9.9.25

SERJETÀ POLITIKA

1. M’aħniex ’il bgħid. Fl-entużjażmu li għaddej, li huwa fih innifsu pożittiv, wieħed irid iħares ’il quddiem. Jifhem li l-politika għandha r-regoli tagħha u li jekk wieħed irid iwettaqha sewwa, allura jrid jibqa’ marbut mar-realtà. Illum hemm iktar il-politika tal-immaġini, tal-apparenzi u tal-paraventi. Imma din ma ddumx trieġi l-eventi tal-ġurnata. Il-politika trid għeruq sodi u preparazzjoni formattiva sabiex dak li tkun beħsiebek twettaq ikun ta’ ġid għall-bnedmin li inti tirrappreżenta.

Dmirijiet

2. Mill-esperjenza li għaddietli l-politika nemmen dejjem iktar li hemm numru ta’ dmirijiet fundamentali li l-politiku jrid iwettaq. F’dawn, ċertament dak tal-formazzjoni informattiva u kulturali kontinwa tiegħu. Dak li jidħol għall-politika u jaħseb li m’għandux bżonn jaqra u jarma ruħu intellettwalment ikun qed jiżbalja. Jista’ jkollok diversi kwalitajiet bħas-simpatija, il-preżenza, il-kariżma, imma dawn m’għandhom l-ebda sustanza jekk ma tkunx iffurmat. Iffurmat mhux biss fil-passat, imma fit-triq kontinwa ’l quddiem biex tifhem dak li għaddej u fejn tista’ tmur. F’ħafna, id-doża qawwija ta’ umiltà li trid iżomm fuqek u ġewwa fik f’kull ma twettaq.

Mhux l-istess

3. Kif nafu, mhux kull poplu huwa bħal ieħor. Jista’ jkollu tixbihat, imma fihom issib il-konfront ta’ dak li japplika jew le għas-soċjetà li taħdem għaliha. Trid tħares madwarek u tieħu wkoll minn dak li ġarrbu oħrajn. Mhux kollox f’daqqa, imma f’dak li fuq naħa twettaq is-sewwa u fuq in-naħa l-oħra dak li taħrab dak li mhuwiex hekk. Lezzjonijiet u eżempji huma determinanti minn kif iġibu, jew kif ġiebu ruħhom f’dan politiċi oħra qabilna. Il-punt li wieħed bilfors jislet u bilfors jara li l-poplu jippretendi huwa dak li jibqa’ marbut mas-serjetà fil-ħidma tiegħu.

Infakkru

4. Fid-19 ta’ Awissu 1954 kien ġie nieqes il-politiku Demokristjan Taljan Alcide de Gasperi. Bniedem straordinarju fil-ħidma li huwa wettaq għal pajjiżu. Fis-serjetà li kellu u fl-abbiltà li bena mill-esperjenza li ġarrab mexxa sabiex mit-tifrik u l-miżerja li l-Faxxiżmu ħallih fih seta’ jibni mill-ġdid. Kien serju u baqa’ dawl iktar illum għal dawk li jridu jwettqu sewwa dmirijiethom. Tul il-ġimgħa, diversi minn partiti politiċi varji fl-Ewropa sellmu l-memorja tiegħu. Fakkru l-kwalitajiet uniċi tiegħu. Faħħru l-abbiltajiet li kellu biex iġib lill-bnedmin jaħdmu f’daqqa. Fissru kemm kien ikun preċiż fl-għarfien ta’ dak li kien hemm bżonn biex wieħed iservi tajjeb u b’dinjità lil bnedmin oħra.

Dritt

5. F’dan, mas-serjetà tingħaqad ir-rettitudni fl-ideat u fil-komportament uman. Min jidħol fil-politika mingħajr m’għandu proġetti ċari u ideoloġiji kostanti jispiċċa biex ma jibqax dritt. Jiġi mmexxi min-naħa jew oħra. Filgħodu jiddikjara ħaġa u filgħaxija jiddikjara oħra. Ikun aħjar għall-bniedem li ma jitkellimx milli jħawwad lilu nnifsu u lil dawk li jsegwuh b’ideat kontradittorji. Il-poplu jippretendi koerenza politika ċara, u f’dan għax hemm l-għarfien politiku ta’ dak li huwa sewwa u dak li mhuwiex. Iż-żmien ibaskat lill-bniedem, u dan għax jirnexxilu jgħallmu. Altru barra mill-politika, u altru fiha. Għax din il-ħidma hija sfida fiha nfisha. Tingħaqad ma’ dawk li jiddeċiedi l-elettorat sabiex fil-kwalitajiet li għandhom tagħraf sa fejn tista’ tasal biex tibdel.

Ġustizzja Soċjali

6. Is-serjetà politika titlob li tkun kontinwament determinat li twettaq atti siewja permezz tal-ġustizzja soċjali. Kif tassigura li min huwa minn taħt tgħinu jgħix ħajja iktar dinjituża. Tassiguralu eżistenza aqwa milli għandu. Mhux billi ċċekken lill-oħrajn imma billi tqassam aħjar, fl-għarfien li l-bnedmin jiġu maħluqa bi skop preċiż. Fejn kull persuna hija importanti u trid tiġi protetta mill-Istat. Is-serjetà politika tippreparak sabiex tindirizza lil dawk li huma l-iktar ’l isfel għax tmiss magħhom, u mhux taħrabhom. Għax tieqaf u tifhem li trid taqbeż għalihom u mhux tużahom għal xi ritratt li mbagħad pront pront titfgħu fid-dinja tal-propaganda.

Nittama

7. F’dan nittama li qed nifhmu li aħna issa għandna sfida determinanti quddiemna. Nittama li qed nifhmu li hemm probabilità għolja li jkun hemm bidla fil-Gvern. Nittama li qed nifhmu li rridu nkunu kapaċi nwieġbu għal dawn iċ-ċirkostanzi b’soluzzjonijiet politiċi serji. Nittama li ħadd ma jibqa’ jimmaġina aktar li l-politika ssir meta finalment tkun fis-siġġu tal-poter. Nittama li nifhmu li biex inkunu soluzzjoni għall-problemi li hawn f’pajjiżna rridu nkunu ppreparati fis-serjetà. Nittama li nifhmu li rridu nħarsu ’l quddiem sew. F’dan insellem lil kull min japprezza lejn fejn irridu mmorru sabiex ikun hemm il-bidliet veri u mhux apparenti. Insellem aktar mill-qalb lil dawk kollha li jifhmu li d-dmir tagħhom hu li jridu jwettqu politika serja.

No comments:

ĦADMU GĦAS-SEWWA

1. Ftit ilu fakkarna li fit-23 ta’ Lulju 1957, kważi sebgħin sena ilu, ġie nieqes l-awtur Sqalli Giuseppe Tomasi di Lampedusa (1896). ...