Showing posts with label Mario Draghi. Show all posts
Showing posts with label Mario Draghi. Show all posts

9.9.25

VUĊIJIET EKONOMIĊI

1. Diversi drabi, dawk fil-politika jiżbaljaw li ma jikkunsidrawx dak li jgħidu bnedmin fl-ekonomija. Anki jekk dawn jintervjenu fil-kamp pubbliku, hemm min jinjorahom. Imma huma għandhom vuċi li trid tiġi rispettata u meħuda fil-kuntest li tingħad, minn bnedmin li ħafna drabi huma marbuta mal-fatti, ċifri u l-istatistika. Mhumiex lesti li ‘joħolmu’. Wisq inqas li jinjoraw dak li huma stess jipprevjenu li ser iseħħ. Mhux neċessarjament ikollhom raġun fuq dak kollu li jgħidu, imma huwa dejjem kontra l-għaqal li ma tismax u ma tikkunsidrax dak li jkunu qed jgħarblu u jbassru. Nemmen dejjem f’ekonomija li fil-libertà tagħha taħdem li però għandha, minn żmien għal żmien, il-bżonn ta’ interventi tal-liġi mill-Istat. Dik li biha tikkontrolla l-abbuż tal-monopolji, tipproteġi l-kompetizzjoni ġusta u tħarisha mill-korruzzjoni, fil-forom varji tagħha. Dawn mhumiex limitazzjonijiet għal-libertà tas-suq, imma huma dmirijiet li jkunu mħaddma kontinwament.

Mario Draghi

2. Persuna li f’dan għandu vuċi partikolari, mhux biss minħabba l-formazzjoni akkademika tiegħu, imma l-iktar mertu tal-esperjenza li ġabar. Persuna li ftit jiem oħra, fit-3 ta’ Settembru, jagħlaq tmienja u sebgħin sena. Bniedem li serva bejn l-2011 u l-2019 fil-kariga determinanti ta’ President tal-Bank Ċentrali Ewropew u dik ta’ Prim Ministru tal-Italja bejn l-2021 u l-2022. Wieħed li proprju kellu l-opportunità li jiġbor l-ekonomija u l-politika f’daqqa. F’għarfien ta’ fejn iwasslu t-tnejn, iktar u iktar meta f’daqqa jkunu iktar kordinati. Mhux waħda tiddomina lill-oħra, imma tassistiha. Dan il-bniedem diġà kellu diversi punti tajba fir-rapport li ressaq lill-Kummissjoni Ewropea s-sena li għaddiet. Imma ftit jiem ilu, fit-22 ta’ Awwissu, fil-Meeting ta’ Rimini, li bħalissa għadu għaddej, ressaq pożizzjonijiet ġodda li għandhom jiġu kkunsidrati. Dawk li ġew mit-tibdiliet li rajna u li għadna qed naraw tul din is-sena.

X’qal

3. Fost dawn, li l-Unjoni Ewropea trid tifhem ferm iktar ir-realtà preżenti. It-tieni: fil-politika ekonomika li fiha wieħed għandu jagħraf li l-globalizzazzjoni nbidlet u m’għadhiex ‘tiddomina’. Fejn ġie rappurtat li qal: “Per anni l’Unione Europea ha creduto che la dimensione economica, con 459 milioni di consumatori, portasse con sè potere geopolitico e nelle relazioni commerciali internazionali. Quest’anno sarà ricordato come l’anno in cui quest’illusione è evaporata.” (Għal snin, l-Unjoni Ewropea emmnet li d-dimensjoni ekonomika, b’459 miljun konsumatur, twassal inevitabbilment għal poter ġeopolitiku fir-relazzjonijiet internazzjonali. Imma din is-sena ser tkun imfakkra bħala dik li tirreġistra li din l-illużjoni evaporat.) Il-punt huwa proprju dan: li fl-għaqda neċessarja Ewropea wieħed irid jifhem aħjar dak li ninsabu fih u li l-parti politika trid tikber iktar biex tgawdi influwenza. Rispett aktar mill-potenzi preżenti, u għalhekk, direzzjoni ċara.

Kompromess ġdid

4. F’din l-ikbar demokrazija li tista’ u kapaċi tikkumbatti d-dittatorjati. Fost affarijiet oħra, Draghi jkompli jgħid: “Possiamo cambiare la traiettoria del nostro continente. Trasformate il vostro scetticismo in azione, fate sentire la vostra voce. L’Unione Europea è sopratutto un meccanismo per raggiungere gli obiettivi condivisi dai suoi ċittadini. La nostra migliore opportunità per un futuro di pace, sicurezza, indipendenza: è una democrazia e siamo noi, voi, i suoi cittadini, gli europei, che decidono le sue priorità.” (Nistgħu nibdlu t-trajettorja tal-kontinent tagħna. Ibdlu x-xettiċiżmu f’azzjoni, semmgħu leħinkom. L-Unjoni Ewropea hija, fuq kollox, mekkaniżmu biex jintlaħqu l-objettivi maqbula miċ-ċittadini tagħha. Hija l-aqwa opportunità lejn futur ta’ paċi, sigurtà, indipendenza; hija demokrazija u aħna, intom, iċ-ċittadini, l-Ewropej li jiddeċiedu l-prijoritajiet.) Draghi, kull darba li jitkellem, jesiġi mingħandna mumenti ta’ riflessjoni. Affermazzjoni ċara aktar fil-kapaċità u l-fiduċja li wieħed irid jagħti lill-Unjoni Ewropea.

Piero Sraffa

5. Pożizzjoni li ħaditni fil-ktieb mill-iktar interessanti dwar dan l-ekonomista. Dak li twieled fil-5 ta’ Awwissu 1898 u li miet fit-3 ta’ Settembru 1983 (ġurnata komuni). Persuna ftit magħrufa li sirna nafuha ftit aħjar fil-librett Piero Sraffa – unorthodox economist ta’ Jean Pierre Potier, oriġinarjament bil-Franċiż u tradott fl-Ingliż. Ktejjeb li huwa ċavetta għal spjegazzjoni ta’ diversi bnedmin li kienu parti mill-anti-Faxxiżmu fl-Italja. Fil-ħbiberija li Sraffa kellu ma’ Antonio Gramsci (1891-1937) u diversi oħra fi ħdan il-Partit Komunista. Waħda viċin bħala bnedmin, mhux fl-ideat. Strumentali fil-preservazzjoni tan-noti li Gramsci kiteb waqt li kien ikkundannat. Noti studjati u mfaħħra minn diversi.

Magħruf

6. Partikolarment għall-kitba Production of Commodities by Means of Commodities; Prelude to a Critique of Economic Theory (1960), kif ukoll fil-pubblikazzjoni tal-opri sħaħ tal-magħruf ekonomista David Ricardo (1717-1823), li raw id-dawl fl-1951. Mhux limitat għal dan u fl-eżilju li kellu jgħaddi minn f’Cambridge, l-Ingilterra, kiteb diversi artikoli varji fuq suġġetti ekonomiċi u f’difiża għal dawk li kienu għaddejjin minn persekuzzjoni. Professur rikonoxxut f’ħafna, imma li fuq l-ekonomija ma kitibx wisq. Di fatti, Gramsci stess jikkritikah fuq dan il-fatt, imma huwa kien kawt u ried ikun ċert f’dak li qiegħed jgħid. Iktar u iktar meta kellu l-opportunità li jeżamina kitbet oħrajn u jikkritika dak li waslu għalih.

L-intelliġenza

7. Bniedem kompletament barra mill-ordinarju. F’ħajtu mess ma’ diversi bnedmin magħrufa fid-dinja tal-intelliġenza bħal Benedetto Croce (1886-1952) u Ludwig Wittgenstein (1889-1951) fost oħrajn. Sab ruħu f’toroq differenti proprju minħabba l-fatt li kien Lhudi u ppersegwitat sew f’pajjiżu, u għalhekk sab rifuġju minn bnedmin oħra li apprezzaw it-talenti tiegħu. Tgħallem l-Ingliż tajjeb u kien jikteb u jagħti lezzjonijiet fl-Università. Apprezzat partikolarment minn John Maynard Keynes (1883-1946), persuna magħrufa sew fil-ħidma ekonomika tiegħu. Sal-lum kwotat, ċitat u dak li nfluwenza, u għadu, lil diversi mexxejja. Meta wieħed jaqra din il-kitba ta’ Jean Pierre Potier, fil-fatt jiskopri ħafna dettalji li jgħaqqdu xenarji oħra. Djalogu miftuħ, li bih wieħed jista’ jħares lura u jifhem l-influwenza tal-Marxiżmu u l-liberaliżmu. F’dak li nkiteb u f’dak li diversi, fosthom Sraffa ppruvaw jikkonkludu mingħajr ma jikkondividu.

Fosthom

8. Ċertament, hemm x’taqra. Laqatni l-iktar fil-bżonn tiegħu ta’ realpolitik. Fl-1921 kiteb punt li laqatni fil-ħruxija tiegħu, imma li huwa ta’ riflessjoni: “As the proletariat is entirely lacking in political preparation and organization, its action is necessarily limited to the industrial domain, and its leaders do all they can to confine it to that. But goodwill is not sufficient to remedy the theoretical and practical absurdiy of separating the economic struggle from the political struggle.” (Billi l-proletarjat huwa kompletament nieqes minn preparazzjoni u organizzazzjoni politika, l-azzjoni tiegħu hija neċessarjament limitata mad-dominju industrijali, u l-mexxejja tiegħu jwettqu kollox biex iħalluh hemm. Imma r-rieda t-tajba mhijiex biżżejjed biex tagħmel tajjeb għall-assurdità teoretika u prattika li tifred il-ġlieda ekonomika minn dik politika.)

Nistaqsu

9. F’dan illum wieħed għandu jistaqsi kemm dan għadu jgħodd. L-iktar f’kemm aħna fil-politika ninsabu esposti għall-kurrenti u l-ideat ekonomiċi preżenti. F’kemm aktar, wara, aħna kapaċi li waqt li nżommu l-pożizzjoni tagħna fil-ħajja politika nifhmu li f’ħafna rridu nimxu id f’id. Iktar u iktar quddiem dak li ninsabu preżentement fih fl-Unjoni Ewropea, f’dak li Mario Draghi qalilna: “Quest’anno sarà ricordato come l’anno in cui quest’illusione è evaporata.” Proprju fil-bżonn li nifhmu aktar fejn ser immorru. Nifhmu r-realtà Ewropea li sejrin lejha. Dmirna bħala politiċi huwa li nifhmu u nisimgħu l-vuċijiet ekonomiċi.

31.7.25

FIĊ-ĊIRKOSTANZI LI NINSABU

1. Għandi dubji fuq kemm id-dinja mxiet ’il quddiem f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena. B’ “’il quddiem” nifhem il-progress li jitkattar mill-paċi u l-ġustizzja. Mill-abbiltà li tibni pajjiż u tieħu ħsieb iktar il-bżonnijiet tal-popli. Minn dak li huwa evidenti, għandna iktar xenarji ta’ gwerer li ma jiqfux. Ifaqqsu. Għandna f’dan ukoll ferm iktar gvernijiet li biex iżommu ’l-Istat għaddej żiedu u kabbru d-dejn nazzjonali tagħhom. Għandna iktar infiq fl-armamenti militari milli qatt kellna f’dawn l-aħħar tmenin sena. F’dik is-sena 1945, meta l-Ġappun ċeda wkoll u t-theddida kontra d-demokraziji li l-lemin estrem kien jirrappreżenta spiċċat definittivament ingħalaq kapitolu ikrah u d-dinja bdiet tipprova tibni lilha nfisha mill-ġdid. Dak li kien pass favur il-progress issa jidher li sejrin kompletament il-kontra tiegħu.

Dak li nbena

2. F’dan aktar qisna dħalna f’fażi fejn dak li ġie mibni lura f’diversi stati issa beda l-proċess lura biex, b’xi mod, jiżżarma. Il-marka tal-ġid nazzjonali kien f’dan immarkat b’kemm kapaċi nonfqu fi proġetti li jissudaw l-infrastruttura, il-bliet u l-assigurazzjoni li hemm stat soċjali u ġustizzja soċjali pprattikati. Ix-xenarji ta’ gwerer li mhumiex jieqfu fl-Ukrajna u f’Gaża jindikaw aktar li dħalna f’mentalità li se ssib soluzzjoni billi tassigura d-distruzzjoni. F’dan nistgħu naraw laqgħat miżmuma bejn pajjiżi varji, jiddiskutu kif ser iġibu l-fondi u kif dawn ser jintefqu biex jinbena mill-ġdid it-tifrik. Imma lkoll nafu li r-realtà hija ferm ’il bogħod milli naħsbu.

Il Sole 24 Ore

3. Fil-ħarġa ta’ din il-gazzetta tal-24 ta’ Lulju, li tħares lejn il-finanzi u li ftit tingħata importanza f’pajjiżna, sibt artiklu ta’ Pier Luigi Sacco li huwa professur fl-Ekonomija. Fih huwa jibda l-analiżi tiegħu hekk: “L’Europa si trova oggi di fronte a una sfida geopolitica che non ha preċedenti dai tempi del secondo dopoguerra. La rapidissima evoluzione verso un nuovo ordine mondiale multipolare caratterizzato da crescenti tensioni geopolitiche e da una profonda messa indiscussione dei fondamenti stessi della globalizzazione economica degli ultimi decenni, sta costringendo il nostro continente a ripensare radicalmente le proprie priorità strategiche. Il riarmo europeo, ormai ineludibile, rappresenta una risposta necessaria ma non sufficiente a garantire la rilevanza geopolitica dell’Europa negli scenari futuri.” (L-Ewropa llum tinsab quddiem sfida ġeopolitika li ma kellhiex qabel sa minn żmien it-tieni gwerra mondjali. L-evoluzzjoni veloċi ħafna lejn ordni mondjali multipolari, b’tensjonijiet ġeopolitiċi li jikbru kontinwament u ta’ tqegħid għad-diskussjoni l-bażi stess tal-globalizzazzjoni ekonomika tal-aħħar deċennji qed iġġiegħel lill-kontinent tagħna jaħseb radikalment il-prijoritajiet strateġiċi tiegħu. Ir-riarm Ewropew, li sfortunatament, ma jistax jinżamm milli jsir, jirrappreżenta risposta neċessarja imma mhux biżżejjed biex jiggarantilha rilevanza ġeopolitika Ewropea fix-xenarji futuri.)

Ix-xenarju huwa differenti

4. Fl-ewwel sitt xhur nimmarkaw li dak li ġie proġettat fil-presidenza futura ta’ Donald Trump ma seħħx fid-direzzjoni li ntqal lilna. Ma kienx hemm paċi l-għada, jew fil-jiem ta’ wara l-ħatra. Kien hemm, u għad hemm iktar jiem ta’ attakki u partijiet li ma jistgħux jiftehmu dwar il-futur. Qisha kull naħa taħseb li jekk tkompli tiġġieled ser ikollha vantaġġi akbar fil-proċessi futuri. Imma jekk hemm settur ta’ instabilità kbira huwa proprju dak tal-kunflitti militari. Iktar u iktar illum il-ġurnata bit-teknoloġija moderna li dejjem qed tibni armi iktar miċidjali, sofistikati u effettivi. F’dan però huwa dejjem iktar ċar li l-Unjoni Ewropea fehmet u għalhekk qegħda timxi sabiex tkun iktar għal rasha u ma tiddependix fid-dożi preċedenti mill-Istati Uniti, jew aħjar, mill-Presidenza Trump. Biss din il-linja llum tista’ tidher bħal dik ġusta, dik mingħajr alternattiva, imma wieħed irid iżomm ruħu attent li qed jimxi u jġorr dak li verament ser ikun fil-futur.

Macron, Merz u Starmer


5. F’dan proprju hemm dawn il-laqgħat kontinwi li qed isiru bejn dawn it-tlett mexxejja Ewropej, li huma mimlija b’ideat. Uħud nisimgħu bihom u oħrajn trid tfittixhom. Franza, l-Ġermanja u r-Renju Unit qed jersqu iktar viċin fl-aġenda marbuta ma’ dak li huwa fil-bżonn tat-twettiq ta’ iktar infiq militari. Dak li jingħad u l-kontenut ta’ dak rilaxxat juri li hemm proċess li qiegħed jidħol fis-seħħ. Tul il-ġimgħa, il-Gvern ġdid Tedesk approva liġi li trendi x-xiri tal-armi għall-eżerċitu tiegħu aktar malajr. Il-Ministru tal-Ekonomija Catherine Reiche ddikjarat u rrappurtata fil-gazzetti Taljani li qalet hekk: “L’obiettivo è chiaro: dobbiamo diventare tecnologicamente e industrialmente più forti dei potenti aggressuri. È così che assicuriamo la pace.” (Il-mira tagħna hija ċara: irridu nsiru teknoloġikament u industrijalment iktar b’saħħitna mill-aggressuri potenti. Huwa b’hekk li nassiguraw il-paċi.) Ideat li jfakkruna li fl-Ewropa, il-produzzjoni attwali wasslitha tikber billi teħxien, mentri huwa ċar li ma baqgħetx veloċi u f’postha tiflaħ tiġri ma’ oħrajn jew qabel oħrajn. Triq iqsar mir-rapport ta’ Mario Dragi f’Settembru li għadda, u proprju għalhekk li sejra lejn dik il-linja.

Skużi jew raġunijiet

6. F’dan huwa ċar li dan ġej proprju fil-mument u ċ-ċirkostanzi li wħud jaħsbu li huma favorevoli. Fis-sens li l-opzjoni lejn infiq u produzzjoni militari tista’ ġġib lura l-produzzjoni industrijali fil-Ġermanja f’postha. F’ċertu sens faċli, f’ieħor neċessarja. Imma l-fatt jibqa’ li bl-armi ma tikolx u lanqas tibni. Prodott li fit-tul huwa mejjet u f’dan ikun hemm min jinsisti li jiġi wżat u mibjugħ lill-oħrajn. Proċess ta’ nkwiet u wkoll ta’ riekwilibriju, jekk wieħed jista’ jsejjaħlu hekk, għax Emanuel Macron u Keir Starmer għandhom warajhom vantaġġ militari fuq il-Ġermanja. Fil-fatt, tul Lulju, fil-11, kellna l-ewwel ftehim militari bejn dawn it-tlieta biex jikkoordinaw iktar il-kapaċitajiet militari tagħhom biex isostnu lill-Ewropa u lin-NATO. Pass interessanti għall-istess Renju Unit wara l-effetti negattivi ta’ Brexit.

Kif twettaq

7. F’ċertu sens hija ħasra li tara lil dawn il-pajjiżi kbar u b’saħħithom jinġabru biex ikollhom teknoloġija u industrija militari aqwa mentri setturi oħra mhumiex daqshekk fl-aġenda, u forsi wkoll, ma jistgħux ikunu. F’dan ċertament tifhem iktar il-preċiżjoni umana Ewropea li, fejn trid, jirnexxilha tiċċaqlaq u twettaq. Jekk jaqblu, kif qed naraw, jimxu f’dik id-direzzjoni. Tul il-ġimgħa li għaddiet, fl-24 ta’ Lulju, fil-fatt Friedrich Merz u Emanuel Macron iltaqgħu f’Berlin sabiex jippruvaw jissuperaw żewġ punti determinanti. L-ewwel fuq dak marbut mat-tfassil ta’ ajruplani militari aqwa u komuni, magħruf bħala ‘Future Combat Air System’. Dan billi hemm diffikultajiet bejn il-kumpannija Franċiża Dasault Aviation, l-Airbus Franko-Tedeska u l-Ispanjola Indra Sistemas. It-tieni, fit-tankijiet tal-gwerra f’dik indikata bħala ‘Main Ground Combat System’, fejn il-Ġermanja tidher li hija fuq quddiem. Dan dejjem bit-tnejn jaqblu li jibqgħu jagħtu appoġġ lill-Ukrajna.

X’ser ikollna

8. Biss, il-kumplikazzjonijiet komplew iktar bid-dikjarazzjoni ta’ Macron li f’Settembru, Franza ser tirrikonoxxi lill-Istat Palestinjan u dan quddiem dak li hemm iseħħ, b’mod mill-iktar inaċċettabbli, ġewwa Gaża. Wieħed li ġieb konfrontazzjoni politika qawwija. Bil-gazzetta Le Monde tas-26 ta’ Lulju tiddikjara qbil f’editorjal bit-titlu ‘La Logique de la Reconnaissance De La Palestine”, tinsisti fl-argument li b’hekk il-Ħamas mhux qed jiġi ppremjat, imma ser ikollu jaċċetta l-eżistenza tal-Istat ta’ Iżrael. Dikjarazzjonijiet bħal dawn ser iġibu pressjoni sija fuq Keir Starmer, kif ukoll fuq Friedrich Merz. Sitwazzjonijiet xejn faċli u li jitolbu iktar attenzjoni. Proprju għalhekk li quddiem dan kollu, u f’dawn iċ-ċirkostanzi, huwa dejjem għaqli li wieħed jibqa’ pass lura u jifhem sew fejn sejrin, jew aħjar, fejn ser nispiċċaw.

ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET

35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...