1. Waqt li kif inhuwa ġust u xieraq, matul din il-ġimgħa d-dinja tat l-aktar attenzjoni lill-Konklavi sabiex jiġi elett Papa ġdid, fl-istess jiem fil-Ġermanja seħħ pass importanti ħafna u jingħad x’jingħad dwar dan il-pajjiż, huwa jibqa’ determinanti fil-ħajja u l-istorja Ewropea. Għal dawk li huma b’xi mod parti minn jew li jsegwu l-politika fl-Unjoni Ewropea, m’hemmx dubju li mingħajr il-kunsens ta’ dan l-Istat Membru, l-affarijiet ma jimxux. Proprju għalhekk li l-ħatra ta’ Friedrich Merz (1955) bħala l-Kanċillier il-ġdid (Prim Ministru) ta’ dak il-pajjiż tul il-ġimgħa ġibdet l-attenzjoni.
Fuq livelli
2. Dan fuq diversi livelli, proprju għall-persuna li hu u għal dak li jirrappreżenta. Ġej mill-Partit Demokratiku Kristjan (CDU) li mmilita fih għal snin twal. Kellu, u għadu għaddej f’karriera twila u xejn faċli għalih. Personalment ġarrab ħafna u ġie f’pożizzjoni li kellu jwarrab lura lejn il-karriera professjonali fil-liġi li huwa għandu. Minn żagħżugħ (1972) kien diġà membru attiv fil-partit u fl-1989 ġie elett Membru tal-Parlament Ewropew. Żmien ta’ formazzjoni qawwija fejn fost ħidmietu kien ukoll membru ta’ kumitat responsabbli mir-relazzjonijiet ma’ pajjiżna. Wara din il-leġislatura sar membru tal-Parlament Federali, il-Bundestag.
Ċeda l-pass
3. Ma kenitx faċli għalih u kellu diffikultajiet mal-magħrufa Kanċilliera Angela Merkel (1954), ikbar minnu fl-età bi ftit xhur. Kunflitti nterni xejn pjaċevoli, li minħabba fihom iddeċieda li ma jikkontestax l-elezzjoni tal-2009. Ħadem b’suċċess bħala avukat però, kif qed naraw, spiċċa lura fil-parlament. Dan seħħ wara li kkontesta bħala Kap tal-partit tlett darbiet sabiex fl-aħħar, fl-2021, ġie elett. Dan ġieb perjodu xejn faċli għalih u kien qiegħed kull darba jikkumbatti lil dak li kien jidher ċar li kien is-suċċessur il-“midluk” ta’ Merkel. Biss minn hemm, bil-karriera personali tiegħu u bl-importanza u l-attenzjoni li huwa ta lis-settur ekonomiku, spiċċa jmexxi l-partit li ġieb l-iktar voti u siġġijiet fl-elezzjoni ġenerali li saret din is-sena. Mexxa diskussjonijiet mal-Partit Soċjalista (SPD), li tilef il-poter, sabiex issir koalizzjoni.
Triq xejn faċli
4. Il-pożizzjonijiet politiċi passati ġabuh f’kunflitt ma’ diversi. Però l-bniedem huwa sod u mimli b’valuri tajbin. Strateġikament ma’ qabilx fuq ħafna u huwa proprju għalhekk li wieħed jifhem għala fl-ewwel jum li fih kellu jiġi konfermat bħala Kanċillier kien hemm min ried iferih ulterjorment. Jidher li ħmistax-il membru tal-partit tiegħu stess iddeċidew li ma jivvutawlux u riedu jibgħatulu, żbaljatament, messaġġ. Biss, fit-tieni vot, li huwa wkoll kien sigriet, il-maġġoranza ġiet mirbuħa b’325 vot. Issa qiegħed fil-pożizzjoni u qabad triqtu jdur l-Ewropa sabiex jieħu postu. Il-Ġermanja tiddependi fuqu, u daqshekk ieħor il-kontinent.
Kapitolu ġdid
5. M’għandix dubju li dan il-bniedem ser fil-fatt jiftaħ kapitolu differenti u ġdid, sija għall-partit kif ukoll għall-gvern. Ser ikun hemm tibdil fuq l-infiq u l-kwistjoni tal-awsterità. Ser ikollu wkoll l-isfidi li Donald Trump kontinwament qiegħed jibgħat, minbarra wkoll ix-xenarju li qiegħed jinbidel ta’ Ġermanja li tibqa’ lura fl-armamenti militari għal waħda li trid tarma lilha nfisha. Għandu però vantaġġ politiku għax għandu esperjenza twila li fiha ġie mbaskat sew. Ma ssirx Kanċillier ta’ pajjiż bħal dak mingħajr ma tkun għaddejt minn ħafna. F’dan għandu wkoll id-dehen li jagħraf li jista’ juża tajjeb it-talenti differenti li għandu.
Nittamaw
6. Ċertament ser ikollu l-vantaġġ ta’ Unjoni Ewropea mmexxija minn Ursula von der Leyen (1958), li qabel kienet miegħu fil-partit. Kif ukoll diversi mexxejja Ewropej li ser iħarsu lejh b’rispett. Il-bidu għalih ma kienx faċli, u lanqas triqtu biex ġie maħtur Kap u Kanċillier, imma naħseb li dan ser iservih f’dożi aqwa ta’ umiltà u attenzjoni għal dak li hu għaddej fil-partit. M’hemmx dubju li d-demokrazija Tedeska hija eżemplari u r-reputazzjoni tagħhom ma marritx lura. Jafu x’inhuma jagħmlu u kapaċi jibdlu. Proprju għalhekk li fil-mument attwali nawgurawlu u nittamaw li ħidmietu tkun aktar għas-sewwa u l-valuri sodi Nsara li l-Ewropa tant għandha bżonn.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
13.5.25
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
IMTIEĦEN - RAPPORTI
29302. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-misto...
-
9944. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza: Jista’ l-Ministru jgħid ke...
-
10922. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qegħdin...
-
1. Din il-ġimgħa, l-kriżi finanzjarja li ilna naraw l-effetti negattivi tagħha kompliet b’fażi differenti u li qabel ma konniex...
No comments:
Post a Comment