30213. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22858, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm effettivament ingħatat għajnuna umanitarja lill-poplu ta’ Gaza matul din is-sena?
26/08/2025
ONOR. IAN BORG: Ninforma lill-Onor.
Interpellant li kif spjegajt fil-mistoqsijiet parlamentari 22858, 24730 u
27317, il-Gvern Malti – inkluż il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u
t-Turiżmu – qed ikompli joffri għajnuna umanitarja konkreta għall-benefiċċju
tal-poplu Palestinjan. Din tinkludi:
• Il-Ministeru qed jikkontribwixxi
fil-Fond ta’ Solidarjetà ma’ Gaża. Matul
ix-xhur ta’ Lulju u Awwissu, Malta bagħtet erba’ konsenji ta’ dqiq, b’total ta’
għaxart elef u sittin xkora, lejn Limassol, f’Ċipru, biex bl-għajnuna tal-Gvern
Ċiprijott u tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Magħquda għall-Proġetti u s-Servizzi
Malta jitwasslu f’Gaża. Wara proċess ta’ awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet
rispettivi tal-Iżrael, nofs dan id-dqiq intbagħat lejn il-port ta’ Ashdod, fejn
sal-5 ta’ Settembru dan kien twassal f’Gaża għand il-World Central Kitchen. Din
l-organizzazzjoni umanitarja diġà bdiet tużah biex tipprepara l-ikel li qiegħda
tipprovdi lin-nies ċivili f’Gaża. Mistenni li t-tieni nofs ta’ dan id-dqiq
jitlaq lejn il-port ta’ Ashdod fl-aħħar ta’ Settembru.
• Iktar kmieni din is-sena, Malta kompliet b’inizjattiva umanitarja ta’
evakwazzjoni ta’ tfal Palestinjani li qed ibatu minn mard serju, flimkien
mal-ġenituri tagħhom, miż-żona ta’ Gaża. Sa issa, erbat itfal ġew evakwati u
miġjuba Malta fejn qed jirċievu kura medika urġenti.
• Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu approva donazzjoni ta’
€70,000 biex tindirizza l-ħtiġijiet urġenti fil-Palestina. Din l-għajnuna ser
tingħata lill-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal (UNICEF), organizzazzjoni
li qed taħdem direttament f’Gaża, b’enfasi fuq is-sitwazzjoni umanitarja
tal-popolazzjoni ċivili.
• Il-Ministeru
qed jippjana wkoll li jalloka fondi addizzjonali fil-ġimgħat li ġejjin biex
isaħħaħ l-appoġġ lill-poplu Palestinjan. L-għajnuna se tiffoka fuq il-ħtiġijiet
l-aktar essenzjali, inklużi l-appoġġ kontinwu lill-Aġenzija tan-Nazzjonijiet
Maqgħuda għall-Għajnuna u x-Xogħol għall-Palestinjani (UNRWA), u
organizzazzjonijiet oħra li jipprovdu ikel u kura tas-saħħa.
• Malta ser tkompli tgħin ukoll fil-qasam edukattiv. Għas-sena akkademika
2025/2026, il-Ministeru se jiffinanzja żewġ boroż ta’ studju fil-livell ta’
Masters fl-Università ta’ Malta għal studenti Palestinjani, kif ukoll boroż ta’
studju għal diplomatiċi Palestinjani biex jistudjaw fl-Akkademja Mediterranja
tal-Istudji Diplomatiċi (MEDAC).
Fl-aħħar nett, nixtieq nerġa’ ntenni l-impenn sod tal-Gvern Malti favur
il-kawża tal-paċi f’Gaża. Malta tkompli taħdem mill-qrib ma’ sħab
internazzjonali biex tħeġġeġ għall-waqfien mill-ġlied bejn Iżrael u l-Hamas,
filwaqt li tħares lejn il-ħtieġa urġenti li tiżdied b’mod sostanzjali
l-għajnuna umanitarja li tkun tista’ tidħol mingħajr xkiel f’Gaża, sabiex jiġu
ndirizzati l-bżonnijiet kruċjali tal-popolazzjoni ċivili.
Seduta 375
16/09/2025
No comments:
Post a Comment