16.9.25

IL-PROĠETT POLITIKU LLUM

1. Nagħlqu l-ġimgħa billi nirriflettu u nfakkru Jum importanti, ċertament wieħed nazzjonali. Inġibu lura quddiemna u għad-diskussjoni l-Indipendenza ta’ pajjiżna. Mhux fil-linja ta’ xi dubju iżda dak il-pass politiku li ttieħed sewwa u li wettaq il-ġid lilna lkoll. Dan il-poplu huwa liberu u jikkmanda lilu nnifsu. Bena l-Istat Demokratiku tiegħu kif kien mitlub li jsegwi. Għadda u għadu jgħaddi minn diversi provi kkumplikati li b’xi mod iżda kien jaf u għadu jagħraf jissuperahom. Jagħraf dak li huwa postu u kif jista’ jkun rilevanti, sija fix-xenarju Ewropew kif ukoll f’dan internazzjonali, fejn hemm viżjoni aktar sħiħa fil-politika barranija li għandu jieħu.

Fuq kollox

2. Fil-proċess twil ta’ wieħed u sittin sena tgħallimna ħafna. L-iktar fuq dak li aħna rridu u fuq dak li jiswielna għas-sewwa. Ma sirniex poplu nieqes minn boxxla morali jew deġenerat. Għalkemm ittantati b’modi differenti, fir-realtà nibqgħu dawk li rridu nħarsu lejn il-valuri, li huma l-għeruq taċ-ċiviltà u tal-bniedem. Naraw dejjem aktar il-bżonn li nkunu dawk li fil-politika u fil-ħajja, fir-rispett lejn id-dinjità tal-persuna umana nipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem u d-demokrazija. Nagħrfu dejjem iktar li dawn huma punti li mhumiex wieqfa, imma li l-ħin kollu huma fil-proċess li jimxu ’l quddiem. Kif nieqfu naħdmu fihom u nimbuttawhom inkunu qed niżbaljaw.

Parti minn tradizzjoni

3. Fil-fatt aħna parti minn tradizzjoni legali li ssawret u li ġiet żviluppata fl-Oċċident. Aħna parti minn dak kollu li żviluppa taħt id-Dritt Ruman u warajh. Aħna dawk li nħarsu li nieħdu ispirazzjoni minn diversi bnedmin li ħallew marka fiċ-ċiviltà li aħna parti minnha. Bnedmin fil-kliem ta’ Marcus Tullius Cicero (109-43 WK) li huma: Omnes legum servi sumus ut liberi esse possimus (Inservu l-liġi biex inkunu liberi). Għax aħna, bħala poplu, għandna nagħżlu li nkunu skjavi tal-liġi sabiex inkunu liberi. Proprju f’dan wieħed għandu jqiegħed mill-ġdid punt politiku li sar diġà minn oħrajn. Dak li għandna nistaqsu lilna nfusna llum il-ġurnata liema huwa l-aħjar Gvern biex imexxi pajjiż: dak tal-liġijiet jew dak tal-bnedmin?

Pariri

4. Kif ifakkar sewwa u bil-preċiż Norberto Bobbio, meta jgħid: “Il primato della legge è fondato sul presupposto che i governanti siano per lo più cattivi, nel senso che tendono a usare del potere per i propri fini. Viceversa, il primato dell’uomo è fondato sul presupposto del buon governatore, il cui ideale è presso gli antichi il grande legislatore. In fatti se il governatore è saggio che bisogno c’è di costringerlo nella rete di leggi generali che gl’impediscono di soppesare i meriti e i demeriti di ciascuno?” (Il-primat tal-liġi huwa bbażat fuq il-prinċipju li dawk li jiggvernaw huma ħżiena, fis-sens li jkunu mħajra li jużaw il-poter għall-iskopijiet tagħhom. Viċeversa, il-primat tal-bniedem huwa mwaqqaf fuq il-prinċipju li l-Gvern it-tajjeb, li l-ideal tiegħu huwa meħud mil-leġislaturi l-antiki. Fil-fatt, jekk il-Gvern huwa għaqli, x’hemm bżonn li torbtu fix-xibka tal-liġijiet ġenerali li jżommuh milli jibbilanċja l-merti u d-demerti ta’ kull persuna?).

Proprju f’dan


5. Proprju dan huwa punt determinanti. Liġijiet għandna, u ħafna. Dawn jistgħu jiġu miżjuda, mibdlula, mfassla aħjar, imma l-punt jibqa’ li ninsabu fi Stat tad-Dritt. Ninsabu f’soċjetà fejn il-poter huwa leġittimu f’ħidmietu għax huwa mogħti s-saħħa mil-liġi. Il-mexxejja politiċi għandhom ir-responsabbiltà għax hija mogħtija mil-liġi. Mingħajrha ma huma xejn. Huma biss arbitrarji u illegali. Kull min jaġixxi barra mil-liġi huwa żbaljat u anti-demokratiku. F’dan irridu nirriflettu aktar fejn ninsabu u fejn sejrin. Il-bżonn tal-liġi jibqa’ magħna proprju biex nassiguraw li l-affarijiet isiru sewwa u billi l-liġi hija l-vuċi tal-poplu hija fil-fatt it-twettiq tar-rieda tiegħu.

Nistaqsu

6. F’dan irridu nistaqsu iktar jekk aħniex f’soċjetà fejn il-liġi qegħda tiġi rispettata, mħaddma, applikata u nfurzata. Għax il-liġi hija l-bidu ta’ kull organizzazzjoni umana. Hija dik li tassigura li d-deċiżjonijiet jittieħdu fit-trasparenza u dan hu l-prinċipju li jiggarantixxi li l-liġi qegħda tiġi osservata. Dan fih aktar rilevanza llum fil-klima politika li ninsabu fiha. Fil-konoxxenza li dak li qiegħed isir ma jsegwix il-liġi. Anzi, jiddipartixxi minnha biex jiffavorixxi u jipproteġi lil xi wħud. Il-liġi mhijiex iktar perċepita bħala dik li hija ugwali għal kull persuna, iżda li hemm min jirranġa. Żbalji politiċi saru, u dawn jikkundizzjonaw sew il-mod ta’ kif il-bnedmin f’dawn il-gżejjer iħarsu lejn l-affarijiet.

Fid-dell

7. L-Indipendenza ġiet sabiex aħna niddeċiedu l-affarijiet tagħna fil-miftuħ u fl-ugwaljanza. Ċertament mhux fis-segretezza, fil-moħbi, ’il bgħid minn xtutna għal dak li huwa fl-interess tal-oħrajn. Dan il-Jum Nazzjonali ġie biex jassigura li napplikaw il-liġijiet kif jixraq u li l-proċess, il-metodu, isir kollu fil-miftuħ. Prinċipju li għandna niftakru u nassiguraw li jiġi mplimentat. Kif ifakkarna Norberto Bobbio: “Il principio fondamentale della democrazia è del resto ostile alla segretezza. Se tu devi votare, devi poter conoscere sia il problema sul quale devi votare, devi poter conoscere sia il problema sul quale devi esprimere il tuo giudizio, sia le persone che sono convolte.” (Il-prinċipju fundamentali tad-demokrazija huwa ostili għas-segretezza. Jekk għandek dritt tivvota, għandek tkun taf il-fatti sħaħ dwar il-problema li fuqha ser tesprimi l-ġudizzju tiegħek, kif ukoll tal-bnedmin li huma nvoluti.)

’Il quddiem

8. F’dan għandna nħarsu ’l quddiem. Dmirna fil-Partit Nazzjonalista huwa li nassiguraw li l-liġi tiġi osservata għax id-demokrazija trid tiġi mplimentata anke jekk, kif ġustament ingħad, hija imperfetta. Imma fil-verità m’għandhiex waħda perfetta alternattiva għaliha. Dmirna hu li nfakkru l-passat fis-sens ta’ dak kollu li għaddejna minnu bħala poplu biex din il-pożizzjoni determinanti tintlaħaq. Anki sabiex ħadd ma jimmaġina li l-kisba tal-Indipendenza kienet faċli u li kull ma kien hemm bżonn kien li wieħed jagħmel xi talba jew jimla xi applikazzjoni sabiex tinġieb. L-Indipendenza batejna għaliha u hija l-ġebla tax-xewka tas-soċjetà tagħna. Proprju għalhekk, fis-sitwazzjoni li ninsabu fiha llum, il-proġett politiku tagħna jrid jitlaq minn dak li nassiguraw soċjetà fejn hemm osservanza akbar tal-liġi fit-trasparenza.

No comments:

IL-GUDJA - GĦAJNUNA SOĊJALI

30885. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ki...