6.5.25

KIF NIFTAKRU - APPREZZAMENT TA' DR FRANCIS ZAMMIT DIMECH

1. Ċert li tafu li diversi oħra qabli kitbu u faħħru diversi mill-kwalitajiet u t-talenti li huwa kellu. Forsi minix ser inżid ħafna, salv dak li għandi fil-memorja tiegħi dwaru. Biss, inħossni fid-dmir li nikteb fil-qosor dan l-artiklu. Immur lura fiż-żmien sabiex nara mill-ġdid quddiemi lil dak iż-żagħżugħ li kont rajtu għaddej fit-toroq ta’ Bormla. Strada San Giorgio, kif kienet magħrufa qabel, ġiebet għalija lilu u lil politiku ieħor fil-ħajja. It-tnejn viċin ta’ xulxin u li t-tnejn servew fit-tul bħala ministri tal-Gvern b’attenzjoni u ħidma. Kien jidher, però li Francis, għalkemm ma kienx fil-politika dak il-mument, għada pitgħada kien ser ikun attiv. Mimli b’ideat u b’ħeġġa biex jaħdem u jorganizza f’dak li diversi kienu jridu.

Enerġija

2. Kont insegwih u dan għax il-gazzetta In-Nazzjon Tagħna kienet tasal kuljum id-dar. Naqra u nqis dak li kien involut fih. Biss, iltqajt miegħu direttament ferm wara, meta sibt ruħi fl-Eżekuttiv tal-MŻPN u tal-Partit. Hu kien f’dak li kont inħoss iktar fuq iċ-ċentru-lemin flimkien ma’ oħrajn, fosthom Ray Bondin, Ċensu Galea u Tonio Borg. Jien aktar f’dak likont nara bħala fuq iċ-ċentru-xellug ma’ Carmel Cacopardo, Roderick Pace u Joe Tabone. Kemm għandi raġun illum ma nafx, imma kien il-bidu ta’ proċess u għarbiel ta’ ideat. Ma konniex naqblu fuq ħafna. Imma dan il-punt għeni biex nitbaskat aktar f’dak li sirt u f’dak li naħseb. Biss, niftakar li kien iżomm sod fl-ideat tiegħu. Ma kontx tibdillu fehmtu malajr. Kien hemm kumbattimenti varji fuq kważi kollox. Mill-1982 ’il quddiem għalija kien beda dan l-iskambju li fih immaturajt sew u nittama li b’xi mod għentu wkoll fi triqtu.

Impenn

3. Kont naf li kien impenjat sew, bħal ma kont jien ukoll, l-iktar fl-Elezzjoni Ġenerali tal-1987. Kif nafu, dak iż-żmien ma kien faċli xejn. Ħabbatna l-bibien u ġrejna ma’ kull naħa u oħra ta’ pajjiżna. Hu bħala kandidat u jien wara missieri. Kien, però, mertu kbir tiegħu li ġie elett fl-1987, u dan fid-dell tal-mibki President Emeritu Dr Ċensu Tabone. Ġieb ruħu sewwa mill-ewwel fil-Parlament u beda karriera twila minn hemm. Attent u mpenjat ħafna. Minflok, jien kont inqtajt lura u ppruvajt kemm flaħt ma nidħolx fil-politika parlamentari, minkejja l-ħafna pressjonijiet li kelli. Imma, kif għada pitgħada nittama li nikteb, spiċċajt li fl-1998 ikkontestajt dik l-Elezzjoni Ġenerali u ġejt elett. Hemm sibtni deputat fost numru mħallat ta’ ministri. Dawk li servew fil-ġenerazzjoni ta’ missieri u dawk iżgħar bħal Francis, Tonio, Ċensu u Josef. Sibtni mill-ewwel miegħu fil-proċess sabiex jiġi dibattut u approvat il-kuntratt tal-iżvilupp tal-Kottonera. Dak li kien waqqa’ Gvern preċedenti. Sigħat twal ta’ diskussjoni sija qabel, waqt, u wara dak il-kumitat li fih bdejt nitgħallem. Mhux darba jew tnejn kien isejjaħli tard wara d-disgħa ta’ filgħaxija sabiex ikunu fuq l-istess korda, kif konna. Ħa ħsieb ikun gwida tiegħi. Minn hemm ngħid li bnejna rapport importanti, differenti, fejn hu kien jaf li ma kellniex problemi jew nuqqasijiet fl-opinjoni. Wara dan kollu, finalment għadda u ġie approvat mill-Kamra tad-Deputati.

Metikoluż

4. Sa dak il-mument kien diġà ħafna, imma wara ġie dak tal-bini, tat-twettiq, u fl-istess ħin sabiex il-Kottonera tkompli tingħata iktar attenzjoni. Kellu ġabra ta’ persuni miegħu li ħadmu kemm felħu. Fosthom kien hemm Ray Bondin fil-Kumitat għar-Rijabilitazzjoni, dejjem b’ideat u b’inizjattivi ġodda. Hemm ġew fis-seħħ diversi proġetti u kelli ħafna sodisfazzjon personali meta huwa kellu wkoll il-ġenerożità li jistedinni sabiex inkun preżenti għal diversi konferenzi stampa li kienu jsiru. Kien fil-fatt fl-istess mument li beda x-xogħol marbut mad-Dock Number One taħt il-Professur Josef Bonnici. Dak il-ħajt li kien hemm min bagħat jgħidli li għalxejn qed naħdem, għax la jien u lanqas uliedi ma kienu ser jarawh jaqa’! Dak niżel kollu u għall-Kottonera kollha bdiet folja differenti.

Paċenzja

5. Tul dan il-proċess kelli żewġ mumenti li ta’ min wieħed isemmi. L-ewwel: waqt li kien għaddej ix-xogħol fuq ix-Xatt ta’ Bormla, Francis kien beda jiġi attakkat fuq parti li kienet twaqqgħet bħallikieku qisu kien qiegħed jitneħħa xi patrimonju nazzjonali u kien hemm min iddubita minnu minħabba f’hekk. Dan ma kienx il-każ, u mingħajr ma għidtlu xejn qabel, ħadt aġġornament u ddefendejtu sew. Xejjint kull kritika li kienet saret tant li wara kollox waqaf f’daqqa. Għadni niftakar lill-Ministru Michael Refalo jidħol fil-Kamra biex jara min kien qiegħed jitkellem, jara lili, jitbissem u joħroġ. It-tieni: kelli sitwazzjoni oħra iktar ikkumplikata. Ħadd minnhom, wara li kont dort il-Każini tal-Partit, kif sibtni fi Triq il-Ħabs l-Antik fil-Birgu, ġiet ġabra ta’ iktar minn ħamsin persuna, xejn ferħana, biex ikellmuni hemm. Min kien qed jibni Sant’Anġlu ddeċieda li jtella’ sular aktar milli konna ftehemna u b’hekk kien ser jagħlaq il-veduta ta’ diversi djar. Minħabba l-konsegwenza politika għal dan lil Francis kont tlabtu biex issir laqgħa mal-iżviluppaturi u li għaliha hu kellu jkun preżenti. Aċċetta, u b’diffikultà kbira, għax din il-laqgħa kienet ikkargata sew, mertu tal-fatt li fehem is-sitwazzjoni dak is-sular mhux biss waqaf milli jitla’ iżda niżel lura għal fejn kellu jkun.

Kellu sigriet

6. F’dan kellu ċavetta importanti. Kien kapaċi jibni pontijiet ma’ oħrajn, u kif għidt, kellu warajh team tajjeb ħafna. Niftakru mdawwar, fost l-oħrajn, minn bnedmin bħall-Perit Albert Caruana, Michael Aquilina, Charles Zammit, Joe Zahra, Philip Borg u Joseph Dalmas. Mhux biss leali lejh, imma kienu mmexxija minn rispett u mħabba. Kapaċi huma wkoll jieħdu deċiżjoni kif kien iridha hu. Jieħdu ħsiebu politikament, imma wkoll fil-persuna tiegħu. Niftakar fl-uffiċċju skomdu fil-kuritur tal-Parlament l-antik daqqa lil Philip Borg, daqqa lil Joseph Dalmas, lejn l-aħħar tal-jum mad-disgħa ta’ filgħaxija jidħlu bi platt ħobż biż-żejt. Dejjem l-istess ammont – xejn iktar u xejn inqas. Kienu jgħiduli li kien jibqa’ hemm sat-tard sew biex ikun ċert li kollox kien f’postu, li kien ċempel lil min kellu jċempel u li wieġeb dak li kellu jwieġeb.

Ħbieb

7. F’dan, bħala deputat sibtni nara kif kien jaħdem ma’ żewġ ministri oħra li magħhom kellu relazzjoni speċjali. Ċensu Galea u Tonio Borg kienu viċin ħafna tiegħu. Niftakarhom jiltaqgħu jieklu għax kellhom appuntament li ma’ kull diskors tal-Budget wara kienu jmorru jiltaqgħu biex jiddiskutu l-impatt tiegħu fuq is-soċjetà. Ma nafx minn fejn kienu jġibu l-enerġija, imma naf li din it-tradizzjoni kienu żammewha fit-tul. Kont konxju però li kellhom ħafna pressjoni fuqhom f’dik il-leġislatura ta’ bejn l-1998 u l-2003 sabiex pajjiżna seta’ jsir membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea. Niftakar li Sibt minnhom iddeċidejna li nistednuhom it-tlieta li huma ġewwa d-dar tagħna. Ġew, u fil-bidu baqgħu lura għax kienu ħasbu li kelli xi aġenda jew li kont ser nitlobhom xi ħaġa. Imma kif fehmu li minn dan kollu ma kien hemm xejn, inbidlu. Bdew jiċċajtaw, jirrakkontaw u jidħku, ibda minn Francis jiġbed is-saqajn u kompli b’Tonio. U spiċċaw ma ridux jitilqu, jekk mhux wara li kien qaleb sewwa nofsillejl. Daħlu serji u ħarġu jidħku.

Bqajna ħbieb


8. F’dan nista’ ngħid li bqajna ħbieb, anki jekk mhux daqshekk viċin. Kien persuna li japprezza l-qari u jħobb ħafna l-kultura, speċjalment it-teatru u l-musical shows. Għalkemm qatt ma konna flimkien fil-Kabinett xorta naf li kien ta’ appoġġ għalija, f’diversi modi. Kien fost l-uniċi li wara Mejju 2012 kien insista li niltaqgħu fl-uffiċċju legali li kien bena lura biex nieħdu kafè u nitkellmu fit-tul. Fraħt wara għalih, li kien ġie wara magħżul bħala Ministru tal-Affarijiet Barranin. Bqajna ħbieb, anke jekk ma qbiltx ma’ dak li l-Partit għażel li jgħaddi minnu, fejn konna fuq naħiet differenti. Biss, kont deċiż li filwaqt li niddikjara ċar il-pożizzjoni tiegħi, ma kont ser nidħol fi ġlied u f’kunflitti li flok ta’ ġid kienu ser iservu ta’ iktar ħsara. Kien jaf, bħal ma naf jien minn dak li għaddejna, jew aħjar, għaddewna minnu fin-nuqqas ta’ għaqal politiku ta’ oħrajn. L-aħħar konverżazzjoni tagħna fit-tul kienet evalwazzjoni oġġettiva ta’ kollox. Tlaqna lil xulxin fuq nota tajba ħafna u hekk bqajna, kull darba li rajtu. Nifirħu b’xulxin u nassigurah minn talbi fil-passjoni li kien għaddej minnha.

Ħalla warajh

9. Għalina ħalla warajh eżempju preċiż ta’ kif wieħed fil-politika għandu jġib ruħu. Kien attent għal bnedmin oħra u kien jipprova jqis u janalizza dak kollu li kien ikun għaddej. Miftuħ għal ideat politiċi differenti. Ippreparat biex iservi tant li ħajtu kienet kontinwament id-dinja pubblika. Insellimlek Francis, u nirringrazzjak tal-ġid kollu li wettaqt għal pajjiżna.


No comments:

IMTIEĦEN - RAPPORTI

29302. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-misto...