Showing posts with label gwerer. Show all posts
Showing posts with label gwerer. Show all posts

4.1.26

NISTENNEW IX-XEMX TIELGĦA?

1. Sena ġdida ġġib magħha ħafna tamiet lejn dak li ġej. Dawk marbuta ma’ ħajja aħjar u soċjetà daqshekk ieħor. Dawk personali fit-taqlib u mhux dejjem f’linja li rriduha. Dawk tal-komunità li ngħixu fiha sabiex tikber fil-ħsieb u fil-preparazzjoni lejn l-isfidi tal-lum u dawk ta’ għada. Forsi fit-tama li jirnexxilu jkollna aktar bnedmin li jfittxu li jaqraw kotba, gazzetti u li fuq kollox ifittxu ġewwa dak kollu l-verità. Ifittxu dak li huwa sewwa minn dak li mhuwiex. Dak li huwa ġust minn dak li mhuwiex.

Il-bniedem

2. F’dan tista’ taqbad numru ta’ miri personali. Tnaqqas mill-piż, taqta’ xorb u ikel żejjed. Tista’ wkoll tfittex mhux biss dak fiżiku imma iktar dak intern, dak spiritwali. Dak li fil-fatt jibdel il-bniedem u jressqu sabiex ikun aħjar verament. Jifhem iktar l-iskop tal-eżistenza tiegħu, sehmu fid-dinja u lejn fejn irid jiddedika ħinu. Fejn wieħed jaċċetta li kull persuna umana nħolqot bi skop preċiż u ħadd m’huwa irrelevanti jew dispensabbli. Fejn tħares li ġġib iktar ċittadini attivi u li jieħdu sehem sħiħ fl-għarfien li dak li qed iwettqu huwa parti minn proċess mhux biss personali imma fil-kuntest komplet ta’ dawk ta’ madwaru. Fejn kull att żgħir jinfluwenza dan il-kuntest sħiħ, anke jekk jista’ jidher żgħir, minimu, moħbi u mwarrab.

Riċerka

3. F’dan nibqa’ nemmen li soċjetà tista’ tikber jekk ma tabbandunax is-sejħa li għandha lejn il-verità. Ma hemmx ħafna veritajiet kif jingħad lilna, imma waħda. Dik li tieħu ż-żmien tagħna biex tħaddan u tibni fuqha, imma li hija hemm. Aktar u aktar f’dak li aħna mdawwrin bih. Il-verità hija l-gwida tagħna f’kull ma rridu nwettqu sewwa. Iktar u iktar dawk li huma mpenjati fil-politika, f’dik l-ogħla sejħa li mhux ħafna jaċċettaw. Ċertament li għalija nagħżel, iktar minn qabel, sabiex infittex il-verità u ma niġrix nibla’ dak li ħaddieħor iressaq li ma jkunx minnu. Naqra, nifhem, nitkellem, niltaqa’ sabiex nissawwar iktar f’dan. Nifhem dejjem li oħrajn jistgħu jaqblu miegħek, imma ma jfissirx li għandek raġun, u fl-istess ħin jistgħu jmeruk u javversawk, imma ma jfissirx li għandek tort.

Forsi f’dan

4. Forsi aktar f’dan għandna nħarsu lejn dawk li għandhom inqas minna. Dawk li jinsabu mwarrba fis-soċjetà u fid-dinja sħiħa. F’pajjiżna naraw soċjetà li tilfet ir-riedni tal-ordni u l-loġika. Kollox sejjer għal rasu, fejn l-irwiefen li tħallew jitqajmu qabel ħadd ma jidher, jew irid, jew jista’ jikkontrollawhom. Il-ġid materjali mhuwiex jasal sat-truf tas-soċjetà u s-sistema tal-għajnuna soċjali hija maqtugħa mid-dinja li trid tgħin. Minkejja dak kollu li jidher differenti u ndikat bħala forma ta’ żvilupp progressiv tagħna, fil-fatt mhuwiex hekk. Għad għandna wisq bnedmin li jitolbu rimedji li qed jissieltu ferm iktar minn oħrajn sabiex jgħixu b’xi forma ta’ dinjità. Dawk li jorqdu fil-karozzi tagħhom. Dawk li ma jistgħux ilaħħqu mal-kirjiet li huma dejjem għolja u li ma hemmx kontroll razzjonali fuqhom.

Infittex

5. Jista’ jkun li hemm min jinxtara f’kuxjenztu għax jaħseb, skont hu, li hu tajjeb. Imma l-verità turik li sakemm hemm oħrajn li mhumiex trid tibqa’ ssemma leħnek u twettaq ħidmietek. Mhux biss għal dawk fuq dawn il-gżejjer, imma wkoll barra. Aħna nistgħu ninsabu fil-kumdità materjali imma m’għandniex ninsew lil dawk li huma fil-miżerja, l-iktar dik li ġejja mill-faqar u mill-kunflitti. Dak li hemm bħalissa għall-bnedmin bħalna ġewwa Gaża. Jista’ jkollna opinjonijiet differenti dwar il-politiċi, dwar min għandu raġun jew tort, inkella jekk ħaġa kellhiex issir jew le. Imma l-fatt jibqa’ li hemm tbatija esaġerata ta’ bnedmin li jridu jgħixu barra mal-elementi għax djarhom imkissra. Il-fatt jibqa’ li dawn l-ulied għaddejjin minn passjoni li ma trid bl-ebda mod tieqaf. F’dan pajjiżna jista’ jwettaq iktar u jikkontribwixxi aktar sabiex ikun hemm passi lejn bidliet fil-paċi.

L-istess

6. Hekk ukoll dak li hu għaddej fl-Ukrajna, fejn ix-xenarju huwa differenti imma l-bnedmin qed ibatu sew. Fejn nistgħu ngħinuhom aktar b’għajnuna umanitarja iktar soda u konsistenti. Fejn fl-istess għandna nkunu, fiċ-ċokon tagħna, spalla vera lejn is-sejħa kostanti lejn il-paċi. Anki jekk ma tidhirx loġika, jew oħrajn ma jaqblux, xorta rridu nkunu dawk li b’aktar saħħa ninsistu li hemm bżonn il-paċi u hemm lok għaliha. M’hemmx bżonn ħafna ħsieb jew offerti li jsiru xi diskussjonijiet hawn, imma iktar li nsemmgħu leħinna b’qawwa iktar milli aħna. Għandna kuxjenza u dik hija kostanti. Irridu nassiguraw li nwettqu dmirna fis-sewwa tagħna.

Stima

7. Jistgħu jiktbu kontra tagħna u jċekknuna f’dak li seħħ f’dawn il-gżejjer f’dawn l-aħħar snin. Nistgħu naqraw kemm kellna korruzzjoni u kemm m’aħniex nieħdu passi. Imma dan iweġġa’, l-ewwel, fih innifsu li seħħ, fil-fatti, u wara fl-għarfien li pajjiżna ma jixraqlux hekk. Meta jħammġuna mod, meta nassiguraw li nitħammġu aħna mod ieħor. Kif ukoll huwa rilevanti li tara min jista’ jew irid li jitnaddar. Ir-realtà hija li anke jekk aħna kwadrottu, xorta rridu bnedmin li jnaddfuna. Vuċi ċara fuq ix-xenarju internazzjonali favur iktar aġir umanitarju u dak intern fejn l-ordni tiġi ristabbilita. M’aħniex nitkellmu fuq dak l-ordni li jakkumpanja gvernijiet estremisti, imma fuq dawk li l-liġi titlob. Liġi ċara, ċertezza tad-dritt u applikazzjoni fl-ugwaljanza tagħha.

Ser tkun

8. Nittama li tul din is-sena jikbru l-inizjattivi f’pajjiżna sabiex fil-proċess lejn il-verità nagħrfu dak li jrid jinbidel. Nagħrfu li jixraq aktar ordni, aktar ġustizzja soċjali aġġornata, aktar ħidma minn bnedmin li jifhmu dak li ninsabu fih u fejn irridu naħdmu biex nieħdu lura l-istima li ħaqqna. Nittama li ser nifhem iktar jien ukoll dan kollu x’jitlob. Nittama li nkunu lkoll f’daqqa sabiex nibdlu għas-sewwa. Forsi l-iktar li nistennew ix-xemx tal-ġustizzja titla’ fuqna lkoll.

Mill-qalb nawgura lilek, Sur Editur, u lill-ħaddiema tagħna, flimkien mal-qarrejja Sena Tajba li tmexxina lkoll ’il quddiem.

5.8.25

KATINA TA' GARANZIJI

1. F’din il-ġimgħa, dawk li jirrispettaw il-lezzjonijiet tal-istorja, jafu. Anzi aħjar, jiftakru li tmenin sena ilu żewġt’ibliet mimlija bnedmin tħassru minn fuq wiċċ l-art. Hiroshima l-ewwel, fis-6 t’Awissu 1945, u ftit jiem wara Nagasaki, fid-9 t’Awissu, inxeħtu fuqhom bombi nukleari. Dan qatt ma kien seħħ qabel u l-effett kien wieħed devastanti aktar milli setgħu jbassru. Mietu diversi fil-jiem ta’ meta ntefgħu l-bombi u diversi oħra fis-snin ta’ wara, kawża tal-feriti li sofrew. Hemm kotba sħaħ li ddeskrivew dak li sar, kif u għala, u wara tant snin jibqa’ dejjem id-dibattitu dwar jekk dan kienx ġustifikat jew le. Jekk kienx hemm alternattiva li biha l-Ġappun seta’ fehem u ċeda. Il-fatti jibqgħu li dan ma ġarax.

Kommemorazzjoni

2. Kull gwerra għandha l-istorja tagħha. Minn kull waħda, il-bniedem ma marx ’il quddiem, kif uħud ipprospettaw. Dan fil-ħsieb li biex tibni l-ġdid trid teqred kull ma kien hemm qabel. Anzi, għal dawk li żbaljatament isostnu l-kontra, li jekk triq tibni trid teqred. Il-politiċi li ħadu dik id-deċiżjoni, flimkien mad-diversi persuni fil-forzi armati alleati u Ġappuniżi, illum m’għadhomx magħna. Nafu biss mid-dokumentazzjoni li sa issa hija pubblika x’wassal u x’kunsiderazzjonijiet ittieħdu. Għala, u x’biżgħat quddiem poplu daqshekk b’saħħtu u determinat bħal ma kien u huwa dak Ġappuniż. Nafu li l-fatti jitkellmu waħedhom. L-użu ta’ bombi nukleari jfarrku d-dinjiet u jeliminaw b’effetti li bihom tmiem id-dinja ma jkunx wisq ’il bgħid.

Infakkru

3. Diversi politiċi, akkademiċi, bnedmin varji, tul dawn is-snin ħadu ħsieb jieqfu u jfakkru. Biex fl-istess ħin isir dejjem iktar l-appell sabiex il-bniedem jiftakar kemm il-gwerra hija strument inutili. Ftit ’il bgħid minn fejn ngħix jien hemm ċimiterju, ’l hekk imsejjaħ ‘Kalkara Naval Cemetery’, li huwa kkurat u ffrekwentat. Fih hemm midfuna bnedmin li kienu ġejjin minn stati varji, inklużi dawk Ġappuniżi. Waqt li timxi minn bejn l-oqbra tagħraf kemm persuni tilfu ħajjithom. Tmiss ma’ dawk li ta’ età bikrija ġew nieqsa, u mingħajr ma trid jaqa’ fuqek id-dell ta’ dieqa kbira. Tilfu ħajjithom fl-aħjar tagħhom. Passi li tulhom niftakar f’kitbet Giulio Andreotti, meta qal: “Ai politici, rispetto ai loro predecessori, si addice – e non dovrebbe mai dimenticarlo – quel saggio richiamo che si legge nelle tombe comuni di tanti cimiteri: ‘Quel che voi siete noi fummo, quel che voi sarete noi siamo.’” (Lill-politiċi, fil-konfront ta’ dawk li ġew qabilhom għandu jingħadilhom – u ma għandu qatt jintesa – dak l-għerf li jfakkarna miktub fuq l-oqbra ta’ tant ċimiterji: ‘Dak li intom illum konna aħna, dak li se ssiru, aħna diġà.’)

Mument partikolari

4. Dan aktar f’dan il-perjodu fl-eżistenza tagħna meta għaddejjin gwerer kiefra. Dawk li qed iħallu diversi mejta, fi proċess li m’għandux xi forma ta’ ġustifikazzjoni. Li telimina bnedmin oħra huwa inaċċettabbli, iktar u iktar meta l-partijiet jistgħu jersqu madwar mejda u jsolvu. Meta huwa possibbli li flok tibqa’ għaddej bl-operazzjonijiet militari, li jitolbu aktar minnhom infushom stess, li wieħed jieqaf. F’dawn il-jiem spiċċajt il-ktieb ta’ Norberto Bobbio (1904-2004) bit-titlu De Senectute (1996). Filosfu, ġurista, akkademiku, politiku li kiteb u għallem fis-snin. Bniedem li kitbietu fihom x’taħseb u tirrifletti, u li ġejt influwenzat nirrispetta. Avolja nammetti li mpressjonajt ruħi aktar tul il-ktieb bil-pessimiżmu li kellu, fejn it-tama għalih ma tidħolx. Minkejja dan, wieħed irid jagħraf li ħajtu kienet iddedikata lejn tlett passi: it-tisħiħ tad-demokrazija, id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-paċi. Dan fl-għarfien sħiħ rikonoxxut tiegħu li waħda timxi mal-oħra. Katina ta’ garanziji għall-eżistenza umana.

Dak li ninsabu

5. Illum, messaġġ ta’ ħsieb u djalogu huwa neċessarju. Iktar u iktar quddiem il-fatt li t-tentazzjonijiet umani li jużaw arma nukleari sabiex, skont huma, jsolvu kunflitt jew jeliminaw avversarju, hemm jibqgħu. Iktar u iktar meta dawn ikunu ilhom għaddejjin jieklu lil xulxin u l-abbiltà li jiffurmaw opinjoni ċara tintilef. Is-sitwazzjoni diġà hija eskalata sew. Biss, kif naraw, jibqa’ jonqos livelli oħra ogħla. Dawk li għandhom ir-responsabbiltà politika fid-dinja tal-lum u li ġew eletti, b’xi mod, miċ-ċittadini tagħhom iridu jagħrfu iktar dak li seħħ tmenin sena ilu. Jagħrfu li aħjar pass lura. Aħjar forsi wkoll bil-preżenza tagħhom f’Hiroshima u Nagasaki, fejn jagħrfu l-inġustizzja li qed iwettqu llum u dak li jistgħu jwettqu aktar għada pitgħada. Dik li anki l-ideat differenti ta’ Bobbio jsejħu għalih.

Introduzzjoni

6. Il-ktieb jiftaħ b’kitbiet ġurista ieħor daqstant magħruf: Gustavo Zagrebelsky (1943). F’mument jikteb hekk, huwa u jirrifletti fuq il-mewt: “Lo scandalo non è la morte, ma la morte prima del tempo, quella che chiamiamo prematura e contro natura; la morte che tronca, non quella che conclude; lo scandalo massimo è quando essa deve ascriversi all’opera o alla negligenza di esseri umani rispetto ad altri umani, deboli, poveri, sfruttati, derelitti; quando la morte da simbolo di fratellanza diventa simbolo di ingiustizia.” (L-iskandlu mhuwiex il-mewt infisha, imma l-mewt qabel żmienha, dik li nsejħu ‘prematura’ u kontra n-natura nfisha; il-mewt li taħsad, mhux dik li tikkonkludi; l-ikbar skandlu hu meta din isseħħ minħabba l-ħidma jew in-negliġenza ta’ bnedmin fil-konfront ta’ bnedmin oħra, dgħajfa, fqar, sfruttati, abbandunati; meta l-mewt, minn simbolu ta’ fratellanza ssir simbolu ta’ inġustizzja.) Tal-arroganza ta’ dawk li fil-poter tagħhom jiddikjaraw: “... tu non hai diritto di vivere ma, per qualche ragione che interessa me, devi morire.” (... m’għandekx dritt li tgħix, imma għal xi raġuni li tinteressa lili, inti għandek tmut.)

M’aħniex kapaċi?

7. Kliem u kuntest rilevanti ħafna llum. Id-dinja trid titkellem aktar u trid teżerċita aktar pressjoni politika bl-użu ta’ mezzi leġittimi sabiex tinqabad it-triq tal-paċi. Iktar u iktar fil-kuntest ċar ta’ ħidmet Papa Ljun XIV, li tul l-aħħar jiem rajnih u smajnih. Ġabar miljun żagħżugħ u żagħżugħa u l-messaġġ dirett kien favur il-paċi li għandna t-tama sħiħa li tista’ sseħħ. Meta wieħed jitlef triqtu lejn direzzjonijiet il-pessimiżmu, ikun ferm iktar diffiċli biex jibqa’ jinsisti li l-paċi hija possibbli. Huwa faċli li tneħħi minn fuq il-kuxjenza ta’ dawn il-bnedmin dan l-obbligu uman. Huwa faċli li tippermetti politika mingħajr morali, ’il-bgħid minn dik tal-kultura, fil-pessimiżmu li ma jsirux l-isforzi umani sabiex insalvaw dak li għandna.

Demokrazija

8. Għalkemm naċċetta u nibqa’ mpressjonat b’kemm bniedem bħal Bobbio, li kiteb tant favur il-paċi, kien tant nieqes mit-tama. Imma nifhem aktar dik il-pożizzjoni proprju fil-fatt li t-tama hija valur veru u proprju għax hija Nisranija. Imma xorta f’dan kollu nifhem aktar l-imħabba tiegħu għad-demokrazija. Huwa jgħid: “Io sono un democratico convinto, tanto da continuare a diferendere la democrazia, anche quando è inefficiente, corrotta, e rischia di precipitare nei due estremi della guerra di tutti contro tutti o dell’ordine imposto dall’alto.” (Jien demokratiku konvint, tant li nkompli niddefendi d-demokrazija, anki jekk hija ineffiċjenti, korrotta, u tirriskja li tinżel bejn żewġ estremi tal-gwerra ta’ kulħadd kontra kulħadd jew tal-ordni imposta minn fuq.) Il-gwerra li għaddejja, jekk ma tieqafx, lejn dan qed tipprova twassal. Tkun id-distruzzjoni umana u tad-demokrazija fil-katina ta’ garanziji għall-eżistenza umana. Proprju għalhekk li għandna niftakru f’dak li seħħ fil-Ġappun tmenin sena ilu u nieħdu lezzjoni.

29.4.25

MISERICORDIA - Tislima lill-Papa Franġisku

1. M’hemmx dubju li minn meta ġie elett, il-Papa Franġisku għamel tibdiliet kbar fid-dinja Kattolika. Ħa linja differenti: dik ta’ aktar viċin in-nies. Iktar mimlija umiltà, faqar u mħabba. Għex il-ħajja ta’ mexxej spiritwali b’mod differenti, u mar lura lejn dak li tul dawn il-jiem ser insibu miktuba fl-Atti tal-Appostli. Ġedded kemm felaħ, u sab lil ħaddieħor jgħinu, sabiex iġib lill-Knisja tkun aktar awtentika u kapaċi tissupera l-intoppi u l-kumplikazzjonijiet li ma kinux ġew affrontata tajjeb qabel. Mhu faċli xejn tibdel mentalità u prattika tas-sekli. Imma hu rnexxielu jagħmel impatt qawwi ħafna, tant li nafu li biddel.

Ħniena

2. Beda bil-messaġġ qawwi tal-ħniena. Messaġġ li nxtered ma’ dawk li kienu tbegħdu mill-fidi jew li ma kinux jemmnu. Fetaħ kemm felaħ il-bibien tal-Knisja. Ħafna ġew, u daħlu lura fi djalogu miegħu. Ma żamm lil ħadd barra imma assigura li jibgħat, anzi, lill-kleru jiġri mal-merħla tagħha. Dik tal-Knisja tiegħu u dik ġejja minn knejjes oħra. Ried li jitħalltu u jkunu preżenti magħhom f’dak kollu li kien u li jkun għaddej. Imbotta lill-bnedmin biex ma jibqgħux marbuta fis-sagristija. L-evanġelizzazzjoni hija missjoni deċiżiva, kostanti u li trid titwettaq b’umiltà.

Fit-tul

3. Kien dak li ġieb il-faqar lura bħala valur. Beda bl-isem ta’ Franġisku għall-fqir nett ta’ Assisi. Hu li kien Ġiżwita, għamel għażliet ċari li bihom żamm lil diversi jirriflettu. Kien dak li ddeskriva l-flus f’termini li konna ilna ma nisimgħu. Ħa ħsieb biex dawk li kienu abbandunati fit-toroq ta’ Ruma jingħataw wens, ikel, fejn jinħaslu, fejn jaqtgħu xagħarhom, fejn isibu tabib. Mhux biss, iżda kien jiltaqa’ u jiekol magħhom, l-iktar fil-jiem importanti għalih. Wera li l-vot tal-faqar kien determinanti għall-Knisja fid-dinja tal-lum, fejn isiru diversi kompromessi. Kien il-Papa tal-Prinċipji ċari, u nflessibbli fihom. F’dan kollu kien dak li ħa ħsieb jiddikjara lil Charles de Foucauld qaddis.

Orfni

4. F’dan, wieħed irid imur lura u jifhem dak li l-Knisja għaddiet minnu fl-2013 b’Papa daqstant ieħor kbir bħal Benedittu XVI li kien għadu kif irriżenja. Għal perjodu kien hemm huma t-tnejn f’daqqa, b’influwenza rispettiva fil-karigi differenti. Sitwazzjoni li ebda Papa qabel ma affronta. Kien fid-dawl, u sakemm għadda ż-żmien, kien ukoll fid-dell. Dinja mdorrija bl-ideat ta’ Ratzinger trid tinġieb sabiex tibdel biex tifhem lilu. Ma qagħadx lura, anzi daħal mill-ewwel biex jaġixxi. Għal uħud kien differenti, imma diversi fehmu li kien qiegħed iwassal iktar proġetti li kienu, b’xi mod, inbdew biex iseħħu. Kellna ħajja żewġ persuni li okkupaw il-kariga ta’ Papa, mentri llum ġew it-tnejn imsejħa lura.

Mentalità differenti

5. F’dan ġieb miegħu ideat differenti li r-realtà tal-Amerika Latina tagħti. Għażla kuraġġuża u neċessarja. L-Arġentina u dak kollu li l-post għadda minnu. Elementi li ffurmawh u basktuh biex mhux biss iħaddan il-Fidi, imma jgħixha u jwettaqha f’opri. Mimli azzjoni, deċiżiv. Il-bniedem li kien imwarrab imma skopert mill-ġdid u mogħti ġieħ. M’hemmx dubju li kienet l-Id tal-Ħallieq tagħna għalih li ma kellux ‘karriera’ imma ħajja fejn li “jkun li trid int” kienet verament hekk. Ried anzi jċedi l-pass u jmur lura f’parroċċa żgħira. Minflok, min tah il-ħajja daħħlu jmexxi Parroċċa kbira ħafna.

Paċi

6. F’dawn l-aħħar sentejn ġabar rispett mid-dinja kollha. Kien dak li baqa’ jinsisti sabiex jieqfu l-gwerer. Kien il-bniedem li tkellem fil-verità u dak li kellu jingħad f’isimna qalu. Kull okkażjoni kienet tajba. F’dan għallem u għadda ħafna lezzjonijiet u riflessjonijiet. L-Omeliji tiegħu diretti lejn il-qalb u l-moħħ tagħna. Żied fl-għerf għal dawk li jafu u rnexxielu jċaqlaq oħrajn fit-Triq it-Tajba. L-Enċikliċi tiegħu jitolbu dejjem iktar qari u studju. Kull paragrafu trid ġimgħat biex tassorbih. Kien jaf ħafna u f’dan għallem daqstant ieħor.

Insellmulu

7. F’ħajtu għamel kull sforz u ma baqax lura milli jagħti ħajtu għall-oħrajn sal-aħħar sforz u nifs. L-aħħar marda tiegħu kienet iebsa u kiefra. Dan fl-istess triq li San Ġwanni Pawlu t-Tieni segwa. Ilkoll niftakru li t-tnejn għaddew mill-istess esperjenza ta’ Via Sagra li raw mingħajr ma kienu preżenti għaliha u wara ttieħdu. Wieħed fil-protezzjoni tal-Ħniena Divina u Franġisku f’dik tagħna f’ta’ San Anselmu. F’dan għalhekk ċertament għandna dmir insellmulu. Infaħħruh u nirringrazzjawh għal dak li kien u f’dak kollu li ser jibqa’ magħna. Ċertament wieħed li ser iħalli marka fil-qlub ta’ diversi. Persuna li, fuq kollox, kitbietu ser ikomplu jiggwidaw lilna u lil dawk li għad iridu jiġu. Persuna li riedna nħennu u li nitolbu lil min irid iħenn għalina. Persuna li ser jibqa’ fil-memorja kollettiva tagħna.

9.10.24

TELLIEFA

1. Għad hawn min jaħseb li għalih għad fadal il-glorji fil-gwerer li jidħol għalihom. Għad hawn min jilludi ruħu li fid-dinja huma l-kunflitti militari dawk li jsolvu l-problemi soċjali u politiċi. Anke jekk fil-passat dan seta’ b’xi mod kien minnu, għalkemm diversi jiddubitawh, illum ċertament mhuwiex hekk. Fil-pożizzjonijiet li ninsabu fihom hija anzi ħasra li wara tant progress u esperjenzi nibqgħu ma nsibux tarf tal-problemi b’soluzzjonijiet li ilhom ġejjin għandna fis-snin. Forsi lesti wisq li naqtgħu qalbna jew ma nimxux il-pass li jmiss u nħallu bnedmin jissieltu kontra xulxin. Anke jekk ma jiġġieldux bl-armi, xorta m’aħniex lesti li ngħinu, jew b’xi mod nikkollaboraw biex inġibu l-paċi u l-istabilità bejn il-bnedmin.

Fil-preżent

2. Illum ninsabu fejn ninsabu proprju minħabba n-nuqqas ta’ sforzi diplomatiċi, inkella minħabba r-ras iebsa li twieldet u tkattret. Fis-snin imgħoddija smajna dwar diversi inizjattivi li kienu jkunu ser jittieħdu minn diversi, imma kif rajna, il-pożizzjoni baqgħet dejjem l-istess. F’dan iż-żmien ukoll, fil-kontra u sfortunatament, minflok il-prospetti li jista’ jintlaħaq ftehim, kibru aktar fis-saħħa tagħhom l-estremiżmi. Ingħata aktar appoġġ elettorali lil dawk li fil-programm politiku tagħhom kienu qed jintrabtu li ma jilħqux ftehim aktar milli lil dawk li riedu jsibu soluzzjoni. Ninsabu fejn ninsabu proprju minħabba l-intransiġenzi u r-riżentimenti varji li żviluppaw tul dawn is-snin. Ir-responsabbiltà hija ċertament, f’dan ukoll, waħda kollettiva. F’dan, iktar u iktar fuq l-istati l-oħra li, għal raġunijiet varji, flok solvew irnexxilhom ikomplu jikkumplikaw.

Fuq kollox

3. Dan iktar fl-għarfien li ma’ kull ġurnata huwa iktar evidenti li l-avversarji ma tistax, anke jekk tipprova, fil-fatt teliminahom. Tonqsilhom is-saħħa militari temporanjament, imma jerġgħu jqumu u jissudaw f’jiem oħra fil-futur. Bil-pożizzjonijiet politiċi li kibru u żviluppaw, rimedju wieħed veru hemm: dak tan-negozjati. Jekk il-partijiet ma jersqux madwar mejda u jissiġillaw trattati, kollox jibqa’ miftuħ beraħ. Iktar u iktar meta l-gwerer ma jiddependux fuq kemm għandek truppi, imma fuq x’tip ta’ kwalità ta’ teknoloġija militari tħaddan. Dan iktar fl-isfond li hemm ġlieda dwar l-armi sofistikati f’kemm dawn huma “intelliġenti”, kemm hemm bħala kwantità, u min qiegħed iħallas għalihom. Iktar u iktar meta fix-xenarju, apparentement sekondarju, hemm dejjem l-interessi tal-produtturi tal-armamenti biex jaraw kemm dak li qed jipproduċu huwa effikaċi u kif, għalhekk, jista’ jsir aktar devastanti.

Hemm limitu


4. F’dan iktar hemm linja li qegħda viċin li tinqabeż. Il-kunflitti preżenti fiż-żewġ xenarji tal-Ukrajna u dak tal-Medju Orjent waslu f’punt fejn il-kumplikazzjonijiet huma kbar. F’dinja li qegħda l-ħin kollu tara parti sew mir-riżorsi ekonomiċi tagħha jmorri fi sforzi belliċi li għalihom ma hemmx tmiem, hemm min qiegħed jipprotesta. Inkella aħjar jifhem li f’din it-triq, jekk ma niqfux, ser ikun hemm aktar telf ekonomiku. Huwa f’dan indikattiv kif il-ġurnal li ma jirrappreżentax il-ġustizzja soċjali biddel id-direzzjoni tiegħu u issa qiegħed jinsisti li tinstab soluzzjoni fl-Ukrajna. F’edizzjonijiet passati kien hemm sostenn lejn dak il-poplu u l-messaġġ kien li Vladimir Putin kien qiegħed fit-triq it-telliefa.

Editorjal

5. F’editorjal prinċipali reċenti, The Economist jibda b’dawn il-kliem: “If Ukraine and its Western backers are to win, they must first have the courage to admit that they are losing.” (Jekk l-Ukrajna u l-Punent iridu jirbħu, irid l-ewwel ikollhom il-kuraġġ li jammettu li qegħdin jitilfu.) Kliem li fil-fatt qiegħed jipprova jġib lill-partijiet għar-realtà li ż-żewġ naħat qegħdin jitilfu. Anzi aħjar, li kull min b’xi mod huwa nvolut qiegħed jitlef. Ħadd mhu qiegħed jirbaħ. Bit-telfien tal-bnedmin, ta’ distruzzjoni ta’ bliet, infrastruttura u armi militari ħadd ma jista’ jiddikjara li huwa, b’xi mod, rebbieħ. Triq waħda iktar diffiċli u iktar ikkumplikata hemm dik li twassal lill-partijiet biex, bil-krozzi li t-tnejn li huma qegħdin fuqhom, jaslu fi ftehim.

Dik id-direzzjoni

6. L-istess editorjalista, ġustament jikteb li dan huwa l-futur, meta jgħid hekk: “Whether or not a formal peace deal is signed, that is the only way to wind down the fighting and ensure the security on which Ukraine’s prosperity and democracy will ultimately rest.” (Jiġix iffirmat jew le patt formali ta’ paċi, dan huwa l-uniku mod ta’ kif tasal għall-waqfien mill-ġlied u tassigura s-sigurtà li fuqha, fl-aħħar mill-aħħar, jiddependu l-prosperità u d-demokrazija f’dak il-pajjiż.) B’dak li jista’ jseħħ fl-elezzjonijiet presidenzjali Amerikani, jiġi min jiġi elett, ser ikun hemm ċertament min jaħseb iktar fit-tul fuq iktar fondi militari. Dan mhux biss għax jidher li l-pożizzjoni ma nbidlitx wisq għall-aħjar fuq il-kamp tal-battalja, iżda wkoll għax infetaħ xenarju ieħor. Dak li hu għaddej fil-Medju Orjent juri li l-pajjiż inġibed f’kunflitt ieħor, fejn ser ikun hemm iktar infiq u fondi militari, b’żieda ta’ riskji oħra gravissimi.

Fil-mument

7. F’dan kollu huwa ċar li l-problemi ser ikomplu jikbru proprju għax l-armi ma jsolvux il-problemi politiċi, iżda jikkumplikawhom. Bħala poplu fid-dinja u fir-reġjun għandna dejjem iktar interess li dan jirrisolvi ruħu. Iktar ma jdum, iktar ser naraw dewmien biex naqbdu lura t-triq li twassal għall-iżvilupp u l-progress li jixraq. F’dan għandna nifhmu li iktar milli nieħdu parti, irridu ninsistu li jkun hemm ftehim. Aktar ma jdum ma jasal dak il-jum, aktar nistgħu niddikjaraw fis-sħiħ li ninsabu lkoll telliefa.

25.3.24

INFITTXU JIEM TA' PAĊI

1. F’dawn l-aħħar xhur mimlija nkwiet u kumplikazzjonijiet varji, wieħed jibda jistaqsi b’aktar saħħa mis-soltu: fejn verament sejrin? Fejn ser nieqfu naraw, jum wara jum, aħbarijiet ħżiena li jsewwdulna iktar qalbna. Kważi drajna naraw bnedmin jinqatlu u bini jitfarrak trab fix-xenarju li għaddej bl-użu ta’ armi moderni u sofistikati. Armi ta’ distruzzjoni kbira. Kapaċi jwaqqgħu f’daqqa waħda dak li kien ħa s-snin, sekli biex inbena. Feriti fil-qalb, fil-moħħ, u fil-memorja kollettiva tagħna.

Nistaqsu iktar

2. F’dan għandna wkoll id-dritt leġittimu li nistaqsu meta dan kollu sejjer jieqaf. Jew inkella wasalna biex nieqfu naħsbu għax fuq in-naħa l-oħra tant qed naraw li issa nistgħu nħossuna rassenjati li xejn m’hu ser iwaqqaf dan il-proċess inevitabbli għad-distruzzjoni totali. Min ħaddan il-gwerra bħala għodda politika ġieb dan kollu. Daħal, u daħħal lilu nnifsu fi sqaq, fejn jaħseb biss li jista’ jirbħu jekk iwaqqa’ l-ħajt li hemm quddiemu u mhux li jmur lura minn ħsiebu. Proċess li beda fuq sieq u issa żviluppa f’oħra, li propju għalhekk, għadu għaddej.

Produzzjoni

3. M’hemm xejn li qiegħed juri xi linja politika differenti. Hemm biss il-ħsieb li issa ħaġa waħda hija importanti: l-użu tal-mezzi tal-produzzjoni għat-tkattir tal-armamenti. Fejn teknoloġija sofistikata trid tlaħħaq mal-volum ta’ oħrajn inqas tajba. Fejn m’hemmx linja li trid tinġibed. Il-Federazzjoni Russa żiedet fl-armamenti. Naqqset mill-investiment soċjali u rat iktar kif tista’ tirbaħ il-battalja li hija bdiet b’aktar attakki b’armi bħal dawn. Fil-kontinent Ewropew il-prijorità m’għadhiex iktar il-bniedem, imma l-gwerra.

Inevitabbli

4. F’dan, iktar ikkumplikat hemm il-ħsieb ta’ xi wħud li dan huwa proċess inevitabbli. Xejn ma jista’ jżommu lura milli jġib tmiem l-oċċident. Tmiem il-kultura, l-ideat u l-progress li dan il-kontinent irrappreżenta għal ħafna sekli. Xejn ma jidher li f’irjus xi wħud qed jiċċaqlaq il-ħsieb li hemm bżonn li wieħed jittama, kontra kull tama, u jaħdem għall-paċi. Il-vuċijiet favur il-paċi naqsu, u minflok hemm silenzju li jimmarka aktar li għal uħud dan huwa inevitabbli. Ma nemminx li huwa. Nemmen biss li wieħed irid ikompli jipprova u jibqa’ jinsisti sabiex dak li llum jidher ikkumplikat u diffiċli ħafna għada jsir kapaċi jaqbad it-triq għas-sewwa.

Jista’ jieħu aktar

5. Vladimir Putin jista’ jirbaħ aktar kilometri ta’ art Ukrena. Jista’ jipprova jipperswadi lid-dinja li rebaħ elezzjoni demokratika. Jista’ jaħseb li l-gwerra li beda, u li ilu fiha sentejn, ser jirbaħha. Dan kollu jista’ jagħmlu, imma fuq in-naħa l-oħra hemm li mhuwiex għal dejjem. Hemm ir-regoli tal-ħajja li jaħkmu. Fil-frattemp mhuwiex ser ikun f’pożizzjoni li jkattar xi ġid. Irid, anzi, ikompli jkun parti mill-familja tad-dittaturi li f’mumenti jidhru invinċibbli u f’oħrajn jitkaxkru mill-irjiħat tal-bidla. Illum jew għada ser ikun tellief mal-mewt u warajh mhux glorja ser iħalli, imma mrar.

Riżentiment

6. Dak li hu għaddej huwa parti ikbar mill-proċess ta’ riżentiment li baqa’ nieżel mis-snin passati. Dak li għaddej qiegħed ikompli jiżra’ ż-żerriegħa qerrieda li jridu jgħaddu ġenerazzjonijiet twal biex jintesa. Fejn forsi jitqegħdu fuq wara l-atroċitajiet li twettqu u li bħalissa qed jitwettqu. Qisna m’aħniex naraw li f’dan kollu ħadd m’huwa rebbieħ. Kull parti titlef, u ser tkompli. Kumbattimenti li minnhom ma jistax joħroġ ħlief ferm u ferm iktar deni. Jekk però ma jkunx hemm sforzi lejn il-paċi, min aggredixxa ser jispiċċa jieħu vantaġġi li ma ħaqqux.

Fix-xibka tal-avversarju

7. Waqt li għaddej iktar dan kollu, l-Ewropa trid toqgħod attenta li ma tidħolx f’din ix-xibka f’dak li kuljum qed nitolbu bħalissa. Waqt li l-Ewropa għadha tħares lejn it-tkabbir soċjali u ekonomiku tal-popli tagħha, fuq l-oħra hemm dik ta’ iktar ekonomija militari. Iktar armi biex inkomplu nużawhom fi ġlieda li t-tmexxija preżenti Russa ma jaqblilhiex li twaqqaf. L-Ukrajna ħadet daqqiet sew. Biss jekk ikun hemm il-paċi kapaċi tirpilja, tikber u tiżviluppa b’ferm iktar veloċità minn min irid jibdel id-direzzjoni tal-mezzi tal-produzzjoni. Issib aktar is-sostenn Ewropew u fl-aħħar tinbena fil-pajjiż li kapaċi jsir, fil-kuntrasti ta’ dak li ma rnexxilux mill-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin sallum.

Nikkultivaw

8. Anki jekk għal xi wħud nistgħu nidhru li m’aħniex id f’id mar-realtà, xorta rridu ninsistu u nikkultivaw proċess ta’ djalogu. Proċess li jwassal, b’xi mod, lejn il-paċi. Ħadd ma jrid iċedi, ċertament, u m’għandhiex bżonn tkun xi forma ta’ prekondizzjoni. Imma ċert li fuq iż-żewġ naħat, f’dożi differenti fil-kalatura qed naraw li hemm limitu, u li qegħdin jixbgħu minn dan kollu. Hemm wisq familji li tilfu membri għeżież tagħhom li ħadd m’hu ser iġib lura. Dawk huma feriti li ma jingħalqux. Dawk huma sitwazzjonijiet li ħadd ma jista’ jiġġustifika, iktar u iktar fil-kamp tal-Federazzjoni.

Tul din il-ġimgħa

9. Waqt li nibdew din il-Ġimgħa Mqaddsa mimlija rabtiet, b’dawl spiritwali u b’ideat huwa ċertament tajjeb li nittamaw, naħdmu u nitolbu għall-paċi. Mill-gwerra li għaddejja u minn kull waħda oħra ħadd ma jirbaħ. Jitlef biss. Proprju f’dawn ir-riflessjonijiet u fl-għarfien li kull bniedem huwa importanti u li ġie maħluq bi skop għandna iktar nagħrfu li l-paċi hija possibbli u li trid tiġi attivament ikkultivata. Il-paċi possibbli, imma trid issib aktar bnedmin li jaqbżu għaliha. Iktar u iktar għalina, li nafu direttament il-futilità qerrieda tal-gwerra. Fit-tama li dawn il-jiem iġibu magħhom għandna naħdmu ferm iktar għas-sewwa.


ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET

35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...