9.9.25

VUĊIJIET EKONOMIĊI

1. Diversi drabi, dawk fil-politika jiżbaljaw li ma jikkunsidrawx dak li jgħidu bnedmin fl-ekonomija. Anki jekk dawn jintervjenu fil-kamp pubbliku, hemm min jinjorahom. Imma huma għandhom vuċi li trid tiġi rispettata u meħuda fil-kuntest li tingħad, minn bnedmin li ħafna drabi huma marbuta mal-fatti, ċifri u l-istatistika. Mhumiex lesti li ‘joħolmu’. Wisq inqas li jinjoraw dak li huma stess jipprevjenu li ser iseħħ. Mhux neċessarjament ikollhom raġun fuq dak kollu li jgħidu, imma huwa dejjem kontra l-għaqal li ma tismax u ma tikkunsidrax dak li jkunu qed jgħarblu u jbassru. Nemmen dejjem f’ekonomija li fil-libertà tagħha taħdem li però għandha, minn żmien għal żmien, il-bżonn ta’ interventi tal-liġi mill-Istat. Dik li biha tikkontrolla l-abbuż tal-monopolji, tipproteġi l-kompetizzjoni ġusta u tħarisha mill-korruzzjoni, fil-forom varji tagħha. Dawn mhumiex limitazzjonijiet għal-libertà tas-suq, imma huma dmirijiet li jkunu mħaddma kontinwament.

Mario Draghi

2. Persuna li f’dan għandu vuċi partikolari, mhux biss minħabba l-formazzjoni akkademika tiegħu, imma l-iktar mertu tal-esperjenza li ġabar. Persuna li ftit jiem oħra, fit-3 ta’ Settembru, jagħlaq tmienja u sebgħin sena. Bniedem li serva bejn l-2011 u l-2019 fil-kariga determinanti ta’ President tal-Bank Ċentrali Ewropew u dik ta’ Prim Ministru tal-Italja bejn l-2021 u l-2022. Wieħed li proprju kellu l-opportunità li jiġbor l-ekonomija u l-politika f’daqqa. F’għarfien ta’ fejn iwasslu t-tnejn, iktar u iktar meta f’daqqa jkunu iktar kordinati. Mhux waħda tiddomina lill-oħra, imma tassistiha. Dan il-bniedem diġà kellu diversi punti tajba fir-rapport li ressaq lill-Kummissjoni Ewropea s-sena li għaddiet. Imma ftit jiem ilu, fit-22 ta’ Awwissu, fil-Meeting ta’ Rimini, li bħalissa għadu għaddej, ressaq pożizzjonijiet ġodda li għandhom jiġu kkunsidrati. Dawk li ġew mit-tibdiliet li rajna u li għadna qed naraw tul din is-sena.

X’qal

3. Fost dawn, li l-Unjoni Ewropea trid tifhem ferm iktar ir-realtà preżenti. It-tieni: fil-politika ekonomika li fiha wieħed għandu jagħraf li l-globalizzazzjoni nbidlet u m’għadhiex ‘tiddomina’. Fejn ġie rappurtat li qal: “Per anni l’Unione Europea ha creduto che la dimensione economica, con 459 milioni di consumatori, portasse con sè potere geopolitico e nelle relazioni commerciali internazionali. Quest’anno sarà ricordato come l’anno in cui quest’illusione è evaporata.” (Għal snin, l-Unjoni Ewropea emmnet li d-dimensjoni ekonomika, b’459 miljun konsumatur, twassal inevitabbilment għal poter ġeopolitiku fir-relazzjonijiet internazzjonali. Imma din is-sena ser tkun imfakkra bħala dik li tirreġistra li din l-illużjoni evaporat.) Il-punt huwa proprju dan: li fl-għaqda neċessarja Ewropea wieħed irid jifhem aħjar dak li ninsabu fih u li l-parti politika trid tikber iktar biex tgawdi influwenza. Rispett aktar mill-potenzi preżenti, u għalhekk, direzzjoni ċara.

Kompromess ġdid

4. F’din l-ikbar demokrazija li tista’ u kapaċi tikkumbatti d-dittatorjati. Fost affarijiet oħra, Draghi jkompli jgħid: “Possiamo cambiare la traiettoria del nostro continente. Trasformate il vostro scetticismo in azione, fate sentire la vostra voce. L’Unione Europea è sopratutto un meccanismo per raggiungere gli obiettivi condivisi dai suoi ċittadini. La nostra migliore opportunità per un futuro di pace, sicurezza, indipendenza: è una democrazia e siamo noi, voi, i suoi cittadini, gli europei, che decidono le sue priorità.” (Nistgħu nibdlu t-trajettorja tal-kontinent tagħna. Ibdlu x-xettiċiżmu f’azzjoni, semmgħu leħinkom. L-Unjoni Ewropea hija, fuq kollox, mekkaniżmu biex jintlaħqu l-objettivi maqbula miċ-ċittadini tagħha. Hija l-aqwa opportunità lejn futur ta’ paċi, sigurtà, indipendenza; hija demokrazija u aħna, intom, iċ-ċittadini, l-Ewropej li jiddeċiedu l-prijoritajiet.) Draghi, kull darba li jitkellem, jesiġi mingħandna mumenti ta’ riflessjoni. Affermazzjoni ċara aktar fil-kapaċità u l-fiduċja li wieħed irid jagħti lill-Unjoni Ewropea.

Piero Sraffa

5. Pożizzjoni li ħaditni fil-ktieb mill-iktar interessanti dwar dan l-ekonomista. Dak li twieled fil-5 ta’ Awwissu 1898 u li miet fit-3 ta’ Settembru 1983 (ġurnata komuni). Persuna ftit magħrufa li sirna nafuha ftit aħjar fil-librett Piero Sraffa – unorthodox economist ta’ Jean Pierre Potier, oriġinarjament bil-Franċiż u tradott fl-Ingliż. Ktejjeb li huwa ċavetta għal spjegazzjoni ta’ diversi bnedmin li kienu parti mill-anti-Faxxiżmu fl-Italja. Fil-ħbiberija li Sraffa kellu ma’ Antonio Gramsci (1891-1937) u diversi oħra fi ħdan il-Partit Komunista. Waħda viċin bħala bnedmin, mhux fl-ideat. Strumentali fil-preservazzjoni tan-noti li Gramsci kiteb waqt li kien ikkundannat. Noti studjati u mfaħħra minn diversi.

Magħruf

6. Partikolarment għall-kitba Production of Commodities by Means of Commodities; Prelude to a Critique of Economic Theory (1960), kif ukoll fil-pubblikazzjoni tal-opri sħaħ tal-magħruf ekonomista David Ricardo (1717-1823), li raw id-dawl fl-1951. Mhux limitat għal dan u fl-eżilju li kellu jgħaddi minn f’Cambridge, l-Ingilterra, kiteb diversi artikoli varji fuq suġġetti ekonomiċi u f’difiża għal dawk li kienu għaddejjin minn persekuzzjoni. Professur rikonoxxut f’ħafna, imma li fuq l-ekonomija ma kitibx wisq. Di fatti, Gramsci stess jikkritikah fuq dan il-fatt, imma huwa kien kawt u ried ikun ċert f’dak li qiegħed jgħid. Iktar u iktar meta kellu l-opportunità li jeżamina kitbet oħrajn u jikkritika dak li waslu għalih.

L-intelliġenza

7. Bniedem kompletament barra mill-ordinarju. F’ħajtu mess ma’ diversi bnedmin magħrufa fid-dinja tal-intelliġenza bħal Benedetto Croce (1886-1952) u Ludwig Wittgenstein (1889-1951) fost oħrajn. Sab ruħu f’toroq differenti proprju minħabba l-fatt li kien Lhudi u ppersegwitat sew f’pajjiżu, u għalhekk sab rifuġju minn bnedmin oħra li apprezzaw it-talenti tiegħu. Tgħallem l-Ingliż tajjeb u kien jikteb u jagħti lezzjonijiet fl-Università. Apprezzat partikolarment minn John Maynard Keynes (1883-1946), persuna magħrufa sew fil-ħidma ekonomika tiegħu. Sal-lum kwotat, ċitat u dak li nfluwenza, u għadu, lil diversi mexxejja. Meta wieħed jaqra din il-kitba ta’ Jean Pierre Potier, fil-fatt jiskopri ħafna dettalji li jgħaqqdu xenarji oħra. Djalogu miftuħ, li bih wieħed jista’ jħares lura u jifhem l-influwenza tal-Marxiżmu u l-liberaliżmu. F’dak li nkiteb u f’dak li diversi, fosthom Sraffa ppruvaw jikkonkludu mingħajr ma jikkondividu.

Fosthom

8. Ċertament, hemm x’taqra. Laqatni l-iktar fil-bżonn tiegħu ta’ realpolitik. Fl-1921 kiteb punt li laqatni fil-ħruxija tiegħu, imma li huwa ta’ riflessjoni: “As the proletariat is entirely lacking in political preparation and organization, its action is necessarily limited to the industrial domain, and its leaders do all they can to confine it to that. But goodwill is not sufficient to remedy the theoretical and practical absurdiy of separating the economic struggle from the political struggle.” (Billi l-proletarjat huwa kompletament nieqes minn preparazzjoni u organizzazzjoni politika, l-azzjoni tiegħu hija neċessarjament limitata mad-dominju industrijali, u l-mexxejja tiegħu jwettqu kollox biex iħalluh hemm. Imma r-rieda t-tajba mhijiex biżżejjed biex tagħmel tajjeb għall-assurdità teoretika u prattika li tifred il-ġlieda ekonomika minn dik politika.)

Nistaqsu

9. F’dan illum wieħed għandu jistaqsi kemm dan għadu jgħodd. L-iktar f’kemm aħna fil-politika ninsabu esposti għall-kurrenti u l-ideat ekonomiċi preżenti. F’kemm aktar, wara, aħna kapaċi li waqt li nżommu l-pożizzjoni tagħna fil-ħajja politika nifhmu li f’ħafna rridu nimxu id f’id. Iktar u iktar quddiem dak li ninsabu preżentement fih fl-Unjoni Ewropea, f’dak li Mario Draghi qalilna: “Quest’anno sarà ricordato come l’anno in cui quest’illusione è evaporata.” Proprju fil-bżonn li nifhmu aktar fejn ser immorru. Nifhmu r-realtà Ewropea li sejrin lejha. Dmirna bħala politiċi huwa li nifhmu u nisimgħu l-vuċijiet ekonomiċi.

No comments:

ĦADMU GĦAS-SEWWA

1. Ftit ilu fakkarna li fit-23 ta’ Lulju 1957, kważi sebgħin sena ilu, ġie nieqes l-awtur Sqalli Giuseppe Tomasi di Lampedusa (1896). ...