Showing posts with label Knisja Kattolika. Show all posts
Showing posts with label Knisja Kattolika. Show all posts

26.1.26

KWISTJONI TA' DINJITA

1. Bħalissa l-aġenda tad-dinja hija mimlija b’tip, metodu ta’ politika barranija li m’aħniex imdorrijin biha. Konfrontattiva flok ibbażata fuq id-djalogu. Kienet hemm diġà fil-passat mhux daqstant ’il bgħid fl-istorja umana. Dik li tiddependi fuq is-saħħa militari li stat ikollu u li jeżerċita fuq oħrajn. Flok jirrispetta u jistenna f’dan il-komportament li jkollu lura rispett jgħaddi fuq il-volontà libera tal-oħrajn. Kien hemm min uża dan il-ħsieb, dak li jimmaġina li ħadd ma jista’ għalih proprju l-iktar għax mhux ippreparat. Fuq dan kien hemm min abbuża u daħal f’nazzjonijiet u artijiet li ma kellux. Spiċċa qabad it-triq tat-traġedji, u fl-aħħar, fid-diżunur għalih. Spiċċa b’xejn, ħlief l-għarfien li ġieb fuqu l-kundanna tal-istorja u ta’ dawk il-bnedmin li huma u li kienu statista denji tal-isem. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija d-dinja ħadet ċerti lezzjonijiet li, kif qed naraw, issa hemm min qiegħed jittanta jnessihom.

Raġunijiet varji

2. Fir-realtà qed immissu ma’ politiċi li ġiebu diversi raġunijiet li jidhru tajba sabiex jippruvaw jiġġustifikaw l-aġir immorali, illegali u anti-uman tagħhom. Daqqa għax kien hemm bżonn. Daqqa għax tagħhom. Fl-aħħar mill-aħħar kien biss eżerċizzju evidenti ta’ “might is right”. Bnew is-sistema tagħhom fuq prinċipji dittatorjali, fejn ebda konsiderazzjoni ma ttieħdet lejn dak li huwa sewwa. Bnew dak li bih tneħħa kull dritt fundamentali tal-bniedem. Qalbu kollox ta’ taħt fuq u ġiebu lill-bniedem għas-servizz tal-istat totalitarju. Għodda politika li ma tgħodd xejn salv f’dak li riedu jwettqu huma b’impożizzjoni kontra oħrajn. Trendi ’l-bnedmin l-oħra oġġetti li tista’ tneħħi, tarmi, toqtol, u tinjora qisu mhu xejn. Kull ma seħħ però, kważi bil-preċiż mitt sena ilu, hemm min qiegħed jitħajjar, taħt paraventi differenti, jsegwi. Dan huwa żball li jħammar wiċċ kull min huwa parti mill-kultura oċċidentali. Dik li hija favur id-demokrazija u d-dinjità tal-bniedem.

Fis-27 ta’ Jannar

3. Jumejn oħra nittama li nfakkru x-Shoah. Infakkru kif diversi bnedmin bħalna ġew maqtula mingħajr ħniena fil-kampijiet tal-konċentrament. Fil-maġġoranza tagħhom Lhud li nqatlu bl-aktar metodi ħorox u bbażati biss f’kif tneħħi kull dinjità lil persuna umana. Dawk li sabu l-mewt fil-kmamar tal-gass. Inkella li mietu bis-swat, xogħol iebes u kundizzjonijiet mill-iktar diżumani. Fejn it-trattament kien agħar mill-agħar, li anqas bhima ma ħaqqha. Dak huwa, sfortunatament, parti mill-istorja tad-dinja llum. Parti minn dik li fiha għandna nfakkru, u fl-istess ħin, nistħu. Kemm f’dan niftakru li l-appoġġ lejn in-Nażiżmu ġie wkoll mill-poplu. Ġie minn dawk li kienu jiggustaw jew jammiraw id-diskors u l-aġir immorali u illegali ta’ dawk il-mexxejja Nażisti. Dawk li għadhom jeżistu llum u jċapċpu lil dawk li ma jirrispettawx pajjiżi oħra u li lesti li jaċċettaw lil dawk li jwettqu dak li m’għandhomx, l-aqwa li tgħaddi tagħhom. Imissna tgħallimna kemm huwa perikoluż li tippermetti aġir anti-demokratiku bħal dan u għandna dmir li ma nħalluhx jirrepeti ruħu.

Lezzjonijiet

4. Quddiem il-fatt biss li stat kien daħħal sistema sabiex jelimina bnedmin oħra għax għalih ma kienu xejn jew kienu għedewwa tiegħu, dawk li ried jelimina kompletament, għandu jwaqqafna sabiex nirriflettu u nitgħallmu. Kif wieħed jippermetti liġijiet li jmorru kontra l-ħajja jkun qiegħed jiftaħ il-bieb għal dan. Hija kwistjoni ta’ prinċipju li wieħed jieqaf għal dan il-metodu. Tikkumbatti l-ħsieb li bih tista’ taċċetta li tista’, għal xi raġuni utilitarja żbaljata telimina persuni, sija dawk li għad iridu jitwieldu jew dawk li għax ilhom ħajja taqbad din il-linja. Infakkru li mal-Lhud batew ukoll oħrajn. Infakkruhom f’mewġa ta’ arja anti-semita li żviluppat f’dawn il-jiem. Imma għandna dmir infakkru dak li ġara qabel u li għandna naġixxu sabiex dan ma jirrepetix ruħu. Ebda pajjiż, ebda mexxej ma jista’ jimxi lura f’dawk it-toroq. Dmirna proprju hu li nkunu kontra, għax jekk le iġġib lura l-ħsieb li l-forza militari tiġġustifika kollox.

Il-Knisja Kattolika

5. F’dan aktar wieħed għandu jiftakar ukoll kemm inqatlu Kattoliċi. Kemm saċerdoti, patrijiet, sorijiet u reliġjużi sabu ruħhom fil-kampijiet tal-konċentrament. Sabu ruħhom hemm għax in-Nażiżmu kkunsidrahom fost l-ikbar għedewwa tiegħu. Il-prinċipji etiċi Nsara f’dan kienu, għadhom u jibqgħu, dawl sabiex id-dinjità umana tiġi protetta. Jibqgħu dawk li jispiraw bnedmin varji sabiex jirreżistu l-materjaliżmu u ma jaċċettawhx, u dan għax jemmnu l-prinċipju li l-Istat huwa għas-Servizz tal-Bniedem. F’dan il-jum għandna wkoll niftakru kemm inqatlu u sofrew ħruxijiet kbar reliġjużi f’dawk il-mezzi li r-reġim Nażista kien rabba u rawwem. Bhejjem umani li kienu biss kapaċi joqtlu l-innoċenti bla ħniena u billi jgħadduhom minn kemm jistgħu ħruxijiet li l-bniedem jista’ jsib fil-qiegħ nett u l-iktar iswed tiegħu.

Storja u wirt uniku

6. Il-politika nazzjonali hija importanti; daqshekk ieħor dik internazzjonali. F’dan wieħed irid jagħti mertu, kredtu u rispett lill-Knisja Kattolika li f’dan baqgħet difiża tas-sewwa. Dan kif erġajna rajna ftit jiem ilu fl-Istati Uniti tal-Amerika fejn tlett Kardinali, Blase Cupich, Robert McElroy u Joseph Tobin, fuq il-linja tal-Papa Ljun XIV u quddiem dak li hu għaddej fid-dinja ħadu pożizzjoni u ddikjaraw hekk: “We seek a foreign policy that respects and advances the right to human life, religious liberty, and the enhancement of human dignity throughout the world, especially through economic assistance.” (Infittxu li jkollna politika barranija li tirrispetta u ssaħħaħ id-dritt tal-ħajja umana, il-libertà reliġjuża u t-tisħiħ tad-dinjità umana fid-dinja kollha, speċjalment permezz ta’ għajnuna ekonomika.) Pożizzjoni li titlob rispett u osservanza mingħandna lkoll, waqt li niftakru f’dak li konna u dak li aħna llum.

Boxxla morali


7. Id-dokument meqjus, attent u ċar ifakkarna f’dak li diversi isqfijiet u kardinali kitbu u ddikjaraw fil-Ġermanja Nażista. It-titolu huwa ċar ħafna: “Charting a Moral Vision of American Foreign Policy” (Tibni gwida u viżjoni morali tal-politika barranija Amerikana). Pożizzjoni li titlob mingħandna l-għarfien li kull aġir tal-bniedem jixraq li jkun ispirat minn valuri u prinċipji li huma pedamenti tas-sewwa. Fid-dinja tal-lum għandna bżonn kbir li nfakkru li hemm boxxla morali li ma tistax tiġi njorata. Dik li tiggarantixxi l-vera paċi u l-ġustizzja. Dik li tassigura ħajja aqwa fil-bniedem. Dik li tmur kontra l-polarizzazzjoni, il-partiġġjaniżmu u viżjoni ekonomika u soċjali dejqa. Dik li ma tkunx distruttivi, imma li tibni fil-paċi. Proprju f’dawn il-jiem li nfakkru x-Shoah għandna niftakru li l-iżbalji passati faċli li wieħed jirrepetihom meta ma jkollux boxxla morali li tirrispetta d-dinjità umana.


20.12.12

Ħielsa mill-faqar




1.       Id-dinja teknoloġika għandha ħafna vantaġġi.  Mhux kulħadd jużahom, inqas u inqas dawk li jħossuhom maqtugħa minnha.  Qisha tifforma parti minn xi mewġa ta’ barbariżmu ġdid.  U għalkemm hemm min ra dan bħala mezz esklussivament sekulari, llum l-affarijiet inbidlu sew.  Id-dinja nisranija daħlet hija wkoll.  L-effett huwa tixrid ta’ informazzjoni reliġjuża li qabel konna maqtugħin minnha.

2.       Fortunatament issib kuljum fuq dawn il-mezzi dak li għaddej fil-Knisja Kattolika.  Il-Papiet tagħna għandhom f’idejhom strumenti li jippermettu li nsegwuhom.  Nammetti però li mhux kull aħbar tista’ taqraha.  Irid ikolli ftit ħin li mhux dejjem insib.  Reċentement rajt siltiet mid-diskors tal-Papa Benedittu XVI li għamel għall-34 Konferenza Ġenerali tal-FAO (Food and Agriculture Organization).  Il-kliem tiegħu jibdew b’dikjarazzjoni sempliċi imma ta’ portata qawwija: “Iż-żmien wasal li permezz tiegħu nassiguraw, għall-paċi, li ebda raġel, mara jew tfal ma jkunu qatt iktar bil-ġuħ.”

3.       Deherli li l-Papa għamel użu eċċellenti minn laqgħa verament importanti sabiex elenka l-bilanċ neċessarju ta’ dritt bejn il-persuna umana, is-soċjetà u d-dinja.  Iddikjara b’saħħa li kull bniedem għandu d-dritt fundamentali li jgħix liberu mill-ġuħ.  Kompla bl-użu tal-lingwa Ingliża bil-kliem: “The united effort of the international community to eliminate malnutrition and promote genuine development necessarily calls for clear structures of management and supervision, and a realistic assessment of the resources needed to address a wide range of different situations.  It requires the contribution of every member of society – individuals, volunteer organizations, businesses, and local and national governments – always with due regard for those ethical and moral principles which are the common patrimony of all people and the foundation of all social life.”

4.       Dawn il-kliem jingħaqdu ma’ l-isforzi kontinwi tal-Knisja Kattolika favur il-ġlieda kontra l-faqar fid-dinja tagħna.  Dan twettqu b’diversi modi, sija b’diskors li ċċaqlaq il-kuxjenza tal-bniedem, kif ukoll bil-fatti, b’ħidma diretta fil-postijiet fejn hemm l-iktar bżonn.  Għax hija waħda mill-ikbar kwistjonijiet jew problemi li nibqgħu ma nsolvux.  Kif f’dan is0seklu għad għandna daqshekk differenzi fid-dinja bejn soċjetajiet differenti bħal tagħna u dak ta’ pajjiżi oħra fejn in-nies iridu jgħixu bix-xejn?

5.       Id-duttrina soċjali tal-Knisja hemm min, illum il-ġurnata, irid inessihielna kompletament.  Però hemm għadha, b’saħħitha, tiġi ppriedkata, miktuba u mxandra.  Sfortunatament hemm min jaħseb li din hija ġabra ta’ ħsieb li l-kattoliċi biss iridu jobdu u l-oħrajn huma eżenti.  Iżda r-realtà hija li s-sustanza tagħha hija tant qawwija li għandha tittieħed in konsiderazzjoni u mhux biss, iżda li tiġi mwettqa mill-mexxejja kollha ta’ dawn iż-żminijiet.  Il-prinċipji li toffri huma kollha ċwievet u pedamenti sabiex tinbena soċjetà ġusta li tippromwovi l-ġid komuni.

6.       L-ordni soċjali fid-dinja jiddependi mill-ġustizzja u l-paċi bejn il-popli.  It-tixrid tal-ġid materjali huwa neċessarju u d-duttrina soċjali nisranija tisħaq fuqu sew.  Ħafna drabi l-vuċi tal-Knisja permezz tal-Papa Benedittu XVI tiġi mwarrba u kklassifikata bħala antikwata u sorpassata, mentri għal min jindenja jaqra s-sostanza tagħha mhux hekk assolutament xejn.  Il-vuċi tagħha qegħda hemm għas-servizz veru u awtentiku tas-soċjetajiet varji fejn taħdem u hija impenjata sabiex tibdel u tirriforma l-kundizzjonijiet soċjali tal-bnedmin kollha sabiex ikollna tħaddim veru tal-ġustizzja soċjali u ekonomika.  F’dan il-Milied nittama li min għandu ftit tal-ħin fuq idejh jew jerġa’ jmur lura lejn dawn l-għeruq u jiffriska l-memorja jew jibda jaqrahom.  Ċert li dawn il-kliem huma strument effiċjenti biex wieħed jeħles u jnaqqas mill-faqar materjali u intellettwali li għad għandna.

ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET

35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...