex l-affarijiet jinbidlu u jieqfu. Hemm bżonn, anki f’dawn il-mumenti, li nagħtu lura vuċi lid-diplomazija. F’dinja nieqsa mill-paċi għandna naħdmu aktar u nsemmgħu iktar leħinna sabiex il-kunflitti jieqfu.
26.1.26
KWISTJONI TA' DINJITA
1. Bħalissa l-aġenda tad-dinja hija mimlija b’tip, metodu ta’ politika barranija li m’aħniex imdorrijin biha. Konfrontattiva flok ibbażata fuq id-djalogu. Kienet hemm diġà fil-passat mhux daqstant ’il bgħid fl-istorja umana. Dik li tiddependi fuq is-saħħa militari li stat ikollu u li jeżerċita fuq oħrajn. Flok jirrispetta u jistenna f’dan il-komportament li jkollu lura rispett jgħaddi fuq il-volontà libera tal-oħrajn. Kien hemm min uża dan il-ħsieb, dak li jimmaġina li ħadd ma jista’ għalih proprju l-iktar għax mhux ippreparat. Fuq dan kien hemm min abbuża u daħal f’nazzjonijiet u artijiet li ma kellux. Spiċċa qabad it-triq tat-traġedji, u fl-aħħar, fid-diżunur għalih. Spiċċa b’xejn, ħlief l-għarfien li ġieb fuqu l-kundanna tal-istorja u ta’ dawk il-bnedmin li huma u li kienu statista denji tal-isem. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija d-dinja ħadet ċerti lezzjonijiet li, kif qed naraw, issa hemm min qiegħed jittanta jnessihom.
Raġunijiet varji2. Fir-realtà qed immissu ma’ politiċi li ġiebu diversi raġunijiet li jidhru tajba sabiex jippruvaw jiġġustifikaw l-aġir immorali, illegali u anti-uman tagħhom. Daqqa għax kien hemm bżonn. Daqqa għax tagħhom. Fl-aħħar mill-aħħar kien biss eżerċizzju evidenti ta’ “might is right”. Bnew is-sistema tagħhom fuq prinċipji dittatorjali, fejn ebda konsiderazzjoni ma ttieħdet lejn dak li huwa sewwa. Bnew dak li bih tneħħa kull dritt fundamentali tal-bniedem. Qalbu kollox ta’ taħt fuq u ġiebu lill-bniedem għas-servizz tal-istat totalitarju. Għodda politika li ma tgħodd xejn salv f’dak li riedu jwettqu huma b’impożizzjoni kontra oħrajn. Trendi ’l-bnedmin l-oħra oġġetti li tista’ tneħħi, tarmi, toqtol, u tinjora qisu mhu xejn. Kull ma seħħ però, kważi bil-preċiż mitt sena ilu, hemm min qiegħed jitħajjar, taħt paraventi differenti, jsegwi. Dan huwa żball li jħammar wiċċ kull min huwa parti mill-kultura oċċidentali. Dik li hija favur id-demokrazija u d-dinjità tal-bniedem.
Fis-27 ta’ Jannar
3. Jumejn oħra nittama li nfakkru x-Shoah. Infakkru kif diversi bnedmin bħalna ġew maqtula mingħajr ħniena fil-kampijiet tal-konċentrament. Fil-maġġoranza tagħhom Lhud li nqatlu bl-aktar metodi ħorox u bbażati biss f’kif tneħħi kull dinjità lil persuna umana. Dawk li sabu l-mewt fil-kmamar tal-gass. Inkella li mietu bis-swat, xogħol iebes u kundizzjonijiet mill-iktar diżumani. Fejn it-trattament kien agħar mill-agħar, li anqas bhima ma ħaqqha. Dak huwa, sfortunatament, parti mill-istorja tad-dinja llum. Parti minn dik li fiha għandna nfakkru, u fl-istess ħin, nistħu. Kemm f’dan niftakru li l-appoġġ lejn in-Nażiżmu ġie wkoll mill-poplu. Ġie minn dawk li kienu jiggustaw jew jammiraw id-diskors u l-aġir immorali u illegali ta’ dawk il-mexxejja Nażisti. Dawk li għadhom jeżistu llum u jċapċpu lil dawk li ma jirrispettawx pajjiżi oħra u li lesti li jaċċettaw lil dawk li jwettqu dak li m’għandhomx, l-aqwa li tgħaddi tagħhom. Imissna tgħallimna kemm huwa perikoluż li tippermetti aġir anti-demokratiku bħal dan u għandna dmir li ma nħalluhx jirrepeti ruħu.
Lezzjonijiet
4. Quddiem il-fatt biss li stat kien daħħal sistema sabiex jelimina bnedmin oħra għax għalih ma kienu xejn jew kienu għedewwa tiegħu, dawk li ried jelimina kompletament, għandu jwaqqafna sabiex nirriflettu u nitgħallmu. Kif wieħed jippermetti liġijiet li jmorru kontra l-ħajja jkun qiegħed jiftaħ il-bieb għal dan. Hija kwistjoni ta’ prinċipju li wieħed jieqaf għal dan il-metodu. Tikkumbatti l-ħsieb li bih tista’ taċċetta li tista’, għal xi raġuni utilitarja żbaljata telimina persuni, sija dawk li għad iridu jitwieldu jew dawk li għax ilhom ħajja taqbad din il-linja. Infakkru li mal-Lhud batew ukoll oħrajn. Infakkruhom f’mewġa ta’ arja anti-semita li żviluppat f’dawn il-jiem. Imma għandna dmir infakkru dak li ġara qabel u li għandna naġixxu sabiex dan ma jirrepetix ruħu. Ebda pajjiż, ebda mexxej ma jista’ jimxi lura f’dawk it-toroq. Dmirna proprju hu li nkunu kontra, għax jekk le iġġib lura l-ħsieb li l-forza militari tiġġustifika kollox.
Il-Knisja Kattolika
5. F’dan aktar wieħed għandu jiftakar ukoll kemm inqatlu Kattoliċi. Kemm saċerdoti, patrijiet, sorijiet u reliġjużi sabu ruħhom fil-kampijiet tal-konċentrament. Sabu ruħhom hemm għax in-Nażiżmu kkunsidrahom fost l-ikbar għedewwa tiegħu. Il-prinċipji etiċi Nsara f’dan kienu, għadhom u jibqgħu, dawl sabiex id-dinjità umana tiġi protetta. Jibqgħu dawk li jispiraw bnedmin varji sabiex jirreżistu l-materjaliżmu u ma jaċċettawhx, u dan għax jemmnu l-prinċipju li l-Istat huwa għas-Servizz tal-Bniedem. F’dan il-jum għandna wkoll niftakru kemm inqatlu u sofrew ħruxijiet kbar reliġjużi f’dawk il-mezzi li r-reġim Nażista kien rabba u rawwem. Bhejjem umani li kienu biss kapaċi joqtlu l-innoċenti bla ħniena u billi jgħadduhom minn kemm jistgħu ħruxijiet li l-bniedem jista’ jsib fil-qiegħ nett u l-iktar iswed tiegħu.
Storja u wirt uniku
6. Il-politika nazzjonali hija importanti; daqshekk ieħor dik internazzjonali. F’dan wieħed irid jagħti mertu, kredtu u rispett lill-Knisja Kattolika li f’dan baqgħet difiża tas-sewwa. Dan kif erġajna rajna ftit jiem ilu fl-Istati Uniti tal-Amerika fejn tlett Kardinali, Blase Cupich, Robert McElroy u Joseph Tobin, fuq il-linja tal-Papa Ljun XIV u quddiem dak li hu għaddej fid-dinja ħadu pożizzjoni u ddikjaraw hekk: “We seek a foreign policy that respects and advances the right to human life, religious liberty, and the enhancement of human dignity throughout the world, especially through economic assistance.” (Infittxu li jkollna politika barranija li tirrispetta u ssaħħaħ id-dritt tal-ħajja umana, il-libertà reliġjuża u t-tisħiħ tad-dinjità umana fid-dinja kollha, speċjalment permezz ta’ għajnuna ekonomika.) Pożizzjoni li titlob rispett u osservanza mingħandna lkoll, waqt li niftakru f’dak li konna u dak li aħna llum.
Boxxla morali
7. Id-dokument meqjus, attent u ċar ifakkarna f’dak li diversi isqfijiet u kardinali kitbu u ddikjaraw fil-Ġermanja Nażista. It-titolu huwa ċar ħafna: “Charting a Moral Vision of American Foreign Policy” (Tibni gwida u viżjoni morali tal-politika barranija Amerikana). Pożizzjoni li titlob mingħandna l-għarfien li kull aġir tal-bniedem jixraq li jkun ispirat minn valuri u prinċipji li huma pedamenti tas-sewwa. Fid-dinja tal-lum għandna bżonn kbir li nfakkru li hemm boxxla morali li ma tistax tiġi njorata. Dik li tiggarantixxi l-vera paċi u l-ġustizzja. Dik li tassigura ħajja aqwa fil-bniedem. Dik li tmur kontra l-polarizzazzjoni, il-partiġġjaniżmu u viżjoni ekonomika u soċjali dejqa. Dik li ma tkunx distruttivi, imma li tibni fil-paċi. Proprju f’dawn il-jiem li nfakkru x-Shoah għandna niftakru li l-iżbalji passati faċli li wieħed jirrepetihom meta ma jkollux boxxla morali li tirrispetta d-dinjità umana.
18.12.25
L-AKBAR THEDDIDA
Il-Paċi u l-Gwerra
2. Il-Papa Ljun XIV, tul din il-ġimgħa, fl-10 ta’ Diċembru ddikjara ċar ħafna li ħajja u mewt huma sinonimi ma’ paċi u gwerra. Il-konflitti bejn l-Istati ma jwasslu mkien, salv għal iktar imwiet u iktar distruzzjoni. Fl-istess ħin huma mumenti fejn il-proċess tal-iżvilupp uman imur lura. Mhux biss minħabba l-fatt li hemm infiq u tberbiq ta’ flus fejn m’għandux ikun, imma għax il-prijoritajiet ikunu biss fuq l-aspetti militari, mhux soċjali. Kull min jaqra l-istorja jagħraf li mill-ewwel gwerra dinjija, it-telf finanzjarju għad-dinja ma nġiebx lura. Intilfu riżorsi umani u ekonomiċi li permezz tagħhom id-dinja ma saritx aħjar imma baqgħet tbati mid-diffikultajiet biex iġġib l-affarijiet lura. Il-gwerra għandha lil dawk li jilludu ruħhom qabel jidħlu fiha. Wara, matulha u fi tmiemha jmissu “rebbieħa” jew “telliefa” mal-konsegwenzi. Ma ġġibx lura s-soċjetà taħdem kif kienet qabel jew f’dak li tista’ tkun dak il-ħin.
Drittijiet Universali
3. Tul din il-ġimgħa ċċelebrajna d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem. Dak li seħħ permezz ta’ sforz kbir ta’ diversi Stati fi ħdan il-Ġnus Magħquda fl-1948 jibqa’ magħna. Però, kemm huwa rispettat, ħafna drabi jiddependi minn ħidmietna. Dawn id-drittijiet huma miktuba u jeżistu. Mhumiex dawk li ngħataw mill-Istati. Huma hemm. Twelidna bihom u huma rikonoxxuti leġittimament. Biss, illum il-ġurnata, wara tant snin u esperjenzi umani, nibqgħu nagħrfu li f’pajjiżi varji dawn id-drittijiet mhumiex protetti u lanqas imħaddma. Anzi, hemm dejjem iktar it-tentazzjoni li jiġu injorati u mwarrba. Dan fil-mewġa ta’ awtokrazija li daħlet tipprova tiddomina żbaljatament lid-dinja bil-passi varji tagħha.
Dittatorjati
4. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija nibet l-għarfien ċar tal-ħsara li saret mill-Faxxiżmu u n-Nażiżmu fiċ-ċaħda tagħhom tad-demokrazija, id-dinjità u d-drittijiet umani. Welldet ukoll il-bżonn ta’ politika internazzjonali favur it-tisħiħ tad-demokraziji, għaliex dawn huma garanziji għall-bniedem. Kontra kull gwerra u favur l-istabilità tal-paċi. F’dawn ix-xhur, sfortunatament qed naraw diskorsi minn diversi bnedmin li qed jippruvaw jibdlu dan kollu. B’mod partikolari l-forma ta’ alleanza indiretta li qed tidher kontra d-demokrazija u dak li l-Unjoni Ewropa tirrappreżenta. Qed jiġi lura fuq l-ilsien diskors simili għal dak li Hitler u Mussolini kienu jiddikjaraw, u li l-istorja wriet li kienu żbaljatissimi. Hija mewġa ta’ propaganda ta’ ideat li huma kuntrarji għal dak li aħna llum u għal dak li jidentifikana.
Difiża
5. F’dan huwa iktar ċar li din it-theddida trid issibna iktar sodi f’dak li naħsbu u f’dak li nwettqu. M’għandniex ngħaddu minn dak li għaddejna, u lanqas nippermettu li jsiru l-atroċitajiet li għalihom qiegħed jitbexxaq il-bieb. Irridu nassiguraw li fis-soċjetà tagħna u f’dik Ewropea jkun hemm iktar l-għarfien li nimxu ’l quddiem għax aħna f’demokrazija fejn id-drittijiet umani huma protetti. Jekk ma nkunux dawk li huma konvinti u li aħna stess aderenti għalihom inkunu qed nagħtu saħħa lil din it-theddida. M’għandniex, la nibqgħu lura u wisq inqas nitilfu l-vuċi tagħna sabiex naffermaw li aħna, sija fil-kitba, kif ukoll fil-prattika, hekk aħna. Ibda minn min għandu f’idejh ir-responsabbiltà tal-poter u ibqa’ nieżel f’kull parti u rokna tas-soċjetà tagħna.
Pajjiżna
6. Nistgħu niddikjaraw ħafna, imma jekk ma nassigurawx formazzjoni politika u ċivika soda nkunu qed inżarmaw li għandna. F’dan, il-politika għandha iktar sehem attiv. M’għandhiex tibqa’ lura milli jkollha ideat ċari f’dak li temmen u f’dak li trid twettaq. F’dak li ħajjar lill-Papa li jiddefendi l-prinċipji etiċi u l-mudelli ta’ ħsieb li l-patrimonju intellettwali tal-Ewropa Nisranija għandu. Dawk li huma essenzjali biex wieħed jiddefendi: “... i diritti divinamente conferiti e il valore intrinsico di ogni persona umana, dal concepimento alla morte naturale.” Punti ċari li jibqgħu dawl għalina li nagħrfu kemm huwa faċli tmur lura u titlef dak li diġà għandek. Proprju issa li ninsabu f’dinja fejn l-aġenda ta’ dawk li jiddominaw mhijiex favur dak li aħna, nittamaw li nagħrfu fis-sħiħ din l-akbar theddida u nippreparaw irwieħna għaliha.
16.10.25
Il-kawtela tal-Qatarin
Baqgħu l-istess?
2. F’mumenti huwa minnu li popli jkunu eżasperati b’sitwazzjoni soċjali li kull soluzzjoni tispiċċa tajba: l-aqwa li tibdel. Anki jekk aktar ’il quddiem isibu li mit-taġen ikunu qabżu dritt fin-nar. Forsi f’ħafna anki dak li hu għaddej minn Gaża għal Iżrael huwa f’dan. Storiku Amerikan, Charles Lock Mowat (1911-1970), wara ż-żewġ Gwerer Mondjali kien kiteb hekk: “The war had both changed things and left them the same. Some changes soon ceased to be remarkable or were absorbed into the system.” (Il-gwerra sija bidlet ċerti affarijiet kif ukoll ħalliethom l-istess. Ċerti tibdiliet ta’ malajr ma baqgħux notevoli jew ġew mixruba lura mis-sistema.) F’dan wieħed irid jistaqsi fejn ser inkunu wara l-ftehim li ġie mħabbar sabiex il-kunflitt u l-attakki li kienu għaddejja, jieqfu.
Ħarġet mill-idejn
3. F’ħafna, u għal raġunijiet varji, is-sitwazzjoni kienet ħarġet mill-kontroll. Il-proċess sabiex tirbaħ il-vuċi tas-sewwa u tipprevali l-paċi kienu f’kollox mitlufa u kważi abbandunati. Kien hemm bżonn sforz qawwi li jidher li fl-aħħar sar. Konna sejrin lejn anarkija totali u inkontrollabbli. Bnedmin li għandhom, u li huma kapaċi jsibu soluzzjoni ġiebu ruħhom fil-pożizzjoni fejn waħedhom ma jistgħux u għaldaqstant iridu l-għajnuna ta’ oħrajn. Meta l-vjolenza tipprevali u l-kawtela titwarrab, kull naħa ssir ugwali. Għandha x’għandha fl-istorja tagħha. Għandhiex demokrazija vera jew ċiviltà twila ssir l-istess meta ma tagħrafx li hemm mument meta trid tiġbed lilha nfisha lura u tieqaf.
Ħarsa fit-tul
4. Il-politiku veteran Lord David Howell (1936) din is-sena ppubblika ktieb ieħor ġdid bit-titolu Avoiding the Coming Anarchy. A short book for optimists in dangerous times biex jiggwidana. Huwa jgħid hekk: “Great dangers lie ahead, but they are not inevitable. Avoidance is possible. Tables can be turned. Powerful undercurrents, often little understood or discussed, can be harnessed at least to stave off catastrophe, or even to take us in the direction of better times and a safer world.” (Quddiemna hemm perikli kbar, iżda mhumiex inevitabbli. Jistgħu ma jseħħux. Il-pożizzjoni tista’ tinbidel. Kurrenti qawwija minn taħt, ħafna drabi ftit mifhuma jew diskussi, jistgħu jiġu kkontrollati almenu sal-punt li tinżamm lura katastrofi, li wkoll jistgħu joħduna fid-direzzjoni ta’ żminijiet aħjar u f’dinja iktar sigura.) Din hija l-pożizzjoni li għandha tiżviluppa. F’dan, it-tama tagħna hija proprju fil-ftehim li seħħ u li nittamaw li ser jiġi attwat sal-punt li hemm bżonn.
Ħriġna minn annus horribilis?
5. Skont dak li seħħ u dak li ġie maqbul bejn il-partijiet u l-Istati Uniti, il-Qatar, l-Eġittu u t-Turkija u diversi pajjiżi oħra kollox idur ma’ dawn il-jiem li ġejjin. Nittamaw li jseħħ li l-ostaġġi Iżraeljani ħajjin jiġu verament rilaxxati u l-mejtin identifikati u mgħoddija lil qrabathom kif ukoll, fuq in-naħa l-oħra, il-priġunieri u d-detenuti Palestinjani. Dan huwa parti minn dan il-ftehim ta’ seba’ punti li jrid jitwettaq fi tnejn u sebgħin siegħa. Huwa pass ’il quddiem fil-ħidma li l-politika barranija Amerikana mmexxija mill-Presidenza ta’ Donald Trump wettqet. Jista’ jkun hemm min huwa xettiku u sakemm jara l-paċi verament ma jemminx. Hemm min ukoll ma jarax dan bħala pass li sar fi żmienu, li seta’ sar qabel. Iktar u iktar li dan seħħ taħt id-direzzjoni ta’ persuna li għadu kif iddikjara li jobgħod l-għedewwa tiegħu u li f’pajjiżu għaddejjin wisq azzjonijiet politiċi ħżiena ta’ tpattija. Però, hu x’inhu, illum dan il-ftehim sar u ser ikun hemm l-effett tiegħu.
Konsegwenzi
6. F’dan, il-kawtela politika titlob attenzjoni imma almenu jidher li hemm triq li tista’ tmexxina lura lejn il-paċi. It-tama tagħna hija dik li din tagħlaq darba għal dejjem il-kwistjoni ta’ żewġ stati li jgħixu flimkien u li nafu li ilha ġejja u sejra. Konsegwenza wkoll tal-fatt li numru ta’ stati, tagħna inkluż, irrikonoxxew issa l-Istat Palestinjan. Hemm punti ta’ konverġenza politika li issa jafu jiftħu fl-immedjat kif ser issir ir-rikostruzzjoni ta’ Gaża. F’dan pajjiżna tilef ftit punti fl-abbiltà tiegħu li jkun vuċi kostanti għall-paċi, spalla ma’ spalla ma’ oħrajn.
Forsi aktar
7. Stajna forsi sostnejna aktar sija qabel lill-Papa Franġisku, kif ukoll illum lill-Papa Ljun. Fi proċess ta’ awto-kritika naħseb li stajna konna iktar viċin, u użajna aktar il-vuċi tagħna biex ninsistu kontra kull kurrent li l-paċi setgħet tinkiseb. Stajna konna aktar ġenerużi milli konna u emminna lkoll li ftehim jista’ jseħħ. F’dan aktar fejn nomini għan-Nobel ma tantx huma proprju f’posthom. Kemm għalhekk ser inkunu parti attiva fil-bini mill-ġdid tal-post u kemm ser ikun hemm ftuħ għall-Malta f’dan irridu naraw. Nittama però li ser nikkontribwixxu verament aktar lil dawk li abbandunajna qabel, f’din li tista’ tkun paġna ġdida.
Eudaimonia
8. Il-Griegi, u speċjalment il-filosfu eċċellenti Aristotli (384-322 QK) jikteb fuq dan il-kunċett. Kif tibni nazzjon li jkun suċċess fl-abbundanza. Kif fih ikollok dak il-pedament ta’ virtujiet fundamentali, moralità, fejn hemm sens u skop veru fil-ħajja tal-bniedem. Proġett li għandu jkun hemm għal kull poplu. Dak Palestinjan, iktar issa li qiegħed forsi fil-bidu ta’ ħajja demokratika ġdida. Dak li għandu bżonn għajnuna soda, mhux neċessarjament lezzjonijiet, sabiex jibni aktar lura lilu nnifsu fil-paċi. F’dawn is-sentejn kien hemm wisq imwiet u dan kien kollu żball kbir proprju minħabba l-attakk mill-iktar kundannabbli tas-7 ta’ Ottubru. F’dan nittamaw fil-kawtela tal-kattari li l-paċi tirrenja u l-ġid jitwettaq.
5.8.25
KATINA TA' GARANZIJI
Kommemorazzjoni
2. Kull gwerra għandha l-istorja tagħha. Minn kull waħda, il-bniedem ma marx ’il quddiem, kif uħud ipprospettaw. Dan fil-ħsieb li biex tibni l-ġdid trid teqred kull ma kien hemm qabel. Anzi, għal dawk li żbaljatament isostnu l-kontra, li jekk triq tibni trid teqred. Il-politiċi li ħadu dik id-deċiżjoni, flimkien mad-diversi persuni fil-forzi armati alleati u Ġappuniżi, illum m’għadhomx magħna. Nafu biss mid-dokumentazzjoni li sa issa hija pubblika x’wassal u x’kunsiderazzjonijiet ittieħdu. Għala, u x’biżgħat quddiem poplu daqshekk b’saħħtu u determinat bħal ma kien u huwa dak Ġappuniż. Nafu li l-fatti jitkellmu waħedhom. L-użu ta’ bombi nukleari jfarrku d-dinjiet u jeliminaw b’effetti li bihom tmiem id-dinja ma jkunx wisq ’il bgħid.
Infakkru
3. Diversi politiċi, akkademiċi, bnedmin varji, tul dawn is-snin ħadu ħsieb jieqfu u jfakkru. Biex fl-istess ħin isir dejjem iktar l-appell sabiex il-bniedem jiftakar kemm il-gwerra hija strument inutili. Ftit ’il bgħid minn fejn ngħix jien hemm ċimiterju, ’l hekk imsejjaħ ‘Kalkara Naval Cemetery’, li huwa kkurat u ffrekwentat. Fih hemm midfuna bnedmin li kienu ġejjin minn stati varji, inklużi dawk Ġappuniżi. Waqt li timxi minn bejn l-oqbra tagħraf kemm persuni tilfu ħajjithom. Tmiss ma’ dawk li ta’ età bikrija ġew nieqsa, u mingħajr ma trid jaqa’ fuqek id-dell ta’ dieqa kbira. Tilfu ħajjithom fl-aħjar tagħhom. Passi li tulhom niftakar f’kitbet Giulio Andreotti, meta qal: “Ai politici, rispetto ai loro predecessori, si addice – e non dovrebbe mai dimenticarlo – quel saggio richiamo che si legge nelle tombe comuni di tanti cimiteri: ‘Quel che voi siete noi fummo, quel che voi sarete noi siamo.’” (Lill-politiċi, fil-konfront ta’ dawk li ġew qabilhom għandu jingħadilhom – u ma għandu qatt jintesa – dak l-għerf li jfakkarna miktub fuq l-oqbra ta’ tant ċimiterji: ‘Dak li intom illum konna aħna, dak li se ssiru, aħna diġà.’)
Mument partikolari
4. Dan aktar f’dan il-perjodu fl-eżistenza tagħna meta għaddejjin gwerer kiefra. Dawk li qed iħallu diversi mejta, fi proċess li m’għandux xi forma ta’ ġustifikazzjoni. Li telimina bnedmin oħra huwa inaċċettabbli, iktar u iktar meta l-partijiet jistgħu jersqu madwar mejda u jsolvu. Meta huwa possibbli li flok tibqa’ għaddej bl-operazzjonijiet militari, li jitolbu aktar minnhom infushom stess, li wieħed jieqaf. F’dawn il-jiem spiċċajt il-ktieb ta’ Norberto Bobbio (1904-2004) bit-titlu De Senectute (1996). Filosfu, ġurista, akkademiku, politiku li kiteb u għallem fis-snin. Bniedem li kitbietu fihom x’taħseb u tirrifletti, u li ġejt influwenzat nirrispetta. Avolja nammetti li mpressjonajt ruħi aktar tul il-ktieb bil-pessimiżmu li kellu, fejn it-tama għalih ma tidħolx. Minkejja dan, wieħed irid jagħraf li ħajtu kienet iddedikata lejn tlett passi: it-tisħiħ tad-demokrazija, id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-paċi. Dan fl-għarfien sħiħ rikonoxxut tiegħu li waħda timxi mal-oħra. Katina ta’ garanziji għall-eżistenza umana.
Dak li ninsabu
5. Illum, messaġġ ta’ ħsieb u djalogu huwa neċessarju. Iktar u iktar quddiem il-fatt li t-tentazzjonijiet umani li jużaw arma nukleari sabiex, skont huma, jsolvu kunflitt jew jeliminaw avversarju, hemm jibqgħu. Iktar u iktar meta dawn ikunu ilhom għaddejjin jieklu lil xulxin u l-abbiltà li jiffurmaw opinjoni ċara tintilef. Is-sitwazzjoni diġà hija eskalata sew. Biss, kif naraw, jibqa’ jonqos livelli oħra ogħla. Dawk li għandhom ir-responsabbiltà politika fid-dinja tal-lum u li ġew eletti, b’xi mod, miċ-ċittadini tagħhom iridu jagħrfu iktar dak li seħħ tmenin sena ilu. Jagħrfu li aħjar pass lura. Aħjar forsi wkoll bil-preżenza tagħhom f’Hiroshima u Nagasaki, fejn jagħrfu l-inġustizzja li qed iwettqu llum u dak li jistgħu jwettqu aktar għada pitgħada. Dik li anki l-ideat differenti ta’ Bobbio jsejħu għalih.
Introduzzjoni
6. Il-ktieb jiftaħ b’kitbiet ġurista ieħor daqstant magħruf: Gustavo Zagrebelsky (1943). F’mument jikteb hekk, huwa u jirrifletti fuq il-mewt: “Lo scandalo non è la morte, ma la morte prima del tempo, quella che chiamiamo prematura e contro natura; la morte che tronca, non quella che conclude; lo scandalo massimo è quando essa deve ascriversi all’opera o alla negligenza di esseri umani rispetto ad altri umani, deboli, poveri, sfruttati, derelitti; quando la morte da simbolo di fratellanza diventa simbolo di ingiustizia.” (L-iskandlu mhuwiex il-mewt infisha, imma l-mewt qabel żmienha, dik li nsejħu ‘prematura’ u kontra n-natura nfisha; il-mewt li taħsad, mhux dik li tikkonkludi; l-ikbar skandlu hu meta din isseħħ minħabba l-ħidma jew in-negliġenza ta’ bnedmin fil-konfront ta’ bnedmin oħra, dgħajfa, fqar, sfruttati, abbandunati; meta l-mewt, minn simbolu ta’ fratellanza ssir simbolu ta’ inġustizzja.) Tal-arroganza ta’ dawk li fil-poter tagħhom jiddikjaraw: “... tu non hai diritto di vivere ma, per qualche ragione che interessa me, devi morire.” (... m’għandekx dritt li tgħix, imma għal xi raġuni li tinteressa lili, inti għandek tmut.)
M’aħniex kapaċi?
7. Kliem u kuntest rilevanti ħafna llum. Id-dinja trid titkellem aktar u trid teżerċita aktar pressjoni politika bl-użu ta’ mezzi leġittimi sabiex tinqabad it-triq tal-paċi. Iktar u iktar fil-kuntest ċar ta’ ħidmet Papa Ljun XIV, li tul l-aħħar jiem rajnih u smajnih. Ġabar miljun żagħżugħ u żagħżugħa u l-messaġġ dirett kien favur il-paċi li għandna t-tama sħiħa li tista’ sseħħ. Meta wieħed jitlef triqtu lejn direzzjonijiet il-pessimiżmu, ikun ferm iktar diffiċli biex jibqa’ jinsisti li l-paċi hija possibbli. Huwa faċli li tneħħi minn fuq il-kuxjenza ta’ dawn il-bnedmin dan l-obbligu uman. Huwa faċli li tippermetti politika mingħajr morali, ’il-bgħid minn dik tal-kultura, fil-pessimiżmu li ma jsirux l-isforzi umani sabiex insalvaw dak li għandna.
Demokrazija
8. Għalkemm naċċetta u nibqa’ mpressjonat b’kemm bniedem bħal Bobbio, li kiteb tant favur il-paċi, kien tant nieqes mit-tama. Imma nifhem aktar dik il-pożizzjoni proprju fil-fatt li t-tama hija valur veru u proprju għax hija Nisranija. Imma xorta f’dan kollu nifhem aktar l-imħabba tiegħu għad-demokrazija. Huwa jgħid: “Io sono un democratico convinto, tanto da continuare a diferendere la democrazia, anche quando è inefficiente, corrotta, e rischia di precipitare nei due estremi della guerra di tutti contro tutti o dell’ordine imposto dall’alto.” (Jien demokratiku konvint, tant li nkompli niddefendi d-demokrazija, anki jekk hija ineffiċjenti, korrotta, u tirriskja li tinżel bejn żewġ estremi tal-gwerra ta’ kulħadd kontra kulħadd jew tal-ordni imposta minn fuq.) Il-gwerra li għaddejja, jekk ma tieqafx, lejn dan qed tipprova twassal. Tkun id-distruzzjoni umana u tad-demokrazija fil-katina ta’ garanziji għall-eżistenza umana. Proprju għalhekk li għandna niftakru f’dak li seħħ fil-Ġappun tmenin sena ilu u nieħdu lezzjoni.
9.7.25
WIEĦED MILL-EROJ
Missejt lura
2. Ftit jiem ilu ħassejt dan kollu waqt li qrajt mill-ġdid li fis-6 ta’ Lulju 1535, xejn inqas minn erba’ mija u disgħin sena ilu, il-qaddis Sir Thomas More għadda għall-martirju. Forsi mertu f’dan ukoll tal-film A Man for all Seasons (1966) ta’ Fred Zinnemann (1907-1997) fejn stajt nara dak li qrajt aħjar. Imma l-iktar, ċertament, f’ħajja ta’ bniedem Nisrani, avukat u politiku li għall-prinċipji tiegħu ġie ikkundannat għall-mewt. Kellu l-kuraġġ li jieqaf lir-Re Enriku VIII (li qabel kien viċin ħafna tiegħu) meta dan kien kontra l-parir ta’ More u oħrajn li qabad u ħa d-deċiżjoni li jaqta’ lilu nnifsu mill-Knisja Kattolika f’Ruma. More ġie mneħħi minn kull kariga, ġie msakkar fil-ħabs u wara pproċessat inġustament. Għalija baqa’ bniedem eżemplari u li kitbietu u ħidmietu baqgħu ta’ ispirazzjoni, iktar u iktar f’kull mument politiku u legali iebes li sibt ruħi fih. Dawl fid-dinja iebsa tal-politika.
Ħajja
3. Min ma qrahx, jew almenu sar jaf dwaru, għandu jsib il-ħin sabiex jagħmel dan. Anki jekk tista’, b’xi mod, ma taqbilx miegħi fuq il-ħajja eżemplari tiegħu, xorta ngħid li mingħandu wieħed jieħu l-lezzjonijiet. L-iktar dawk li qegħdin, jew jixtiequ li jkunu fil-politika għax ma jkunux qed jitilfu ħinhom. Anzi. Naħseb li waħda mill-problemi fil-ħajja pubblika llum hija proprju dik li l-eroj ta’ veru ntilfu u qed jiġu segwiti dawk li mhumiex. Isegwu l-artifiċjali u jinsew il-veri. Xbajt nara ġurnali, gazzetti prestiġjużi li tilfu l-boxxla morali kompletament. Jadulaw lil dawk li jġibu l-iktar voti jew lil dawk li jidhru invinċibbli fit-tmexxija politika tagħhom għax qisu b’daqshekk għandhom raġun f’kollox. Jaħsbu li kunċetti liberali fil-politika, fejn il-pjaċir huwa biss li wieħed ikun kontra l-prinċipji etiċi Nsara, ser ikun xi forma ta’ soluzzjoni għall-isfidi ta’ din is-soċjetà. Imma kif nafu, meta ma jkunx hemm ordni, din mhux libertà tagħti imma diżordni totali, fejn anzi jkun hemm kull raġuni sabiex ma jiġi rispettat xejn. F’dan wasal dejjem iktar iż-żmien tal-bidla fil-perspettivi u fil-viżjoni lura lejn is-sewwa u l-ordni.
Fortunatament
4. F’dawn il-ġranet, qisu ġimgħatejn ilu, il-Papa Ljun XIV, dak li qed insiru nafuh aktar jum wara jum, fakkarna f’dan kollu. Fil-21 ta’ Ġunju 2025, waqt li kien qiegħed jindirizza lill-membri tal-International Inter-Parliamentary Union semma numru ta’ punti li tajjeb li wieħed jaqrahom sew. Fakkar lil dawk li kellu quddiemu li l-politika hija: “... the highest form of charity” – l-ogħla att ta’ mħabba u karità Nisranija. Dik li biha trendi lis-soċjetà u l-ġid komuni l-aqwa passi u liġijiet. Messaġġ ċar li l-ħidma fil-ġustizzja soċjali li ssir bl-imħabba lejn il-proxxmu hija unika u ċ-ċavetta tal-proċess veru ta’ bidla soċjali. Kull min għex il-politika u ħadem fl-istituzzjonijiet demokratiċi jaf kemm dan huwa minnu. Dak li mhuwiex imwieled minn din il-linja, maż-żmien tifhem iktar kemm ma tistax tagħti frott veru.
Liġi Superjuri
5. F’dan id-diskors qasir u preċiż huwa jeħodna verament għall-qalba ta’ dak li fuqu dan il-bniedem ser imexxi lill-Knisja Kattolika. Jeħodna lura wkoll biex niftakru li hemm liġi superjuri, ’il fuq minn kull liġi li l-bniedem jista’ jikteb, li tirbaħ anki jekk ma tiġix segwita jew kuntrarjata mill-bniedem. Huwa qal hekk lil dawn id-deputati: “Natural law, which is universally valid apart from and above other more debatable beliefs, constitutes the compass by which to take our bearings in legislating and acting, particularly on the delicate and pressing ethical issues that, today more than in the past, regard personal life and privacy.” (Id-Dritt Naturali, li huwa validu mad-dinja mad-dinja kollha apparti minn u fuq kull twemmin dibattibbli, jikkostitwixxi l-boxxla li minnu nieħdu triqitna fil-leġislazzjoni u ħidmitna, partikolarment fil-kwistjonijiet delikati u ta’ sfida etiċi li, illum iktar minn qabel, imissu mal-ħajja personali u privata.)
Distinzjoni
6. Fil-fatt, waqt li taqra tifhem forsi aktar li jista’ jkun li, kif għall-ewwel darba naħseb, li għandna Papa li qiegħed jaħseb u jikteb bl-Ingliż. Kemm il-Kurja Rumana hija ippreparata għal dan hija ħaġa oħra, imma parti minn proċess li jrid isir. Huwa kompla jindirizza bi kliem li jitkellem waħdu f’dak li qiegħed isir dejjem iktar il-qalba tal-messaġġ preżenti tiegħu: “Our personal life has greater value than any algorithm, and social relationships require spaces for Development that far transcend the limited patterns that any soulless machine can pre-package. Let us not forget that, while able to store millions of data points and answer many questions in a matter of seconds, artificial intelligence remains equipped with a “static memory” that is in no way comparable to that of human beings. Our memory, on the other hand, is creative, dynamic, generative, capable of uniting past, present and future in a lively and fruitful search for meaning, with all the ethical and existential implications that this entails.” Kliem preċiżi li jispjegaw ċar fejn ser inkunu sejrin fl-isfidi li l-politiċi jridu jmorru lejhom.
Sir Thomas
7. Dan id-diskors importanti u dirett lilna wkoll, politiċi fuq dawn il-gżejjer, jagħlaq hekk: “Sir Thomas More was a man faithful to his civic responsibilities, a perfect servant of the state precisely because of his faith, which led him to view politics not as a profession but as a mission for the spread of truth and goodness. The courage he showed by his readiness to sacrifice his life rather than betray the truth makes him, also for us today, a martyr for freedom and for the primacy of conscience.” Hekk huwa: martri veru għal-libertà u għall-ġlieda sabiex kull politiku jibqa’ leali lejn kuxjenztu. Proprju għalhekk li More jibqa’ wieħed mill-eroj favoriti tiegħi.
23.5.25
JAF FEJN HU SEJJER
Fortunati
2. Kif mexxiet tajjeb fl-għażliet politiċi u soċjali tagħna, aħna ma nimxux ma’ dak li l-Liberali jew is-Soċjalisti jiddikjaraw imma f’dik partikolari tagħna. Dik li teħodna kontra l-kurrent, li ma niddejjaq xejn nieħu, biex isiru l-għażliet it-tajba. Jiddispjaċini għall-oħrajn li jridu jagħmlu minna kopja ta’ programmi falluti u skaduti. Triqitna hija ċara u waqt li baqgħet konsistenti issa ser issib, mertu ta’ dan il-Papa, vuċi aktar rilevanti u moderna. Għax miegħu nibqgħu dawk li jridu jsibu risposti f’dinja moderna li kontinwament qegħda tinbidel. Daqqa tmur naħa u daqqa oħra. Sfortunatament mingħajr direzzjoni, imma sempliċement f’dak li qegħdin jagħmlu ‘oħrajn’. Meta nafu li kull pass politiku, soċjali u ekonomiku jitlob prinċipju etiku fundamentali li jmexxih.
Mexxej ġdid
3. Huwa f’dan mexxej ġdid li ser ċertament jispirana. Jista’ jkun hemm min jikkuntrastah imma biex iwettaq dan irid jifhem dak li qiegħed jgħid. Dan għax nagħrfu li kull epoka titlob tweġibiet ġodda li aħna niddikjaraw u nemmnu li jridu jkunu mwielda fil-ġid komuni, fil-ġustizzja soċjali, fid-dinjità umana. Jingħad x’jingħad, tul dawn is-snin, fi ħdan il-Knisja Kattolika li jien naħdem biex inkun parti minnha, kellna bnedmin li komplew kabbru u żviluppaw id-duttrina soċjali. Aktar ma taqra, aktar tifhem. Għax hemm patrimonju ta’ għerf li huwa għad-dispożizzjoni tagħna, u anki jekk ma jinqarax jew ma jinxteridx minn min għandu l-mezzi tal-komunikazzjoni f’idejh, xorta jeżisti. Dak il-melħ determinanti li jgħin sabiex ikun hemm soluzzjonijiet konkreti u awtentiċi lejn żvilupp uman integrali.
Sfidi tal-lum
4. Jekk Ljun XII tkellem u affronta l-isfidi li r-rivoluzzjoni industrijali ġiebet fuq il-bnedmin ta’ dak iż-żmien, illum hemm rivoluzzjoni oħra. It-teknoloġija, bil-fruntieri ġodda tagħha, qed tipprova tibdel dak li għandna. Jekk ma nkunux attenti ser nitilfu mill-umanità tagħna, mid-dinjità li nġorru. Insiru oġġetti u strumenti ta’ produzzjoni jew inkella fit-truf tas-soċjetà, emarġinati. L-isfida hija kbira u jekk wieħed ma jkollux prinċipji ċari jispiċċa jieħu deċiżjonijiet politiċi żbaljati. Fejn għandna nitilqu dejjem bil-ħsieb li t-teknoloġija fl-intelliġenza artifiċjali hija għas-servizz tal-bniedem, u mhux il-kontra. Irridu nkunu attenti u nipproteġu t-tajjeb li għandna. Għax l-intelliġenza artifiċjali, il-ġabra ta’ data kbira li teżisti, il-medja soċjali, l-awtomazzjoni, ir-realtajiet virtwali, dawn flimkien ma’ oħrajn qed jibdlulna l-ħajja kif nafuha.
Dinjità
5. Diġà bl-użu tal-algoritmi li jiddominawna u jabbużaw minna mingħajr kontrolli veri qed insibu sfidi ta’ kuljum. Fejn bihom, il-vuċijiet liberi fis-soċjetà qed jiġu maħnuqa fl-apparenza ta’ ftuħ li huwa, fil-fatt, għeluq. F’telf ta’ direzzjoni u manipulazzjoni ta’ ideat, fejn dawn Insara qed jiġu mniżżla iktar ’l isfel jew disprezzati f’forma ta’ vuċi ta’ oppressjoni. Proprju f’dan, il-mistoqsija hija kif wieħed jassigura u jara li niddefendu dak li aħna, il-kuxjenza interjuri tagħna u l-libertà esterna li niddeċiedu aħna u mhux l-algoritmi flokna. Dan iktar u iktar quddiem l-isfidi morali fis-saħħa. Dawk marbuta mat-twelid u mal-mewt tal-bniedem. F’dan iktar, id-difiża umana kontra l-allat foloz ta’ dak li qed jitressaq bħala l-etika tat-teknoloġija. Fejn nifhmu u niddikjaraw li nifhmu d-dmir fundamentali tagħna li nikkumbattu kontra l-loġika żbaljata li tiddikjara li dak li huwa teknikament possibbli huwa moralment tajjeb u ta’ dinjità umana għalina.
Fl-għeruq
6. F’dan nagħraf ukoll li qegħdin f’fażi fejn ir-riħ ser ikompli ġej mill-Amerika Latina. F’dak kollu li nbena u ġie mgħallem. Art fertili li ġiebet lil diversi bnedmin ’il quddiem jaqbżu fil-ġustizzja soċjali għal dawk l-iktar ’l isfel fis-soċjetà. Inġib għalhekk quddiem għajnejja lura lill-maħbub Rafael Antonio Caldera (1916-2009). Dak li għandna kitbietu f’idejna. Dak li kien iddikjara: “Il-movimenti Demokristjani mhumiex għaqdiet magħluqa ta’ riflessjoni u ta’ tagħlim, iżda gruppi ta’ azzjoni. Għalhekk ta’ min jieqaf u jirrifletti fuq it-tifsira tal-espressjoni ‘Demokrazija Kristjana’ għax inkella aħna stess, li dejjem nitħabtu mar-responsabbiltajiet tal-azzjoni quddiem il-problemi urġenti tar-realtà soċjali, aħna li dejjem nippreparaw ruħna għall-battalji li ċ-ċirkostanzi jitfgħu quddiemna, x’aktarx li nsibuha diffiċli meta niġu biex nistabbilixxu l-prinċipji li għalihom dħalna f’din il-ġlieda.” Sejħa attwali u li tibqa’ magħna.
Perjodu ġdid
7. F’dan huwa ċar li ġej żmien ġdid. Wieħed li jkompli jmexxina lejn kif wieħed jaffronta l-ħwejjeġ ġodda (rerum novarum) ta’ żminijietna. Żmien ta’ ħidma. Żmien ta’ għarfien li hemm kapitoli ġodda għad-dispożizzjoni tagħna sabiex nibdlu lejn soċjetà li tkun iktar fir-rispett sħiħ tal-bniedem. M’għandniex nibqgħu lura f’dak li ġej quddiemna. M’għandniex nibqgħu passi lura milli nikkumbattu għal dak li huwa sewwa. Il-bniedem huwa importanti għalina u ħaqqu dan. Il-linja politika tagħna twassal iktar b’dan li nkunu rilevanti u melħ qawwi f’pajjiż li tilef ħafna minn dak li huwa. M’għandniex ikollna diffikultà f’dan, li nimxu wara l-Papa Ljun XIV, għax jaf fejn huwa sejjer.
ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET
35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...
-
27921. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista’ d-Deputa...
-
10922. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qegħdin...
-
12444. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jgħid...