Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
16.9.25
IL-PROĠETT POLITIKU LLUM
Fuq kollox
2. Fil-proċess twil ta’ wieħed u sittin sena tgħallimna ħafna. L-iktar fuq dak li aħna rridu u fuq dak li jiswielna għas-sewwa. Ma sirniex poplu nieqes minn boxxla morali jew deġenerat. Għalkemm ittantati b’modi differenti, fir-realtà nibqgħu dawk li rridu nħarsu lejn il-valuri, li huma l-għeruq taċ-ċiviltà u tal-bniedem. Naraw dejjem aktar il-bżonn li nkunu dawk li fil-politika u fil-ħajja, fir-rispett lejn id-dinjità tal-persuna umana nipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem u d-demokrazija. Nagħrfu dejjem iktar li dawn huma punti li mhumiex wieqfa, imma li l-ħin kollu huma fil-proċess li jimxu ’l quddiem. Kif nieqfu naħdmu fihom u nimbuttawhom inkunu qed niżbaljaw.
Parti minn tradizzjoni
3. Fil-fatt aħna parti minn tradizzjoni legali li ssawret u li ġiet żviluppata fl-Oċċident. Aħna parti minn dak kollu li żviluppa taħt id-Dritt Ruman u warajh. Aħna dawk li nħarsu li nieħdu ispirazzjoni minn diversi bnedmin li ħallew marka fiċ-ċiviltà li aħna parti minnha. Bnedmin fil-kliem ta’ Marcus Tullius Cicero (109-43 WK) li huma: Omnes legum servi sumus ut liberi esse possimus (Inservu l-liġi biex inkunu liberi). Għax aħna, bħala poplu, għandna nagħżlu li nkunu skjavi tal-liġi sabiex inkunu liberi. Proprju f’dan wieħed għandu jqiegħed mill-ġdid punt politiku li sar diġà minn oħrajn. Dak li għandna nistaqsu lilna nfusna llum il-ġurnata liema huwa l-aħjar Gvern biex imexxi pajjiż: dak tal-liġijiet jew dak tal-bnedmin?
Pariri
4. Kif ifakkar sewwa u bil-preċiż Norberto Bobbio, meta jgħid: “Il primato della legge è fondato sul presupposto che i governanti siano per lo più cattivi, nel senso che tendono a usare del potere per i propri fini. Viceversa, il primato dell’uomo è fondato sul presupposto del buon governatore, il cui ideale è presso gli antichi il grande legislatore. In fatti se il governatore è saggio che bisogno c’è di costringerlo nella rete di leggi generali che gl’impediscono di soppesare i meriti e i demeriti di ciascuno?” (Il-primat tal-liġi huwa bbażat fuq il-prinċipju li dawk li jiggvernaw huma ħżiena, fis-sens li jkunu mħajra li jużaw il-poter għall-iskopijiet tagħhom. Viċeversa, il-primat tal-bniedem huwa mwaqqaf fuq il-prinċipju li l-Gvern it-tajjeb, li l-ideal tiegħu huwa meħud mil-leġislaturi l-antiki. Fil-fatt, jekk il-Gvern huwa għaqli, x’hemm bżonn li torbtu fix-xibka tal-liġijiet ġenerali li jżommuh milli jibbilanċja l-merti u d-demerti ta’ kull persuna?).
Proprju f’dan
5. Proprju dan huwa punt determinanti. Liġijiet għandna, u ħafna. Dawn jistgħu jiġu miżjuda, mibdlula, mfassla aħjar, imma l-punt jibqa’ li ninsabu fi Stat tad-Dritt. Ninsabu f’soċjetà fejn il-poter huwa leġittimu f’ħidmietu għax huwa mogħti s-saħħa mil-liġi. Il-mexxejja politiċi għandhom ir-responsabbiltà għax hija mogħtija mil-liġi. Mingħajrha ma huma xejn. Huma biss arbitrarji u illegali. Kull min jaġixxi barra mil-liġi huwa żbaljat u anti-demokratiku. F’dan irridu nirriflettu aktar fejn ninsabu u fejn sejrin. Il-bżonn tal-liġi jibqa’ magħna proprju biex nassiguraw li l-affarijiet isiru sewwa u billi l-liġi hija l-vuċi tal-poplu hija fil-fatt it-twettiq tar-rieda tiegħu.
Nistaqsu
6. F’dan irridu nistaqsu iktar jekk aħniex f’soċjetà fejn il-liġi qegħda tiġi rispettata, mħaddma, applikata u nfurzata. Għax il-liġi hija l-bidu ta’ kull organizzazzjoni umana. Hija dik li tassigura li d-deċiżjonijiet jittieħdu fit-trasparenza u dan hu l-prinċipju li jiggarantixxi li l-liġi qegħda tiġi osservata. Dan fih aktar rilevanza llum fil-klima politika li ninsabu fiha. Fil-konoxxenza li dak li qiegħed isir ma jsegwix il-liġi. Anzi, jiddipartixxi minnha biex jiffavorixxi u jipproteġi lil xi wħud. Il-liġi mhijiex iktar perċepita bħala dik li hija ugwali għal kull persuna, iżda li hemm min jirranġa. Żbalji politiċi saru, u dawn jikkundizzjonaw sew il-mod ta’ kif il-bnedmin f’dawn il-gżejjer iħarsu lejn l-affarijiet.
Fid-dell
7. L-Indipendenza ġiet sabiex aħna niddeċiedu l-affarijiet tagħna fil-miftuħ u fl-ugwaljanza. Ċertament mhux fis-segretezza, fil-moħbi, ’il bgħid minn xtutna għal dak li huwa fl-interess tal-oħrajn. Dan il-Jum Nazzjonali ġie biex jassigura li napplikaw il-liġijiet kif jixraq u li l-proċess, il-metodu, isir kollu fil-miftuħ. Prinċipju li għandna niftakru u nassiguraw li jiġi mplimentat. Kif ifakkarna Norberto Bobbio: “Il principio fondamentale della democrazia è del resto ostile alla segretezza. Se tu devi votare, devi poter conoscere sia il problema sul quale devi votare, devi poter conoscere sia il problema sul quale devi esprimere il tuo giudizio, sia le persone che sono convolte.” (Il-prinċipju fundamentali tad-demokrazija huwa ostili għas-segretezza. Jekk għandek dritt tivvota, għandek tkun taf il-fatti sħaħ dwar il-problema li fuqha ser tesprimi l-ġudizzju tiegħek, kif ukoll tal-bnedmin li huma nvoluti.)
’Il quddiem
8. F’dan għandna nħarsu ’l quddiem. Dmirna fil-Partit Nazzjonalista huwa li nassiguraw li l-liġi tiġi osservata għax id-demokrazija trid tiġi mplimentata anke jekk, kif ġustament ingħad, hija imperfetta. Imma fil-verità m’għandhiex waħda perfetta alternattiva għaliha. Dmirna hu li nfakkru l-passat fis-sens ta’ dak kollu li għaddejna minnu bħala poplu biex din il-pożizzjoni determinanti tintlaħaq. Anki sabiex ħadd ma jimmaġina li l-kisba tal-Indipendenza kienet faċli u li kull ma kien hemm bżonn kien li wieħed jagħmel xi talba jew jimla xi applikazzjoni sabiex tinġieb. L-Indipendenza batejna għaliha u hija l-ġebla tax-xewka tas-soċjetà tagħna. Proprju għalhekk, fis-sitwazzjoni li ninsabu fiha llum, il-proġett politiku tagħna jrid jitlaq minn dak li nassiguraw soċjetà fejn hemm osservanza akbar tal-liġi fit-trasparenza.
21.8.25
TRUMP JIEĦU PARIR?
Moħħ legali ċar u fl-istess ħin anki gwida fix-xjenza politika. Introdott fl-Università fil-lezzjonijiet tal-Filosofija tad-Dritt. Kien awtur li għandek tistudja flimkien mal-famuż Hans Kelsen (1881-1973). Dan segwejt fil-professjoni mod, fil-ħajja politika ieħor.
Fl-1995 kont xtrajt u qrajt iż-żewg edizzjonijiet tiegħu Destra e Sinistra (1994) u wara Eguaglianza e Libertà (1993). Imma l-ktieb li kien f’ħafna importanti u determinanti f’diversi deċiżjonijiet u l-imġieba politika tiegħi jibqa’ Il Futuro della Democrazia, fl-edizzjoni tiegħu tal-1995.
Ħsieb kontinwu
F’dan kollu hemm punti li l-awtur baqa’ jirrifletti fuqhom u kostanti fl-ideat tiegħu. Demokratiku konvint, moderat fil-komportament imma ċert f’dak li kien jemmen u jikteb. Kitba bażata l-aktar fuq d-diversi kotba li kien qara u fid-diversi awturi li għallem dwarhom. Attent għal numru ta’ dettalji u vuċi fil-liberal-demokrazija.
Persuna li fl-aħħar għoxrin sena ta’ ħajtu, propju meta fl-1994 ġie maħtur senatur għal ħajtu mill-President Sandro Pertini (1896-1990) li kellu forma ta’ esperjenza politika. Fil-ktieb li għadni kif qrajt u f’dak li għaddej naqra hemm numru ta’ punti li hu kien għamel li jimmeritaw attenzjoni llum.
Djalogu
L-ispirtu demokratiku tiegħu li nħaddan dejjem aktar huwa bażat propju fuq dan. Hu jgħid: “Non pretendo di solito di avere l’ultima parola. Non mi piace e non mi da alcuna soddisfazione. Detesto le discussioni che non finiscono mai, unicamente per motivi di prestigio, e non per necessita dialogica. Dopo lo scambio di opinioni cerco di adoperarmi per evitare la rottura e percorrere la via della conciliazione. Alla fine preferisco tendere la mano che voltare le spalle. Lo scopo del dialogo non è dimostrare che sei più bravo, ma o raggiungere un accordo o per lo meno chiarirsi reciprocamente le idee.” (Is-soltu ma nippretendix li jkolli l-aħħar kelma. Ma togħġobnix u ma tagħtini l-ebda sodisfazzjon. Idejquni d-diskussjonijiet li ma jispiċċaw qatt, unikament għal raġunijiet ta’ prestiġju, u mhux għan-neċessità tal-proċess tad-djalogu veru. Wara l-qsim tal-opinjonijiet nipprova naħdem biex ma jkunx hemm ġlied u naqbad it-triq tar-rikonċiljazzjoni. Fl-aħħar nippreferi nieħu b’idejn persuna milli ndawwar spallti. L-iskop tad-djalogu mhux li turi li int aktar bravu, imma li tasal fi ftehim jew almenu tiċċara l-ideat).
Kliem ċar ħafna aktar konfermati meta jżid hekk: “Ho anche fatto esperienza fra sordi, del dialogo in malafede, del finto dialogo in cui uno dei due interlocutori, se non tutti e due, sa già in anticipo dove vuole arrivare, fermamente convinto sin dall’inizio che non dovra retrocedere di un passo dalla posizione iniziale, del dialogo inconludente, ed è il caso più frequente, in cui alla fine ciascuno resta della propria idea.” (Għaddejt ukoll minn proċess ta’ djalogu bejn t-torox, dak in ‘mala fede’, tad-djalogu taparsi, fejn wieħed miż-żewġ interlokuturi, jekk mhux t-tnejn, jaf diġà qabel fejn jrid jasal, fermament konvint mill-bidu li ma jridx iċedi pass mill-pożizzjoni inizjali, tad-djalogu li ma jwassal imkien, u huwa dak l-aktar frekwenti, fejn fl-aħħar kull persuna tibqa’ fejn kienet fil-bidu.)
Ovvjament mhux kull djalogu jasal fi tmiemu sewwa imma importanti aktar jekk jasal.
Moderati, estremiżmi
Hemm punt ieħor li laqatni. Jiddikjara f’ħafna kotba fuq dawn l-linji. Jgħid: “Sono un moderato, perché sono un convinto seguace dell’antica massima ‘in medio stat virtus’. Con questo non voglio dire che gli estremisti abbiano sempre torto. Non lo voglio dire perché affermare che i moderati hanno sempre ragione e gli estremisti sempre torto equivarrebbe a ragionare da estremista.” (Jien moderat, għax jien segwaċi konvint tal-massima antika fin-nofs tinsab il-virtù. B’dan ma irridx ngħid li l-estremisti għandhom dejjem tort. Ma rridx ngħid dan għax li tiddikjara li l-moderati għandhom dejjem raġun u l-estremi dejjem tort ifisser li tirraġuna ta’ estremista.)
Fejn għalhekk ovvjament is-soluzzjoni tinsab dejjem f’diskussjoni miftuħa u attenta.
Propju llum
Ktibt dan propju fil-kuntest attwali. Għax għalkemm naf li diversi li jaqraw kitbieti m’għandhomx ħafna simpatija mal-President tal-Istati Uniti Donald Trump naħseb li punt waħda għandna nikkonċedu.
Ċertament ġie elett għal numru varji ta’ raġunijiet, kien hemm diversi li ħasbu li kif jieħu l-ħatra l-gwerer se jispiċċaw. Kien hemm il-punt li hu biss kapaċi jasal fi ftehim ma’ Vladimir Putin. Altru dak li tiddikjara fil-kampanja elettorali u kif nafu altru dak li tista’ wara twettaq. F’dawn is-sitt xhur skorruti smajna diversi dikjarazzjonijiet. Daqqa mod u daqqa ieħor. Daqqa kontra daqqa favur. Imma ftit jiem ilu sar dak li nikkunsidra pass importanti.
Biex tiftieħem
Fil-verità hemm żewġ modi ta’ kif tista’ twaqqaf kunflitt bħal dan ġewwa l-Ukrajna, jew billi tvinċi naħa fuq l-oħra nkella bit-triq aktar kumplikata imma neċessarja ta’ ftehim fid-djalogu.
F’dan Trump qabad dak li wieħed jipprova jasal. Mhux ċertament faċli li ssikket l-armi u ġġib il-paċi madwar il-mejda faċli tibqa’ tiġġieled. Hemm kwantità ta’ raġunijiet għal dan.
Huwa vantaġġuż però kwantità oħra biex jiġi pospost u ma jsirx. Minn x’imkien trid tibda biex tasal. Determinazzjoni u volontà ‘tajba’ biex iseħħ. Biss is-sitwazzjoni li żviluppat hija ferm aktar diffiċli milli ningħataw x’naħsbu.
Propju f’dan naħseb li min għandu saqajh mal-art ma setax jippretendi ftehim immedjat fil-15 ta’ Awissu f’Anchorage fl-Alaska. Imma nittama li xi ħadd setgħa qara dak li kiteb Bobbio.
Mhux t-Tieni Gwerra
Is-sitwazzjoni nbidlet u din mhix dik tal-aħħar Gwerra Dinija. Mhux biss imma r-realtà hija li r-Russja kienet u għadha forza li għandha riżorsi li ħadd ma għeleb qabel. Veru hemm dgħjufija f’dak li kien qabel imma xorta ħadd ma jista’ jimmaġina li se jkun hemm kollass immedjat jew assolut.
Quddiem din il-pożizzjoni hemm alternattiva valida waħda li jinbdew l-proċessi neċessarji biex jingħalaq dan il-kapitlu. B’kull parti involuta hemm tipparteċipa. Putin u Trump iridu l-kunsens ta’ dawk involuti u dan jikkumplika aktar imma jrendi aktar stabbiltà fil-futur. Biex ssib punt ta’ qbil dan ma jistax jiġi impost u ħadd ma hu se jaċċetta dak li ma jridx. Kompromessi imma l-iktar triq biex wieħed jibdel dak li għad-deċiżjoni ta’ Putin qiegħed iseħħ.
Fatti, paroli
Għax il-politika hija verament diffiċli u kumplikata meta trid issir bis-serjetà. Mhumiex immaġini sbieħ imma l-abbiltà u l-preparazzjoni biex taffronta dan kollu. Din hija sfida għal Trump li daħal għaliha. Waħda li se timmarkah. Waħda li ma jistax jitlef. Waħda li m’għandniex inkunu kontra imma nsostnu.
Il-paċi fl-Ukrajna mhix faċli biex is-seħħ, imma tista’. Nittama li min hu involut jieħu l-pariri t-tajba ta’ Bobbio biex dan il-kunflitt bla sens jieqaf u l-paċi tirrenja lura.
5.8.25
KATINA TA' GARANZIJI
Kommemorazzjoni
2. Kull gwerra għandha l-istorja tagħha. Minn kull waħda, il-bniedem ma marx ’il quddiem, kif uħud ipprospettaw. Dan fil-ħsieb li biex tibni l-ġdid trid teqred kull ma kien hemm qabel. Anzi, għal dawk li żbaljatament isostnu l-kontra, li jekk triq tibni trid teqred. Il-politiċi li ħadu dik id-deċiżjoni, flimkien mad-diversi persuni fil-forzi armati alleati u Ġappuniżi, illum m’għadhomx magħna. Nafu biss mid-dokumentazzjoni li sa issa hija pubblika x’wassal u x’kunsiderazzjonijiet ittieħdu. Għala, u x’biżgħat quddiem poplu daqshekk b’saħħtu u determinat bħal ma kien u huwa dak Ġappuniż. Nafu li l-fatti jitkellmu waħedhom. L-użu ta’ bombi nukleari jfarrku d-dinjiet u jeliminaw b’effetti li bihom tmiem id-dinja ma jkunx wisq ’il bgħid.
Infakkru
3. Diversi politiċi, akkademiċi, bnedmin varji, tul dawn is-snin ħadu ħsieb jieqfu u jfakkru. Biex fl-istess ħin isir dejjem iktar l-appell sabiex il-bniedem jiftakar kemm il-gwerra hija strument inutili. Ftit ’il bgħid minn fejn ngħix jien hemm ċimiterju, ’l hekk imsejjaħ ‘Kalkara Naval Cemetery’, li huwa kkurat u ffrekwentat. Fih hemm midfuna bnedmin li kienu ġejjin minn stati varji, inklużi dawk Ġappuniżi. Waqt li timxi minn bejn l-oqbra tagħraf kemm persuni tilfu ħajjithom. Tmiss ma’ dawk li ta’ età bikrija ġew nieqsa, u mingħajr ma trid jaqa’ fuqek id-dell ta’ dieqa kbira. Tilfu ħajjithom fl-aħjar tagħhom. Passi li tulhom niftakar f’kitbet Giulio Andreotti, meta qal: “Ai politici, rispetto ai loro predecessori, si addice – e non dovrebbe mai dimenticarlo – quel saggio richiamo che si legge nelle tombe comuni di tanti cimiteri: ‘Quel che voi siete noi fummo, quel che voi sarete noi siamo.’” (Lill-politiċi, fil-konfront ta’ dawk li ġew qabilhom għandu jingħadilhom – u ma għandu qatt jintesa – dak l-għerf li jfakkarna miktub fuq l-oqbra ta’ tant ċimiterji: ‘Dak li intom illum konna aħna, dak li se ssiru, aħna diġà.’)
Mument partikolari
4. Dan aktar f’dan il-perjodu fl-eżistenza tagħna meta għaddejjin gwerer kiefra. Dawk li qed iħallu diversi mejta, fi proċess li m’għandux xi forma ta’ ġustifikazzjoni. Li telimina bnedmin oħra huwa inaċċettabbli, iktar u iktar meta l-partijiet jistgħu jersqu madwar mejda u jsolvu. Meta huwa possibbli li flok tibqa’ għaddej bl-operazzjonijiet militari, li jitolbu aktar minnhom infushom stess, li wieħed jieqaf. F’dawn il-jiem spiċċajt il-ktieb ta’ Norberto Bobbio (1904-2004) bit-titlu De Senectute (1996). Filosfu, ġurista, akkademiku, politiku li kiteb u għallem fis-snin. Bniedem li kitbietu fihom x’taħseb u tirrifletti, u li ġejt influwenzat nirrispetta. Avolja nammetti li mpressjonajt ruħi aktar tul il-ktieb bil-pessimiżmu li kellu, fejn it-tama għalih ma tidħolx. Minkejja dan, wieħed irid jagħraf li ħajtu kienet iddedikata lejn tlett passi: it-tisħiħ tad-demokrazija, id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-paċi. Dan fl-għarfien sħiħ rikonoxxut tiegħu li waħda timxi mal-oħra. Katina ta’ garanziji għall-eżistenza umana.
Dak li ninsabu
5. Illum, messaġġ ta’ ħsieb u djalogu huwa neċessarju. Iktar u iktar quddiem il-fatt li t-tentazzjonijiet umani li jużaw arma nukleari sabiex, skont huma, jsolvu kunflitt jew jeliminaw avversarju, hemm jibqgħu. Iktar u iktar meta dawn ikunu ilhom għaddejjin jieklu lil xulxin u l-abbiltà li jiffurmaw opinjoni ċara tintilef. Is-sitwazzjoni diġà hija eskalata sew. Biss, kif naraw, jibqa’ jonqos livelli oħra ogħla. Dawk li għandhom ir-responsabbiltà politika fid-dinja tal-lum u li ġew eletti, b’xi mod, miċ-ċittadini tagħhom iridu jagħrfu iktar dak li seħħ tmenin sena ilu. Jagħrfu li aħjar pass lura. Aħjar forsi wkoll bil-preżenza tagħhom f’Hiroshima u Nagasaki, fejn jagħrfu l-inġustizzja li qed iwettqu llum u dak li jistgħu jwettqu aktar għada pitgħada. Dik li anki l-ideat differenti ta’ Bobbio jsejħu għalih.
Introduzzjoni
6. Il-ktieb jiftaħ b’kitbiet ġurista ieħor daqstant magħruf: Gustavo Zagrebelsky (1943). F’mument jikteb hekk, huwa u jirrifletti fuq il-mewt: “Lo scandalo non è la morte, ma la morte prima del tempo, quella che chiamiamo prematura e contro natura; la morte che tronca, non quella che conclude; lo scandalo massimo è quando essa deve ascriversi all’opera o alla negligenza di esseri umani rispetto ad altri umani, deboli, poveri, sfruttati, derelitti; quando la morte da simbolo di fratellanza diventa simbolo di ingiustizia.” (L-iskandlu mhuwiex il-mewt infisha, imma l-mewt qabel żmienha, dik li nsejħu ‘prematura’ u kontra n-natura nfisha; il-mewt li taħsad, mhux dik li tikkonkludi; l-ikbar skandlu hu meta din isseħħ minħabba l-ħidma jew in-negliġenza ta’ bnedmin fil-konfront ta’ bnedmin oħra, dgħajfa, fqar, sfruttati, abbandunati; meta l-mewt, minn simbolu ta’ fratellanza ssir simbolu ta’ inġustizzja.) Tal-arroganza ta’ dawk li fil-poter tagħhom jiddikjaraw: “... tu non hai diritto di vivere ma, per qualche ragione che interessa me, devi morire.” (... m’għandekx dritt li tgħix, imma għal xi raġuni li tinteressa lili, inti għandek tmut.)
M’aħniex kapaċi?
7. Kliem u kuntest rilevanti ħafna llum. Id-dinja trid titkellem aktar u trid teżerċita aktar pressjoni politika bl-użu ta’ mezzi leġittimi sabiex tinqabad it-triq tal-paċi. Iktar u iktar fil-kuntest ċar ta’ ħidmet Papa Ljun XIV, li tul l-aħħar jiem rajnih u smajnih. Ġabar miljun żagħżugħ u żagħżugħa u l-messaġġ dirett kien favur il-paċi li għandna t-tama sħiħa li tista’ sseħħ. Meta wieħed jitlef triqtu lejn direzzjonijiet il-pessimiżmu, ikun ferm iktar diffiċli biex jibqa’ jinsisti li l-paċi hija possibbli. Huwa faċli li tneħħi minn fuq il-kuxjenza ta’ dawn il-bnedmin dan l-obbligu uman. Huwa faċli li tippermetti politika mingħajr morali, ’il-bgħid minn dik tal-kultura, fil-pessimiżmu li ma jsirux l-isforzi umani sabiex insalvaw dak li għandna.
Demokrazija
8. Għalkemm naċċetta u nibqa’ mpressjonat b’kemm bniedem bħal Bobbio, li kiteb tant favur il-paċi, kien tant nieqes mit-tama. Imma nifhem aktar dik il-pożizzjoni proprju fil-fatt li t-tama hija valur veru u proprju għax hija Nisranija. Imma xorta f’dan kollu nifhem aktar l-imħabba tiegħu għad-demokrazija. Huwa jgħid: “Io sono un democratico convinto, tanto da continuare a diferendere la democrazia, anche quando è inefficiente, corrotta, e rischia di precipitare nei due estremi della guerra di tutti contro tutti o dell’ordine imposto dall’alto.” (Jien demokratiku konvint, tant li nkompli niddefendi d-demokrazija, anki jekk hija ineffiċjenti, korrotta, u tirriskja li tinżel bejn żewġ estremi tal-gwerra ta’ kulħadd kontra kulħadd jew tal-ordni imposta minn fuq.) Il-gwerra li għaddejja, jekk ma tieqafx, lejn dan qed tipprova twassal. Tkun id-distruzzjoni umana u tad-demokrazija fil-katina ta’ garanziji għall-eżistenza umana. Proprju għalhekk li għandna niftakru f’dak li seħħ fil-Ġappun tmenin sena ilu u nieħdu lezzjoni.
29.3.23
Dawk li jobdu, josservaw
1. Fid-dibattiti politiċi u fil-konvinzjoni ta’ dak li huwa l-aħjar għall-poplu, id-demokrazija tibqa’. Tibqa’ l-aqwa sistema li biha tmexxi ‘l-bnedmin fit-toroq tagħhom f’din l-art. Anzi, għalina bħala Demokratiċi Nsara, nagħtuha valur politiku ikbar. Mhix is-sistema li tieħdok fil-poter u wara tmexxi bl-id tad-dittatorjat. Hija dik li trid tiġi protetta b’żewġ mekkaniżmi: dawk legali u dawk li jassiguraw li min imexxi l-pajjiż ikollu fih il-konvinzjoni li d-demokrazija trid tiġi protetta bl-għeruq u x-xniexel. Bil-vantaġġ ikbar għalina li għandna kostituzzjoni li hija miktuba u li tiggarantixxi d-demokrazija. Hija l-qafas u l-istruttura tagħha imma hemm, kif qednaraw, il-bżonn ta’ iktar.
Kif tgħallimna
2. Ta’ studenti universitarji kien ikollna d-dubju fuq il-bżonn ta’ kostituzzjoni miktuba. Kittieba u awturi li kienu jħobbu u jammiraw ħidmet ir-Renju Unit kien ikollhom it-tentazzjoni jippruvaw jipperswaduna li hija l-aqwa sistema. Mhux biss, imma li dawk il-popli li kitbuha kellhom jagħmlu hekk għax mhumiex proprju demokratiċi, u allura jridu li jkollhom kostituzzjoni miktuba biex tikkontrollahom. Mentri f’dak il-pajjiż li ħadna l-indipendenza minnu, kollox kien ser jimxi tajjeb, u anzi, mingħajr l-ixkiel tal-kitba. Kienu jafu kif iġibu ruħhom u ma kinux ser jiksru l-prinċipji demokratiċi għax il-liġi hija mnaqqxa f’qalhom. Ngħid grazzi li tgħallimna wkoll il-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerika, għax fhimna li meta tkun miktuba tkun superjuri, tnaqqas mill-abbużi u kapaċi tikkontrollahom.
Norberto Bobbio
3. Dan il-ġurista magħruf, f’wieħed mill-kitbiet tiegħu jiddibatti x’inhuwa l-aħjar għal soċjetà. Jistaqsi: “Qual è il governo migliore: quello delle leggi o quello degli uomini?” (Liema huwa l-aħjar gvern: dak tal-liġijiet jew dak tal-bnedmin?). Wara diskussjoni mill-iktar interessanti b’kitbet awturi u filosfi, fosthom Platun, Aristotli u Sokrate jikkonkludi. Jiddikjara li huwa tal-opinjoni li l-preferenza tiegħu tmur għal gvern tal-liġi, u mhux tal-bnedmin. Jiġġustifika aktar dan, hekk: “È proprio perché non ho dubbi, posso concludere tranquillamente che la democrazia è il governo delle leggi per eccellenza. Nel momento stesso in cui un regime democratico perde di vista questo suo principio ispiratore, si rovescia rapidamente nel suo contrario, in una delle tante forme di governo autocratico, di cui sono piene le narrazioni degli storici e le riflessioni degli scrittori politiċi.” (U għax m’għandix dubju, nista’ nikkonkludi bi trankwillità li d-demokrazija hija l-gvern tal-liġijiet per eċċellenza. Fil-mument stess li reġim demokratiku jitlef dan il-prinċipju li jispirah, jinqaleb kollox fil-kuntrarju, f’waħda mis-sistemi awtokratiċi li l-istorja u l-kitba politika hija mimlija bihom.”)
Ġejna fi kliemu
4. Proprju għalhekk tajjeb li wieħed jipprepara ruħu qabel jidħol fil-politika u tul iż-żmien tagħha. Jipprepara bil-qari, bil-kitba u bir-riflessjoni. Politiku jrid formazzjoni u mhux sempliċement immaġini. Iktar u iktar meta jkun niexef mill-esperjenza tal-ħajja u tal-bnedmin. Iktar u iktar meta jkun niexef mill-esperjenza tal-ħajja u tal-bnedmin. Iktar meta jkun ‘vulnerabbli’ għal min irid jużah. Proprju quddiem dan naraw li dak li seħħ f’pajjiżna huwa parti sħiħa minn din il-linja storika. Biss, aħna għandna l-vantaġġ ta’ kostituzzjoni miktuba, li maż-żmien ġiet imsaħħa proprju minħabba n-nuqqasijiet tal-bnedmin li mexxew lil dan il-pajjiż. Is-sistema taħdem għax il-liġijiet kostituzzjonali huma ‘l fuq mill-bnedmin. Jiggarantixxu dak li bnedmin fil-politika jinsew li huma frott id-demokrazija u li m’għandhomx poteri superjuri li jaġixxu l-kontra. Jaġixxu biex b’għemilhom, fil-fatt iċekknu, u mhux ikabbru d-demokrazija.
Fejn mhix miktuba
5. Hemm pajjiżi fejn m’għandhomx kostituzzjoni miktuba. U hemm dawk li, għax mhumiex leali lejn id-demokrazija, jaġixxu f’toroq li m’għandhomx. Dak li rajna taħt Boris Johnson u dak li qed naraw taħt Binyamin Netanyahu. Żewġ pajjiżi li m’għandhomx il-konfort tal-kostituzzjoni miktuba u, mingħajr ma jridu, flok jissudaw gvern bil-liġijiet qed imorru lejn dawk tal-bnedmin. Fl-editorjal tal-ġimgħa li għaddiet, f’The Economist dan ingħad ċar ħafna. Il-Gvern qiegħed jipprova jgħaddi liġijiet li, fil-fatt, ser iġibu l-poter tal-qrati li jikkontrollaw liġijiet anti-kostituzzjonali fix-xejn. Huma jgħidu hekk: “The reforms are a bad solution to a real problem. Israel has no written constitution. For decades, however, the Supreme Court has asserted that some “basic” laws amount to a quasi-constitution it can enforce, overruling the Knesset.” (Ir-riformi proposti huma soluzzjonijiet żbaljati għall-problemi veri. Iżrael m’għandhiex kostituzzjoni miktuba. Għal għexieren ta’ snin, il-Qorti Suprema asseriet li hemm numru ta’ liġijiet “bażiċi” li jammontaw għal kważi-kostituzzjoni li tista’ tapplika u tħaddem kontra liġijiet żbaljati tal-parlament, il-Knesset.)
Boris Johnson
6. L-istess qed naraw fir-Renju Unit b’dak li għaddej quddiem il-Kumitat tal-Privileġġi parlamentari. F’sistema li batiet sew biex tirreaġixxi għal dak li Johnson kien qiegħed iwettaq fi spirtu u aġir xejn wisq demokratiku. Jonathan Freedland, f’artiklu li deher is-Sibt li għadda f’The Guardian jiddibatti dan, u jibda billi jistaqsi: “How do you drain the political life from the brand of nationalist-populist leader that has dominated politics across the democratic world in recent times?” Iktar u iktar meta politiċi bħal dawn jippruvaw ipinġu ruħhom vittmi tas-sistema. Anzi, aħjar hekk: “that he is a victim of liberal prosecutors and an illegitimate system; thathis legal woes are, in fact, a deep-state, elitist coup against him, the tribune of the people.” (li huwa vittma ta’ prosekuturi liberali f’sistema illeġittima u li l-inkwiet legali tiegħu huwa fil-fatt minn rewwixta elitista kontra tiegħu, it-tribun u d-difensur tal-poplu.)
F’pajjiżna
7. Għad għandna dawk li jieħdu l-lezzjonijiet il-ħżiena tal-istorja u jaħsbu li ladarba tiġi elett tista’ taġixxi kif trid u timita politiċi bħal dawn. Li tista’ tmur kontra d-demokrazija u l-liġijiet li jsostnuha. Il-Qrati tagħna għandhom il-poteri tagħhom, imma hemm ukoll żoni fejn hija l-politika stess li trid issolvi l-problemi. Ħafna drabi mexxejja li jsiru, jew li jaqbdu t-toroq awtokratiċi jridu jkunu dawk ta’ madwarhom biex ineħħuhom u ma jħalluhomx ikomplu jagħmlu ħsara lis-sistema. Kif jingħad tajjeb minn Freedland: “The courts can’t do it; even votes can’t always do it. The power, and responsibility lies with those who acted as their enablers. The grim truth is that, too often, the only people who can bring down these terrible men are the ones who put then there in the first place.”. Proprju għax id-demokrazija hija l-gvern tal-liġijiet per eċċellenza li rridu nkomplu naħdmu sabiex nibqgħu stat demokratiku b’mexxejja li jobdu u josservaw il-liġijiet.
ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET
35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...
-
27921. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista’ d-Deputa...
-
10922. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qegħdin...
-
12444. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jgħid...