1. Wieħed irid jibda billi jipprova jifhem il-mossi politiċi ta’ dawk fil-poter. Jifhem biex jgħarbel, sa ċertu grad ta’ loġika, għala għaddej dan kollu. Għala, wieħed jistaqsi lilu nnifsu, qed naraw tant mossi ta’ aljenazzjoni li qed isiru b’ċerta veloċità u f’direzzjonijiet differenti? Ma jidhrux li huma parti minn xi programm ta’ riforma elettorali imma huma iktar punti li qed jitqajmu biex il-poplu jiddiskutihom. Ma jibqax konċentrat fuq dak li għaddej mhux fil-Parlament, imma fil-Qorti. Jum wara l-ieħor, għal dawn l-aħħar ġimgħat qed jingħadu fatti, dettalji u opinjonijiet varji li fil-verità qed imissu ma’ dak li ftit kienu jemmnu li jista’ jkollna f’pajjiżna.
Ġuri
2. Huwa iktar ċar li l-Gvern qiegħed isib ruħu jrid iwieġeb moralment u politikament fuq dak li qed jiġi skopert. Il-ġuri li fih qed jiġu ttrattati l-omiċidji, l-ewwel tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia u wara dak tal-Avukat Carmel Chicrop li qed jiġbed ħafna attenzjoni. Diġà l-ġurijiet, minnhom infushom, kif diversi gazzetti jgħidulek, jinqraw u jiġu miflija fid-dettalji. Imma dawn aktar. Hemm verament il-fatt li meta każ “jitħallat” ma’ ieħor qisu jkun hemm min jieħu l-impressjoni li xi wieħed huwa inqas importanti mill-ieħor. Imma fil-verità, l-effett fuq il-poplu huwa ikbar. Hemm diversi li qed jirrealizzaw li l-livell tas-sigurtà fl-Istat naqas. Jifhmu li kien hemm mument fejn bnedmin waslu sabiex, għal interessi varji, joqtlu persuni oħra bl-iktar metodi koroh u kundannabbli. Jista’ jkollok xi opinjoni żbaljata dwar il-ġurnalisti u l-avukati, imma ma tista’ qatt, taħt ebda kappa tax-xemx, tiġġustifika li jinqatlu.
Dan hu
3. Dan huwa li qiegħed idejjaq lill-poplu jum wara jum. Dan huwa li l-poplu jiddiskuti. Dan huwa li qiegħed jolqot fil-laħam il-ħaj lill-Gvern u dan għax diversi qed iħossu li dak li seħħ ma ngħatax l-importanza li ħaqqu. X’ġara qabel, x’ġara fid-diversi seduti li kien hemm fil-ġbir tal-provi nġabar fis-subkonxju li issa, f’daqqa, qiegħed iqajjem domandi varji. L-iktar kruċjali huwa f’kemm dawn huma gravi u f’kemm il-Gvern għamel minn kollox biex iċekkinhom. Issa però l-mument huwa inevitabbli u minn dak li qiegħed jingħad għad fadal jiem twal oħra ta’ dettalji. Proprju f’dan wieħed jifhem għala qed nisimgħu b’affarijiet oħra.
Inbiddlu d-diskors
4. Dan apparti mill-kwistjoni tal-Iskema tal-Passaporti, li wriet ukoll li l-Gvern ma kellux ħafna raġun fuq dak li kien qal lill-poplu. Imma anke jekk mhux hekk, il-fatt huwa ċar għax f’dan bdejna, l-ewwel b’kampanja ma tispiċċa qatt li l-pajjiż jiddiskuti l-introduzzjoni tal-ewtanasja, meta nafu kemm hawn opinjonijiet dwar din u kemm ser tkompli ġġib diviżjoni fi ħdanna. Inkella wara li rridu niddikjaraw li ser inħaddmu l-Att dwar iż-Żona Ekonomika Esklussiva, meta nafu kemm hija strument legali delikat li jrid jiġi wżat b’attenzjoni u bi qbil ma’ Stati oħra madwarna fil-Mediterran. Inkella, l-aqwa fil-loġika tal-illoġika, li wieħed jiddikjara li lest li tissejjaħ elezzjoni ġenerali bikrija jekk il-Partit Nazzjonalista jbiddel il-Kap tiegħu! Hemm min qiegħed jieħu l-impressjoni li hemm min qiegħed jikkumbatti sew biex ma jitlifx iktar mir-reputazzjoni.
Fejn sejrin?
5. F’dan wieħed għandu jifhem aktar fejn ninsabu u x’passi għandhom jittieħdu. Ċertament wieħed għandu jitlaq mill-prinċipju li l-aġenda tal-Gvern mhijiex dik tal-Oppożizzjoni. Anzi, hawn huwa evidenti li l-Gvern jiddependi u għandu bżonn ta’ diversi oħrajn u tal-Oppożizzjoni sabiex imexxi ’l quddiem din l-istrateġija ta’ aljenazzjoni. Għax f’dan wieħed ikun qiegħed jibdel dak li bħalissa kulħadd irid jifhem li ġara. Pajjiżna mhux aljenazzjoni għandu bżonn, imma li tingħadlu u li jsir jaf aktar il-verità. Dik li fuqha tista’ titlaq biex dak li seħħ ma jerġax iseħħ u tibni Stat demokratiku aqwa milli għandna llum.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
23.5.25
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
IMTIEĦEN - RAPPORTI
29302. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-misto...
-
9944. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza: Jista’ l-Ministru jgħid ke...
-
10922. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qegħdin...
-
1. Din il-ġimgħa, l-kriżi finanzjarja li ilna naraw l-effetti negattivi tagħha kompliet b’fażi differenti u li qabel ma konniex...
No comments:
Post a Comment