13.5.25

TLIFNA ĦABIB - TISLIMA LIL MANWEL SCIBERRAS, MAGĦRUF AĦJAR BĦALA 'TAL-PASTIZZI'

1. Kif inhija l-istorja tad-dinja, diversi bnedmin jissejħu kuljum lura għand il-Ħallieq tagħna skont il-pjan tiegħU. Aktar ma wieħed jgħix, aktar jipprova jifhem dan kollu u ħafna drabi jaċċetta li t-toroq tagħna mhumiex dawk tiegħU. Jifhem li dan isir ukoll għax huwa minnu li kull bidu mitmum. Kull persuna tagħraf li hemm il-mument meta trid titlaq minn din id-dinja u tħalli warajha familjari, ħbieb u konoxxenzi, u tifhem aktar kemm dan mhuwiex f’idejha. Il-bniedem mhuwiex sid il-ħajja, anqas dik ‘tiegħu’. Dan aktar waqt li wieħed idur lura u jara lil dawk id-diversi ħbieb li jkun akkumpanja u li jkunu ħallew din id-dinja u jifhem ukoll li huwa wkoll irid jgħaddi minnha. Jifhem li, iebsa kemm hi iebsa, m’għandux għażla oħra ħlief dik li jaċċettaha.

Fejn trabbejt

2. Ġewwa Bormla, fejn trabbejt, għad għandi memorji varji ta’ dak li kienet. Dawk il-memorji li ġew lura quddiemi waqt li s-Sibt li għadda filgħodu qbadt Triq San Ġorġ, nieżel lejn il-Knisja Parrokkjali, sejjer għall-funeral. Sakemm ġejt għall-kantuniera ta’ Triq Santa Marija ftakart f’dawk li għexu hemm u li m’għandhomx magħna, kif ukoll il-ħwienet varji li kont inkun mibgħut nixtri mingħandhom li llum jinsabu magħluqa. Ismijiet li ħafna tal-età tiegħi ċertament jiftakru, ta’ persuni li llum qed igawdu l-mistrieħ ta’ dejjem. Fost dawn, fil-bidu tat-triq, għalina kien hemm il-ħanut magħruf bħala “Tal-Pastizzi”. Il-familja Sciberras, li kienet tmexxih, kienet tkun hemm, taqdi lil dawk kollha li kienu jmorru jixtru mingħandhom. Il-familja kollha, b’xi mod, kont taraha hemm.

Gwardjani

3. Niftakarni li mid-dar sal-MUSEUM u sal-iskola Primarja kelli bankina waħda. Ninżel fuq l-istess linja sitt darbiet fil-ġurnata u kif niġi fil-kantuniera kont narahom jien ukoll. Fil-fatt kont inħosshom isegwuni b’attenzjoni. Kelli seba’, tmien snin u niftakar li mhux l-ewwel darba li kienu jsejħuli. Lill-aħwa Sciberras u lill-ġenituri tagħhom niftakarhom sew. Bil-karattri differenti u bl-ideat tagħhom. Fosthom kien hemm in-nisa: Mary, Rita, Pera u Tessie, u l-irġiel, fosthom Emanuel, jew kif kien magħruf aħjar, Leli. Kien ikbar minni fl-età imma kellu l-ħsieb tiegħu ċar ħafna. Paċifiku għall-aħħar, imma fl-istess ħin attent u jaf dak li kien ikun għaddej fit-triq, f’Bormla u fil-pajjiż. Dak ma kienx żmien faċli biex tgħix u fl-istess ħin tesprimi opinjonijiet differenti minn dawk li dak il-ħin kienu ultra dominanti.

Attiv

4. Kien politikament attiv mingħajr diskors żejjed jew konfrontazzjonijiet bla sens. Filgħodu kien jaħdem fil-ħanut tal-aħwa Bajada fil-Belt ibigħ id-drapp biex minnu jsiru lbiesi għall-irġiel. Kien maħbub sew minnhom. Diliġenti u kapaċi ħafna jgħin lil kull min kien jidħol jixtri dak il-materjal mill-isbaħ u b’saħħtu. Diversi, mill-kbar saż-żgħar, ta’ kull klassi, professjonisti, b’xi mod kien jiltaqa’ magħhom. Kien jaf imur ma’ kulħadd u kien paċenzjuż, salv ma’ dawk li kienu jaħlulu l-ħin jew jgħidu xi ħaġa kontra l-familja Bajada. Kellu f’dan idejh fuq il-polz u kien jaf l-umuri veri tal-poplu. Kien attent, u hemm kellu ħafna ħbieb li magħhom kien jitkellem u jsiefer. Kien kuraġġuż u avventuruż. Irid isir jaf u f’dan resaq dejjem aktar viċin ta’ missieri, dak iż-żmien fil-bidu tal-missjoni politika tiegħu, li Manwel segwa.

Kien hemm ġabra

5. Manwel kien fost grupp ta’ bnedmin li kienu mpenjati f’Bormla. Insemmi xi wħud għax kien hemm diversi oħra bħal Maurice Debono, John Borg, Joe Gatt, Joe Cassar, Toni Said, Richard Garzia, Pawlu Tabone u Mike Ciappara. Jiltaqgħu fil-Kumitat, jiddiskutu u fl-istess ħin jgħinu. Parti mill-kurrenti li kienu jkunu għaddejjin fil-Partit qabel, waqt u wara l-Kunsilli Ġenerali, il-Laqgħat Ġenerali u d-djalogi li kienu jsiru. Fuq bażi regolari kont ngħaddi ftit ħin ħdejh il-ħanut. Ftit minuti kollox. Manwel kien jappoġġja ħidmet missieri b’intelliġenza. Taf li ser issibu u taf x’inhuwa għaddej minn moħħu. Kapaċi jagħti gwida u ġeneruż fiha. Ikla kien jieħu pjaċir biha, speċjalment mal-ħbieb veri. Flixkun birra, jew Bormla jew għand Ellul il-Belt, kien japprezzah.

Meta għalqu

6. Meta ngħalaq wieħed mill-ħwienet ta’ Bajada fil-Belt, ġie jieħu ħsieb dak ta’ Triq San Ġorġ, Bormla. Il-ġenituri tiegħu kienu ġew nieqsa u waqa’ ħafna fuqu. Diversi kienu jgħaddu ħdejh, ibda mill-ġenituri li kienu jkunu qed jieħdu ’l uliedhom l-iskola, u kompli matul il-ġurnata. Miftuħ tulha bi bnedmin varji li kienu jidħlu jew jieqfu jitkellmu miegħu. Ħafna jixtru l-bżonnijiet ta’ kuljum, għax verament kellu minn kollox. Ħobż, ħalib, perżut kienu jkunu dak li kont immur għalih, inkella li kien itella
’  lilna u lil ġirien oħra. Kien attent, u fl-istess ħin, bil-għaqal. Dak li kien jaqla’ kien kapaċi jkattru u jinvestih. Ħadd ma naqsu xejn. Ma kienx jiftaħar wisq, anqas jitkessaħ jew jitkellem żejjed. Japprezza lil dawk bħalu, speċjalment lil dawk li lejn l-aħħar tal-jum kienu jinġabru ħdejn jaqsmu kelma flimkien. Wara jum fil-ħanut, fil-ġabra tad-dar ma’ ħutu u man-neputijiet.

Tal-Kunċizzjoni

7. Kien devot u benefattur kbir tal-Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni. Fid-dar kellu xbieha mill-isbaħ tagħha li l-ħabib Ġużeppi ta’ Xandru, il-magħruf arġentier, kien b’sengħa u b’reqqa kbira għamillu. Mal-jiem tal-festa kien ikun ferħan ħafna, aktar u aktar meta l-ewwel kienu jgħaddu l-baned u wara meta kienet tgħaddi minn quddiemhom il-vara tal-Madonna. Iktar ’l isfel fit-triq kellu sehem fit-tqegħid ta’ statwa tal-Qalb ta’ Ġesù. Dik li kien, sajf u xitwa, kważi kuljum mat-tlieta jfakkar lil kulħadd bil-preżenza tagħha u bil-vuċi distinta tiegħu u b’leħen li kien jinstema’, jitlob. Maż-żmien kien sar ikona tal-lokal u ħafna kienu jafuh. Biss, reċentement saħħtu ma ppermettietx u ddeċieda li jagħlaq il-ħanut. F’dan ipprova jsib lil xi ħadd bħalu biex jidħol għas-sagrifiċċji li kien iġorr imma ma sabx u kien żammu hekk, magħluq, jittama fil-futur.

Hekk jibqa’

8. F’dan kollu jibqa’ ħabib awtentiku, ġenwin u li tista’ tafdah b’kollox għax qatt ma kien ser jittradik. F’dan proprju hu, li kien ħafna drabi fis-silenzju, issa qiegħed igawdi l-paċi eterna. Is-Sibt filgħodu, waqt li nġbarna nagħtuh l-aħħar tislima, ġew quddiemi dawn u aktar episodji ta’ ħajtu. Ser iħalli vojt kbir fil-ħajja ta’ diversi. Minn qalbi nsellimlu u ninsab ċert li diġà jinsab flimkien mal-membri tal-familja u d-diversi ħbieb tiegħu li marru qablu.


No comments:

IMTIEĦEN - RAPPORTI

29302. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-misto...