29.9.25

IL-KALKARA - ĠNIEN RINELLA - XOGĦOL TA’ TISBIĦ

30326. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika: Tista’ l-Ministru tgħid jekk sarx xi xogħol ta’ tisbiħ fi Ġnien Rinella, fil-Kalkara matul din is-sena?

 

09/09/2025

 

ONOR. MIRIAM DALLI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li fost l-ewwel proġetti li wettaqna fil-bidu ta’ din il-leġiżlatura kien hemm proprju dak ta’ Ġnien ir-Rinella, fil-Kalkara, li fih sar investiment ta’ €1 miljun biex iservi bħala spazju aħdar għar-rikreazzjoni soċjali għall-familji filwaqt li nżamm il-prestiġju storiku tiegħu.

Dan il-proġett sar b’mod li jħares l-użu ta’ enerġija rinnovabbli, il-konservazzjoni tal-ilma u l-protezzjoni tal-ambjent naturali. L-introduzzjoni ta’ solar paving li jiġġenera biżżejjed enerġija għall-użu tal-ġnien, smart benches kif ukoll solar smart bins, kienu jifformaw parti minn strateġija ferm akbar li tenfasizza l-importanza ta’ enerġija nadifa u arja aħjar.

Barra minn hekk, l-ilma tax-xita kollu li jaqa’ ġewwa l-ġnien jinġabar f’erbat ibjar u jintuża għat-tisqija neċessarja permezz ta’ sistema ta’ irrigazzjoni awtomatika. Tħawlu aktar siġar u pjanti indiġeni biex joffru ambjent isbaħ għalll-familji.

Bħalma jsir fil-każ ta’ ġonna oħrajn, parks u spazji oħra miftuħa mmaniġġjati minn Project Green, Ġnien ir-Rinella ssirlu manutenzjoni fuq bażi regolari biex dawn jinżammu fi stat tajjeb. Sfortunatament, minkejja d-diversi appelli li jsiru biex nibżgħu għal dawn is-siti, għadu jkun hemm okkażjonijiet fejn dawn jisfgħu fil-mira ta’ vandaliżmu. Fil-fatt, ninsab infurmata li fix-xhur tas-sajf kellhom isiru xogħlijiet ta’ tiswija fuq il-bankijiet wara li sar vandaliżmu fuq l-apparat li jiġġenera d-dawl mill-enerġija solari. Saru wkoll tiswijiet fil-funtana u fuq is-sistema tal-irrigazzjoni. Għax-xhur tax-xitwa huwa ppjanat li jsir tħawwil ta’ aktar pjanti.

 

Seduta  378

23/09/2025

No comments:

IL-GUDJA - GĦAJNUNA SOĊJALI

30885. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ki...