Showing posts with label Marcus Tullius Cicero. Show all posts
Showing posts with label Marcus Tullius Cicero. Show all posts

16.9.25

IL-PROĠETT POLITIKU LLUM

1. Nagħlqu l-ġimgħa billi nirriflettu u nfakkru Jum importanti, ċertament wieħed nazzjonali. Inġibu lura quddiemna u għad-diskussjoni l-Indipendenza ta’ pajjiżna. Mhux fil-linja ta’ xi dubju iżda dak il-pass politiku li ttieħed sewwa u li wettaq il-ġid lilna lkoll. Dan il-poplu huwa liberu u jikkmanda lilu nnifsu. Bena l-Istat Demokratiku tiegħu kif kien mitlub li jsegwi. Għadda u għadu jgħaddi minn diversi provi kkumplikati li b’xi mod iżda kien jaf u għadu jagħraf jissuperahom. Jagħraf dak li huwa postu u kif jista’ jkun rilevanti, sija fix-xenarju Ewropew kif ukoll f’dan internazzjonali, fejn hemm viżjoni aktar sħiħa fil-politika barranija li għandu jieħu.

Fuq kollox

2. Fil-proċess twil ta’ wieħed u sittin sena tgħallimna ħafna. L-iktar fuq dak li aħna rridu u fuq dak li jiswielna għas-sewwa. Ma sirniex poplu nieqes minn boxxla morali jew deġenerat. Għalkemm ittantati b’modi differenti, fir-realtà nibqgħu dawk li rridu nħarsu lejn il-valuri, li huma l-għeruq taċ-ċiviltà u tal-bniedem. Naraw dejjem aktar il-bżonn li nkunu dawk li fil-politika u fil-ħajja, fir-rispett lejn id-dinjità tal-persuna umana nipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem u d-demokrazija. Nagħrfu dejjem iktar li dawn huma punti li mhumiex wieqfa, imma li l-ħin kollu huma fil-proċess li jimxu ’l quddiem. Kif nieqfu naħdmu fihom u nimbuttawhom inkunu qed niżbaljaw.

Parti minn tradizzjoni

3. Fil-fatt aħna parti minn tradizzjoni legali li ssawret u li ġiet żviluppata fl-Oċċident. Aħna parti minn dak kollu li żviluppa taħt id-Dritt Ruman u warajh. Aħna dawk li nħarsu li nieħdu ispirazzjoni minn diversi bnedmin li ħallew marka fiċ-ċiviltà li aħna parti minnha. Bnedmin fil-kliem ta’ Marcus Tullius Cicero (109-43 WK) li huma: Omnes legum servi sumus ut liberi esse possimus (Inservu l-liġi biex inkunu liberi). Għax aħna, bħala poplu, għandna nagħżlu li nkunu skjavi tal-liġi sabiex inkunu liberi. Proprju f’dan wieħed għandu jqiegħed mill-ġdid punt politiku li sar diġà minn oħrajn. Dak li għandna nistaqsu lilna nfusna llum il-ġurnata liema huwa l-aħjar Gvern biex imexxi pajjiż: dak tal-liġijiet jew dak tal-bnedmin?

Pariri

4. Kif ifakkar sewwa u bil-preċiż Norberto Bobbio, meta jgħid: “Il primato della legge è fondato sul presupposto che i governanti siano per lo più cattivi, nel senso che tendono a usare del potere per i propri fini. Viceversa, il primato dell’uomo è fondato sul presupposto del buon governatore, il cui ideale è presso gli antichi il grande legislatore. In fatti se il governatore è saggio che bisogno c’è di costringerlo nella rete di leggi generali che gl’impediscono di soppesare i meriti e i demeriti di ciascuno?” (Il-primat tal-liġi huwa bbażat fuq il-prinċipju li dawk li jiggvernaw huma ħżiena, fis-sens li jkunu mħajra li jużaw il-poter għall-iskopijiet tagħhom. Viċeversa, il-primat tal-bniedem huwa mwaqqaf fuq il-prinċipju li l-Gvern it-tajjeb, li l-ideal tiegħu huwa meħud mil-leġislaturi l-antiki. Fil-fatt, jekk il-Gvern huwa għaqli, x’hemm bżonn li torbtu fix-xibka tal-liġijiet ġenerali li jżommuh milli jibbilanċja l-merti u d-demerti ta’ kull persuna?).

Proprju f’dan


5. Proprju dan huwa punt determinanti. Liġijiet għandna, u ħafna. Dawn jistgħu jiġu miżjuda, mibdlula, mfassla aħjar, imma l-punt jibqa’ li ninsabu fi Stat tad-Dritt. Ninsabu f’soċjetà fejn il-poter huwa leġittimu f’ħidmietu għax huwa mogħti s-saħħa mil-liġi. Il-mexxejja politiċi għandhom ir-responsabbiltà għax hija mogħtija mil-liġi. Mingħajrha ma huma xejn. Huma biss arbitrarji u illegali. Kull min jaġixxi barra mil-liġi huwa żbaljat u anti-demokratiku. F’dan irridu nirriflettu aktar fejn ninsabu u fejn sejrin. Il-bżonn tal-liġi jibqa’ magħna proprju biex nassiguraw li l-affarijiet isiru sewwa u billi l-liġi hija l-vuċi tal-poplu hija fil-fatt it-twettiq tar-rieda tiegħu.

Nistaqsu

6. F’dan irridu nistaqsu iktar jekk aħniex f’soċjetà fejn il-liġi qegħda tiġi rispettata, mħaddma, applikata u nfurzata. Għax il-liġi hija l-bidu ta’ kull organizzazzjoni umana. Hija dik li tassigura li d-deċiżjonijiet jittieħdu fit-trasparenza u dan hu l-prinċipju li jiggarantixxi li l-liġi qegħda tiġi osservata. Dan fih aktar rilevanza llum fil-klima politika li ninsabu fiha. Fil-konoxxenza li dak li qiegħed isir ma jsegwix il-liġi. Anzi, jiddipartixxi minnha biex jiffavorixxi u jipproteġi lil xi wħud. Il-liġi mhijiex iktar perċepita bħala dik li hija ugwali għal kull persuna, iżda li hemm min jirranġa. Żbalji politiċi saru, u dawn jikkundizzjonaw sew il-mod ta’ kif il-bnedmin f’dawn il-gżejjer iħarsu lejn l-affarijiet.

Fid-dell

7. L-Indipendenza ġiet sabiex aħna niddeċiedu l-affarijiet tagħna fil-miftuħ u fl-ugwaljanza. Ċertament mhux fis-segretezza, fil-moħbi, ’il bgħid minn xtutna għal dak li huwa fl-interess tal-oħrajn. Dan il-Jum Nazzjonali ġie biex jassigura li napplikaw il-liġijiet kif jixraq u li l-proċess, il-metodu, isir kollu fil-miftuħ. Prinċipju li għandna niftakru u nassiguraw li jiġi mplimentat. Kif ifakkarna Norberto Bobbio: “Il principio fondamentale della democrazia è del resto ostile alla segretezza. Se tu devi votare, devi poter conoscere sia il problema sul quale devi votare, devi poter conoscere sia il problema sul quale devi esprimere il tuo giudizio, sia le persone che sono convolte.” (Il-prinċipju fundamentali tad-demokrazija huwa ostili għas-segretezza. Jekk għandek dritt tivvota, għandek tkun taf il-fatti sħaħ dwar il-problema li fuqha ser tesprimi l-ġudizzju tiegħek, kif ukoll tal-bnedmin li huma nvoluti.)

’Il quddiem

8. F’dan għandna nħarsu ’l quddiem. Dmirna fil-Partit Nazzjonalista huwa li nassiguraw li l-liġi tiġi osservata għax id-demokrazija trid tiġi mplimentata anke jekk, kif ġustament ingħad, hija imperfetta. Imma fil-verità m’għandhiex waħda perfetta alternattiva għaliha. Dmirna hu li nfakkru l-passat fis-sens ta’ dak kollu li għaddejna minnu bħala poplu biex din il-pożizzjoni determinanti tintlaħaq. Anki sabiex ħadd ma jimmaġina li l-kisba tal-Indipendenza kienet faċli u li kull ma kien hemm bżonn kien li wieħed jagħmel xi talba jew jimla xi applikazzjoni sabiex tinġieb. L-Indipendenza batejna għaliha u hija l-ġebla tax-xewka tas-soċjetà tagħna. Proprju għalhekk, fis-sitwazzjoni li ninsabu fiha llum, il-proġett politiku tagħna jrid jitlaq minn dak li nassiguraw soċjetà fejn hemm osservanza akbar tal-liġi fit-trasparenza.

26.3.25

IL-BAŻI GĦANDHA VUĊI

1. Fost il-kitba li nsibu fil-kultura tagħna, dik li aħna werrieta tagħha, hemm ittra interessanti mhux tant magħrufa. Iktar għarfa u diretta, mingħajr pariri żbaljati. Waħda li għandha l-punti validi u hija f’kuntrast ukoll ma’ oħrajn. Għax f’ċerti mumenti hemm wisq dawk li jemmnu u jimxu fuq dak li kiteb Niccolò Macchiavelli (1469-1527) fil-ktejjeb tiegħu Il Principe (1513). Dawk li jaħsbu li l-politika t-tajba ssir bil-linja li fiha l-ħatfa tal-poter tiġġustifika kull azzjoni. Mentri hemm iktar f’ittra mimlija b’pariri li Quintus Tullius Cicero (102-43 QK) jgħaddi lil ħuħ, Marcus Tullio Cicero (106-43 QK), dak il-ħin kandidat għall-Konsolat, f’dak li għandu jwettaq biex jiġi elett. Waħda li hija pożittiva u mhux negattiva, miftuħa u mhux repressiva, dik li titlob il-kunsens politiku u mhux timponih.

Parir ċar


2. Fiha hemm numru ta’ pariri ċari ħafna lil min qiegħed jitlob li jiġi elett. Jibda, però, b’żewġ dmirijiet. Huwa jgħidlu: “Et petitio magistratus divisa est in duarum rationum diligentiam, quarum altera in amicorum studiis, altera in popolari volontate ponenda est.” (Meta wieħed ikun qiegħed jikkontesta għandu żewġ linji ta’ ħidma: l-ewwel li jġib l-appoġġ tal-ħbieb u wara li jirbaħ il-volontà tal-poplu.) Pariri tajba, forsi wkoll ovvji, imma li huwa dejjem mhux indikat li tinjorahom. Jgħoddu fuq żewġ livelli: dawk personali meta l-kandidat ikun waħdu bħal Ċiċerun, jew jagħraf li jrid jaqdef għal rasu. Jgħoddu aktar, u f’kuntest differenti, meta jkun hemm partit politiku sħiħ li jrid jikkontesta fis-sistema demokratika.

Bdil fl-ideat

3. F’dan wieħed irid jagħraf numru ta’ punti fost id-diversi li hemm jiġru fuq fomm il-bażi tal-Partit. Dan aktar fl-għarfien li hemm id-differenza bejn dawk li huma fil-poter u moħħhom iffukat biex jibqgħu jżommuh, u dawk fl-Oppożizzjoni li jridu jaraw kif ser jidħlu huma fis-siġġu. Jinteressana minn dawk tat-tieni kategorija: l-ewwel għax il-pajjiż għandu bżonn bidla; u t-tieni għax il-Partit Nazzjonalista jixraq li jkun lura hemm. Biss l-intenzjonijiet u d-direzzjonijiet mhumiex dejjem kapaċi jaħdmu id f’id. Hemm ħafna fil-poplu li jagħrfu l-pożizzjoni attwali. Jagħrfu dak li ninsabu fih fis-sens li hemm ir-realpolitik: dik li minkejja d-dnubiet mortali li l-Gvern kien, u jidher li għadu kapaċi jwettaq, xorta ma hemmx bdil fil-barometru tal-kunsensi elettorali.

Hemm tessut soċjali

4. Hemm f’dan storja twila ta’ Partit li rnexxilu, tul snin twal, jirrappreżenta lil diversi fil-pajjiż. Mhuwiex fil-maġġoranza, u ilu ma jkun, imma almenu fil-mument partikolari, minkejja kollox għadu jżomm madwar 40% tal-elettorat. Vera għandu bżonn 11% oħra, u hawn l-argument huwa kif wieħed jista’ jieħu l-pariri ta’ dak ir-Ruman Quintus Tullius Cicero biex iżidhom. Forsi f’dan il-mument partikolari hemm bżonn aktar l-għarfien ta’ dak li hu l-bażi tal-Partit li għadha ħajja hemm, minkejja d-diffikultajiet organizzattivi u amministrattivi li trid u tippretendi mingħandna. Jista’ jkun li naqsu dawk li jattendu l-bini tal-każini, imma dan ma jfissirx li ma sarux mobbli f’postijiet oħra. Dak li wħud jidher li ma jagħtux piż biżżejjed għalih huwa proprju l-kontra għax hemm diskussjoni ħajja u kostanti għaddejja. Mhux neċessarjament mismugħa, informata, u wisq inqas preparata imma attiva ħafna.

Kif tħabbar u tkabbar

5. F’dan huwa ċar u evidenti li l-Partit irid jifhem li hemm bidla fil-mentalità li trid issir ftit aktar. M’aħniex fil-Gvern u ma nistgħux naħsbu jew naġixxu aktar bħallikieku qegħdin hemm. It-tieni: m’aħniex ġabra ta’ partiti f’daqqa f’wieħed. Fis-sens li kull kandidat, minn fuq s’isfel, mhuwiex la xi forma ta’ monarka u anqas waħdu, imma huwa f’daqqa ma’ oħrajn bħalu. Anqas, fit-tielet, ma tista’ tibqa’ għaddejja l-mentalità ta’ dawk li jħallu lill-oħrajn jgħidu u jinjoraw l-argumenti li jressqu. Ħafna, fil-bażi, proprju fuq dan issibhom jiddiskutu u jilmentaw. Għax biex l-uffiċjal tal-Partit jew id-deputat jew il-kunsillier jimxi ma jistax jitlaq għal rasu, imma jrid ikollu l-bażi elettorali warajh. Irid jitlaq billi jħares sew lura u jifhem il-polz politiku u mhux jitlaq waħdu fl-immaġinazzjoni li b’dak li ser jgħid jew jagħmel ser iġib lil ħafna jiġru warajh. Għax f’dan isib minflok lil min ma tantx jaqbel u jikteb fil-mezzi varji soċjali u tradizzjonali daqqa bid-diplomazija u daqq’oħra b’ferm inqas f’dak li jaħseb.

Snakes and Ladders

6. Hemm din il-logħba ta’ kif titla’ ’l fuq u tinżel malajr ’l isfel li ħafna ma jieħdux. Jaħsbu fil-pariri tal-mument u impulsivi tagħhom li tista’ tixħet id-dadi u taħseb li inti tant tajjeb u kapaċi li ser tikkontrolla li ġġib in-numru minn wieħed sa sitta preċiż. Mentri, kif naraw, dan ma jgħoddx għax il-politika hija xjenza ċara u mhux logħob tal-azzard. Forsi inqas protagonisti, inqas diskors żejjed u inqas konfrontazzjoni inutili jafu jġibuna lura fil-konnessjoni mal-bażi Demokratika-Kristjana tal-Partit. Pass lura huwa aħjar u fil-mument partikolari l-kawtela hija aktar determinanti. Anzi, is-silenzju aqwa. Aktar dożi fl-umiltà li wieħed jagħraf li huwa parti mill-partit sħiħ, u li mhuwiex waħdu. Is-sigriet li sarraf fit-tul fis-snin passati huwa proprju dan: li l-Partit iħares li jkun Demokratiku-Kristjan fil-valuri tiegħu. Il-bnedmin jivvutawlu għax huwa dak tas-soluzzjonijiet fil-moderazzjoni, fl-attenzjoni tal-isfidi li l-poplu jaffronta u fil-valuri Nsara.

Linja politika

7. F’dawn il-jiem ser ikun hemm għall-bejgħ il-ktieb Più Uno ta’ Ernesto Maria Ruffini (1969). Fih, dan l-avukat intelliġenti jgħidilna: “Perché l’unico modo di andare avanti è farlo insieme, in prima personale plurale. Ogni giorno, più uno!”. Dak li aħna wkoll nagħrfu, għax aħna parti mill-wirt ta’ linja politika ċara, stabbli u kostanti. M’hemmx bżonn nibdlu dak li ħadem imma li nħaddmu wkoll tajjeb dak li għandna. F’dan wieħed irid jibda billi jmur lura lejn il-bażi tal-Partit. Wieħed minn fost il-bażi, il-Ħadd li għadda fl-Independent qalilna: “Grassroots engagement cannot be an afterthought.”. Għandu raġun. Irid jiġu koltivat, impenjat u involut. Biss dan jeħodna għat-tieni punt fil-pariri ta’ Quintus Tullius Cicero: kif iżżid il-kunsens elettorali. Kif ukoll ġustament irrimarka dan il-kittieb, ċertament għax irid il-ġid u jrid li l-pożizzjoni tinbidel fiż-żieda: “People will not vote for an opposition that merely reacts to Labour mistakes. They will vote for a party that inspires confidence, offers proper solutions and addresses their concerns.” F’dan proprju tinsab miftuħa l-isfida tagħna ’l quddiem.

Nikteb

8. F’dan għalhekk nersaq nikteb dan l-artiklu bi ħsieb ċar. Dak li nkompli ngħin aktar sabiex il-Partit li ilni nimmilita fih ikun f’pożizzjoni politika aħjar. Ilni nagħti sehmi għax nemmen li huwa strument ta’ bidla. Nista’, kif nintalab ukoll, li nħalli kollox għaddej. Imma jekk irridu nġibu progress f’dan il-pajjiż naħseb li dik mhijiex il-pożizzjoni politika ġusta. Nemmen li rridu ninvolvu aktar bnedmin u nifhmu li min jikteb irid l-affarijiet sewwa u jrid jieħu sehem fil-proċess sabiex dawn jinbidlu. Nemmen li l-bażi elettorali tal-Partit għandha ħafna xi tgħid, li trid ħafna iktar mingħandna u dan għax trid bidla fil-Gvern tal-ġurnata. X’partit inkunu mingħajr bażi, u daqshekk ieħor jekk sentejn qabel l-elezzjoni ġenerali, li huma determinanti għall-futur, ma nassigurawx il-parteċipazzjoni attiva tagħha? Ejja nifhmu li din il-bażi għandna vuċi u ejja nifhmu li għandna nagħtuha widen.

ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET

35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...