1. Iktar ma naħseb u iktar ma naqra nifhem kemm Papa Ljun XIV huwa ċar fejn irid jeħodna. L-għażla tal-isem huwa iktar evidenti proprju fid-dikjarazzjoni li jrid jimxi fil-passi tal-maħbub Papa Ljun XIII. Dak li diversi bħali, Insara mpenjati fil-politika nħarsu lejh għal direzzjoni, speċjalment fid-deċiżjonijiet xejn faċli. L-enċiklika li qisu aħna d-Demokristjani għandna l-unur infakkru, ir-Rerum Novarum, hija fil-fatt il-ġebla tax-xewka ta’ ħidmietna. Infakkar sempliċement li l-kelma ‘Religio’ magħżula minn missirijietna (dik li wħud, fin-nuqqas ta’ informazzjoni tagħhom inkella fid-disprezz lejna), tiddikjara ċar li tfisser li għandna nkunu ispirati mid-duttrina soċjali l-iktar reċenti, fosthom proprju hi.
Fortunati
2. Kif mexxiet tajjeb fl-għażliet politiċi u soċjali tagħna, aħna ma nimxux ma’ dak li l-Liberali jew is-Soċjalisti jiddikjaraw imma f’dik partikolari tagħna. Dik li teħodna kontra l-kurrent, li ma niddejjaq xejn nieħu, biex isiru l-għażliet it-tajba. Jiddispjaċini għall-oħrajn li jridu jagħmlu minna kopja ta’ programmi falluti u skaduti. Triqitna hija ċara u waqt li baqgħet konsistenti issa ser issib, mertu ta’ dan il-Papa, vuċi aktar rilevanti u moderna. Għax miegħu nibqgħu dawk li jridu jsibu risposti f’dinja moderna li kontinwament qegħda tinbidel. Daqqa tmur naħa u daqqa oħra. Sfortunatament mingħajr direzzjoni, imma sempliċement f’dak li qegħdin jagħmlu ‘oħrajn’. Meta nafu li kull pass politiku, soċjali u ekonomiku jitlob prinċipju etiku fundamentali li jmexxih.
Mexxej ġdid
3. Huwa f’dan mexxej ġdid li ser ċertament jispirana. Jista’ jkun hemm min jikkuntrastah imma biex iwettaq dan irid jifhem dak li qiegħed jgħid. Dan għax nagħrfu li kull epoka titlob tweġibiet ġodda li aħna niddikjaraw u nemmnu li jridu jkunu mwielda fil-ġid komuni, fil-ġustizzja soċjali, fid-dinjità umana. Jingħad x’jingħad, tul dawn is-snin, fi ħdan il-Knisja Kattolika li jien naħdem biex inkun parti minnha, kellna bnedmin li komplew kabbru u żviluppaw id-duttrina soċjali. Aktar ma taqra, aktar tifhem. Għax hemm patrimonju ta’ għerf li huwa għad-dispożizzjoni tagħna, u anki jekk ma jinqarax jew ma jinxteridx minn min għandu l-mezzi tal-komunikazzjoni f’idejh, xorta jeżisti. Dak il-melħ determinanti li jgħin sabiex ikun hemm soluzzjonijiet konkreti u awtentiċi lejn żvilupp uman integrali.
Sfidi tal-lum
4. Jekk Ljun XII tkellem u affronta l-isfidi li r-rivoluzzjoni industrijali ġiebet fuq il-bnedmin ta’ dak iż-żmien, illum hemm rivoluzzjoni oħra. It-teknoloġija, bil-fruntieri ġodda tagħha, qed tipprova tibdel dak li għandna. Jekk ma nkunux attenti ser nitilfu mill-umanità tagħna, mid-dinjità li nġorru. Insiru oġġetti u strumenti ta’ produzzjoni jew inkella fit-truf tas-soċjetà, emarġinati. L-isfida hija kbira u jekk wieħed ma jkollux prinċipji ċari jispiċċa jieħu deċiżjonijiet politiċi żbaljati. Fejn għandna nitilqu dejjem bil-ħsieb li t-teknoloġija fl-intelliġenza artifiċjali hija għas-servizz tal-bniedem, u mhux il-kontra. Irridu nkunu attenti u nipproteġu t-tajjeb li għandna. Għax l-intelliġenza artifiċjali, il-ġabra ta’ data kbira li teżisti, il-medja soċjali, l-awtomazzjoni, ir-realtajiet virtwali, dawn flimkien ma’ oħrajn qed jibdlulna l-ħajja kif nafuha.
Dinjità
5. Diġà bl-użu tal-algoritmi li jiddominawna u jabbużaw minna mingħajr kontrolli veri qed insibu sfidi ta’ kuljum. Fejn bihom, il-vuċijiet liberi fis-soċjetà qed jiġu maħnuqa fl-apparenza ta’ ftuħ li huwa, fil-fatt, għeluq. F’telf ta’ direzzjoni u manipulazzjoni ta’ ideat, fejn dawn Insara qed jiġu mniżżla iktar ’l isfel jew disprezzati f’forma ta’ vuċi ta’ oppressjoni. Proprju f’dan, il-mistoqsija hija kif wieħed jassigura u jara li niddefendu dak li aħna, il-kuxjenza interjuri tagħna u l-libertà esterna li niddeċiedu aħna u mhux l-algoritmi flokna. Dan iktar u iktar quddiem l-isfidi morali fis-saħħa. Dawk marbuta mat-twelid u mal-mewt tal-bniedem. F’dan iktar, id-difiża umana kontra l-allat foloz ta’ dak li qed jitressaq bħala l-etika tat-teknoloġija. Fejn nifhmu u niddikjaraw li nifhmu d-dmir fundamentali tagħna li nikkumbattu kontra l-loġika żbaljata li tiddikjara li dak li huwa teknikament possibbli huwa moralment tajjeb u ta’ dinjità umana għalina.
Fl-għeruq
6. F’dan nagħraf ukoll li qegħdin f’fażi fejn ir-riħ ser ikompli ġej mill-Amerika Latina. F’dak kollu li nbena u ġie mgħallem. Art fertili li ġiebet lil diversi bnedmin ’il quddiem jaqbżu fil-ġustizzja soċjali għal dawk l-iktar ’l isfel fis-soċjetà. Inġib għalhekk quddiem għajnejja lura lill-maħbub Rafael Antonio Caldera (1916-2009). Dak li għandna kitbietu f’idejna. Dak li kien iddikjara: “Il-movimenti Demokristjani mhumiex għaqdiet magħluqa ta’ riflessjoni u ta’ tagħlim, iżda gruppi ta’ azzjoni. Għalhekk ta’ min jieqaf u jirrifletti fuq it-tifsira tal-espressjoni ‘Demokrazija Kristjana’ għax inkella aħna stess, li dejjem nitħabtu mar-responsabbiltajiet tal-azzjoni quddiem il-problemi urġenti tar-realtà soċjali, aħna li dejjem nippreparaw ruħna għall-battalji li ċ-ċirkostanzi jitfgħu quddiemna, x’aktarx li nsibuha diffiċli meta niġu biex nistabbilixxu l-prinċipji li għalihom dħalna f’din il-ġlieda.” Sejħa attwali u li tibqa’ magħna.
Perjodu ġdid
7. F’dan huwa ċar li ġej żmien ġdid. Wieħed li jkompli jmexxina lejn kif wieħed jaffronta l-ħwejjeġ ġodda (rerum novarum) ta’ żminijietna. Żmien ta’ ħidma. Żmien ta’ għarfien li hemm kapitoli ġodda għad-dispożizzjoni tagħna sabiex nibdlu lejn soċjetà li tkun iktar fir-rispett sħiħ tal-bniedem. M’għandniex nibqgħu lura f’dak li ġej quddiemna. M’għandniex nibqgħu passi lura milli nikkumbattu għal dak li huwa sewwa. Il-bniedem huwa importanti għalina u ħaqqu dan. Il-linja politika tagħna twassal iktar b’dan li nkunu rilevanti u melħ qawwi f’pajjiż li tilef ħafna minn dak li huwa. M’għandniex ikollna diffikultà f’dan, li nimxu wara l-Papa Ljun XIV, għax jaf fejn huwa sejjer.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
23.5.25
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
IMTIEĦEN - RAPPORTI
29302. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-misto...
-
9944. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza: Jista’ l-Ministru jgħid ke...
-
10922. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qegħdin...
-
1. Din il-ġimgħa, l-kriżi finanzjarja li ilna naraw l-effetti negattivi tagħha kompliet b’fażi differenti u li qabel ma konniex...
No comments:
Post a Comment