1. Ftit jiem ilu, il-Ħadd li għadda, ftakarna fit-tlettax-il anniversarju minn meta ġie nieqes bniedem uniku. Fil-31 ta’ Awissu 2012 ġie msejjaħ lura għand il-Ħallieq persuna mimlija bi tjubija u għerf li ġabar frott l-esperjenza, il-qari, l-istudju u l-impenn dirett mal-bnedmin l-oħra. Twieled f’Torino fl-1927, sar Ġiżwita, wara Arċisqof ta’ Milan mill-1980 sal-2002, u fl-1983 sar Kardinal. Carlo Maria Martini kien magħruf sew u msemmi minn uħud li seta’ wkoll intgħażel Papa. Kien ikun hu l-ewwel Papa Ġiżwita. Magħruf minħabba kitbietu. Dawk li sawwar bħala biblista. Kien Rettur tal-Pontificio Istituto Biblico f’Ruma u tal-Pontificia Università Gregoriana. Dak li ħa ħsieb li jkun hemm ‘Cattedra dei non credenti’ biex seta’ jiftaħ bieb, post għad-djalogu bejn il-bnedmin ta’ fidi u dawk le fuq suġġetti urġenti ta’ attwalità. Għaref li anqas ma kien joqgħod lura milli jesprimi ħsibijietu, anke jekk minħabba f’hekk sofra minn oħrajn.
Triq il-Ġustizzja
2. Hemm diversi pubblikazzjonijiet tiegħu. Għandi jien ukoll xi wħud minnhom fil-librerija. Kull wieħed fih x’taqra u x’tgħarbel. Anke jekk m’għadux magħna, xorta waħda għadu rilevanti ħafna. Fost dawn għandi ġabra ta’ ideat tiegħu dwar il-ġustizzja. Il-ktejjeb jismu proprju hekk: Sulla Giustizia (1999). Mimli bi kwotazzjonijiet u direzzjonijiet, fosthom fuq il-ġustizzja riparatriċi, li tibqa’ għal qalbi fil-liġi li kelli l-unur u l-pjaċir li nġib fis-seħħ f’Jannar tal-2012. Fil-ktieb għandu ħsibijietu u dawk ta’ wħud mill-aqwa bnedmin ta’ kultura. Jiftaħ b’Origene (185-253 WK): “La giustizia, anche se è debole di forze, vince; invece l’ingiustizia, anche se ha molti e vigorosi sostenitori, viene sconfitta.” (Il-Ġustizzja, anke jekk dgħajfa u nieqsa mis-saħħa, tirbaħ; mentri l-inġustizzja, anke jekk għandha diversi sostenituri b’saħħithom, titlef.)
B’bibien għaliha
3. Jkompli, fost oħrajn, jiċċita lil Blaise Pascal (1632-1662) li jgħid hekk: “La giustizia senza forza è impotente; la forza senza la giustizia è tirannica. Bisogna metter insieme la giustizia e la forza; e per giungervi occorre far si che ciò che è giusto sia forte e ciò che è forte sia giusto.” (Il-Ġustizzja mingħajr forza hija impotenti; il-forza mingħajr ġustizzja hija tirannija. Hemm bżonn li wieħed iqiegħed flimkien il-ġustizzja u l-forza; u biex tasal jeħtieġ tassigura li dak li huwa ġust huwa b’saħħtu u dak li huwa b’saħħtu huwa ġust.) Martini jkompli josserva hekk hu: “In realtà se non si riscopre il fondamento divino, non si riesce a definire con chiarezza l’inalienabilità dei diritti umani e della giustizia tesa a rispettarli e a promuoverli.” (Fir-realtà jekk wieħed ma jirriskoprix mill-ġdid il-pedament Divin, wieħed ma jirnexxilux jiddefinixxi bi kjarezza li d-drittijiet fundamentali tal-bniedem ma jinbiegħux, kif lanqas il-ġustizzja li qegħda hemm sabiex jiġu rispettati u promossi.)
Fil-libertà u ċ-ċertezza
4. Kunċetti li diversi jaqblu magħhom. Għalkemm wieħed jaċċetta wkoll li dak li jiġi dikjarat fil-komun ma jfissirx l-istess għal min jiddikjarah. Kliem il-Kardinal huma mwielda minn formazzjoni soda fid-duttrina soċjali tal-Knisja. Dik li diversi ma jaqrawx u oħrajn, sfortunatament, jiddisprezzaw. Kelli aktar ħin napprezza dan jien u ġej minn Copenhagen ftit jiem ilu waqt li kont qed naqra l-ktieb tad-deputat Demokristjan Gianfranco Merli (1924-1998) bit-titlu Don Angeli e i Cattolici democratici in Toscana (1978). Ktieb ispirat minn ħidmet Don Roberto Angeli (1913-1978). Saċerdot mimli b’għerf u li ġġieled fir-Reżistenza, maqbud u mibgħut fil-kampijiet tal-konċentrament. Magħruf l-iktar għall-ktieb tiegħu Vangelo nei Lager; Un prete nella Resistenza (1964).
Liġi morali
5. Fil-ktieb tassew interessanti ta’ Merli hemm miġbura l-lezzjonijiet li kien ta lil diversi studenti tul il-gwerra dwar ħidmet in-Nisrani fil-politika. X’għandu jiġi protett, x’għandu jwettaq l-Istat. Jgħid hekk: “Il compito dello stato è duplice; fornire la sicurezza giuridica (compito negattivo) e promuovere il bene comune (compito positivo)”. (Ħidmet l-Istat hija doppja: tassigura s-sigurtà ġuridika (ħidma passiva) u tippromwovi l-ġid komuni (ħidma attiva u pożittiva). L-awtur jiċċita aktar lill-istess Don Roberto, li waqt li jinsisti li kull Stat għandu jipproteġi d-drittijiet fundamentali u dawk privati tal-familja u li ma jinsiex li hemm liġi superjuri morali, jgħid hekk: “Chiamiamo sicurezza giuridica quella protezione che assicuri a tutti il pacifico uso dei loro diritti; alla vita, alla proprietà, alla legittima libertà, all’onore, ecc. Per questo lo Stato avrà le sue leggi, le sue sanzioni, il suo tribunale; intesi non a far dominare un ceto, o una razza o un partito, ma a difendere e tutelare ogni singolo cittadino.” (Insejħu ċertezza ġuridika dik il-protezzjoni li tassigura lil kulħadd l-użu paċifiku tad-drittijiet tagħhom; tal-ħajja, tal-proprjetà, tal-libertajiet leġittimi, tal-unur, eċċ. Għalhekk l-Istat għandu l-liġijiet tiegħu, il-pieni, il-qrati; stabbiliti mhux biex ikun hemm id-dominju tal-klassi, razza jew partit fuq oħrajn imma biex jiddefendi u jipproteġi kull ċittadin.)
Ċiċerun
6. L-awtur jikkwota lil Ċiċerun, li kien fakkarna li “Legum servi sumus ut liberi esse possimus” (Inservu l-liġi sabiex inkunu liberi). Però f’dan ikompli jissoda l-argument b’kitbet il-Papa Piju XII (1876-1958) fejn jiċċara aktar il-kunċett fid-duttrina soċjali taċ-ċertezza tad-dritt. F’dan insibu hekk, fost punti oħra: “Ciò suppone; a) un tribunale e un Giudice che prendano le direttive da un diritto chiaramente formulato e circoscritto; b) chiare norme giuridiche che non possono essere stravolte con abusivi richiami ad un supposto sentimento popolari e con mere ragioni di utilità.” (Dan jitlob: a) qorti u ġudikant li jieħdu d-direzzjoni tagħhom minn liġijiet miktuba b’mod ċar u kontrollat; b) normi ġuridiċi stabbli u ċari li ma jistgħux jinbidlu skont iċ-ċirkostanzi, b’abbużi minħabba s-sentiment popolari jew raġunijiet hekk imsejħa ta’ utilità).
Parti mis-saltna tad-dritt
7. F’dan huwa iktar evidenti għalina llum fis-soċjetà tagħna li jkollna sistema ġuridika ċerta mhux biss fil-liġijiet miktuba u pubbliċi, imma iktar ukoll fl-applikazzjoni tagħhom. L-isforz legali u ġuridiku li jrid jiġi konfrontat b’aktar attenzjoni u preċiżjoni proprju għax il-liġi hija xjenza huwa proprju dan. Irid ikollna sistema li tinbena sabiex fil-libertà intellettwali u l-kuxjenza retta jkollna ċertezza tad-dritt. Fejn is-sistema ssegwi aktar li fuq punti legali ma jkunx hemm dubji jew inċertezza kif jiġu finalment deċiżi kwistjonijiet legali. Sfida kbira fis-sistema legali tagħna bil-passat twil tagħha. Imma waħda li trid ideat ġodda sabiex tingħeleb u jkollna Stat demokratiku li fih is-saltna tad-dritt tassigura aktar iċ-ċertezza tad-dritt.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
IL-GUDJA - GĦAJNUNA SOĊJALI
30885. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ki...
-
9944. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza: Jista’ l-Ministru jgħid ke...
-
10922. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qegħdin...
-
1. Din il-ġimgħa, l-kriżi finanzjarja li ilna naraw l-effetti negattivi tagħha kompliet b’fażi differenti u li qabel ma konniex...
No comments:
Post a Comment